Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/712506
illum Il-Ħadd 07 ta' Awwissu 2016 Sports 28 X'qed jinħema fix-xena tal-futbol internazzjonali... JAMES RODRIGUEZ - West Ham United daħlu fit-tellieqa biex jakkwistaw lill-Kolumbjan James Rodriguez mingħand Real Madrid għas-somma ta' €80 miljun. Interessati f'dan il-plejer hemm ukoll Manchester United, Chelsea u Paris Saint-Germain, iżda l-Hammers jidhru favoriti ewlenin li jakkwistawh, minħabba li diġà għandhom somma allokata għall-akkwist ta' plejer kbir, wara li fallielhom it-tragward li jikkonvinċu lil Carlos Tevez biex jirritorna jilgħab bil-flokk ta' West Ham United. THIERRY HENRY - Wara kważi 20 sena fit-tmexxija ta' Arsenal bħala kowċ, l-istaġun li ġej għandu jkun l-aħħar wieħed tal-Franċiż Arsene Wenger fuq il-pankina tal-Gunners. Propju rigward it-tmexxija futura ta' Arsenal, fl-aħħar siegħat tkellem l-eksplejer leġġendarju Franċiż tal-Gunners, Thierry Henry, li ma ħebiex ix-xewqa li għandu li jkun hu l-kowċ ta' Arsenal wara li Arsene Wenger iħalli t-tmun tat-tim minn Londra. Thierry Henry żied li bħalissa qed isegwi korsijiet tal-kowċing biex jakkwista l-liċenzja A tal-UEFA, biex b'hekk ikun jista' jikkowċja team tal-ogħla livell bħal mhuwa Arsenal. GIANFRANCO ZOLA - Jidher li hemm ċans li Gianfranco Zola jingħaqad ma' kowċis oħra Taljani fil-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra fosthom Claudio Ranieri, Antonio Conte, Walter Mazzarri u Francesco Guidolin, billi jieħu t-tmexxija ta' Hull City bħala kowċ, wara li Steve Bruce ħalla lil dan il-klabb fil-jiem li għaddew. Jekk Gianfranco Zola jkun hu li jieħu din il-kariga, din tkun it-tielet esperjenza għalih fl-Ingilterra bħala kowċ, hekk kif fil-passat riċenti, ikkowċja kemm lil West Ham United kif ukoll lil Watford. THOMAS VERMAELEN - Roma jinsabu interessati fid-difensur Belġjan ta' Barcelona, Thomas Vermaelen. Madankollu, il-Katalani qed jitolbu s-somma ta' €10 miljun għal dan il-plejer, liema ċifra qed tidher bħala waħda li ma tistax tintlaħaq minn Roma. MARIO MANDZUKIC - Jidher li Barcelona jinsabu lesti li joffru s-somma ta' €10 miljun biex jakkwistaw lill-attakkant Kroat ta' Juventus, Mario Mandzukic. Hemm ċans li Juventus jaċċettaw din l-offerta, l-iktar minħabba l-fatt li dan il-plejer matul l-istaġun li ġej, ftit li xejn mistenni jsib post regolari ma' Juventus, speċjalment wara l-wasla tal-fenomenu Arġentin, Gonzalo Higuain maċ-champions Taljani. VICTOR LINDELOF - Id-difensur ta' 21 sena ta' Benfica, Victor Lindelof, jinsab pass 'il bogħod milli jingħaqad ma' Chelsea, bil-Blues huma lesti li jħallsu l-klawsola ta' €30 miljun biex dan ikun jista' jinħall mill-kuntratt tiegħu ma' Benfica. GARY MEDEL - Liverpool tefgħu ħarsithom fuq il-plejer ta' nofs il-grawnd miċ-Ċilì ta' Inter, aktar magħruf bħala l-'Pitbull', Gary Medel. Jidher li l-kowċ Ġermaniż tar-Reds, Jurgen Klopp, jixtieq lil dan il-plejer ma' Liverpool, speċjalment fid-dawl li huwa jista' jservi ta' riżerva tajjeb għall-plejers ta' nofs il-grawnd ta' Liverpool, waqt li preżentament jista' jimla l-vojt ta' xi plejers importanti tar-Reds li qed isofru minn injury. MARIO LEMINA - Il-Ġermaniżi ta' Schalke 04, offrew is-somma ta' €23 miljun għal Mario Lemina ta' Juventus. Meta wieħed iqis l-akkwisti mill-aqwa li għamlu l-Bianconeri matul l-aħħar ġimgħat, jidher li ftit li xejn hemm ċans li dan il-plejer ta' 22 sena jilgħab b'mod regolari ma' Juventus, u għalhekk teżisti possibbiltà kbira li huwa jħalli lill-klabb minn Turin qabel ma jintemm is-sajf.