Illum previous editions

ILLUM 7 August 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/712506

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 35

Aħbarijiet 9 Il-Ħadd 07 ta' Awwissu 2016 | illum 'Qed nipprova nagħmel dak li nista' biex uliedi jkunu kuntenti' Tliet Ministri jafu dwar is-sitwazzjoni gravi li fiha tinsab Joanne Tkompli minn paġna 1 "TISTA' timmaġina kemm konna ħażin, kelli nqabbad kollox minn plakka waħda biss: washing machine, TV, fann...sakemm darba nħaraq l-extension u l-kurrent għadda sal-vit tal-banju. Kelli t-tifla għal naqra ma baqgħatlix tal-post," tispjega l-omm b'qalbha maqsuma. L-ILLUM staqsiet lil Joanne jekk pruvatx tfittex postijiet aktar diċenti fejn tista' tikri. "Kif? B'liema flus? B'€300 kull xahar illum ma ssib xejn, jew għall-inqas żgur ma ssib xejn biex tkun tista' tgħajjex erbat itfal. Ninsab waħdi nipprova nmantni lil uliedi, waħda ta' sentejn, jiġifieri naħdem ma nistax. Sakemm forsi jkun imissni post tal-Gvern ikolli nikkuntenta bi tlett ikmamar. Issa xtrajt naqra 'bricks' biex forsi jkollna kamra tal-banju. L-ILLUM hija nfurmata li bil-każ ta' Joanne jafu tliet Ministri u għalkemm dejjem qed tkun infurmata li l-każ gravi ta' housing tagħha qed ikun investigat, s'issa Joanne u wliedha għadhom qed jgħixu f 'sitwazzjoni fejn ma jafux x'se jiġri għada, ma jafux jekk hux se jispiċċaw litteralment barra t-triq. Mal-ILLUM, Joanne tispjega kif tixtieq li jkollha d-dar tagħha "u naħseb jekk inħallas loan immur aħjar minn issa għax ikolli xi ħaġa tiegħi, imma ma nistax, ma nistax nagħti dak li ħafna ommijiet jagħtu lil uliedhom." Bejn mument ta' silenzju u ieħor, Joanne tispjegalna kif lanqas jekk trid tikri, ftit li xejn tista'. "Ħafna drabi jitolbuk €1,000 depożitu biss. Nifhem li għandhom dritt jitolbuh, ifhimni, imma jien minn fejn se nsibhom dawn il-flus? Jiġifieri nixtri ma nistax għax il-bank mhu se jtini xejn u nikri ma naffordjax." L-ILLUM staqsiet kif jista' jkun li post bħal dak li għexet fih, ikkundannat, mingħajr plakkek u b'żewġt ikmamar jinkera. Is-ħaddiema soċjali li qed taħdem fuq il-każ ta' Joanne, li kienet maġenbha tul l-intervista, esprimiet l-istagħġib tagħha li dawn l-affarijiet qed jitħallew isiru f 'pajjiżna mingħajr ebda forma ta' kontroll u spezzjonar. 'Nixtieq imqar immur s'Għawdex...imma ma nistax' L-omm xtaqet tibqa' tirrakonta l-istorja tagħha sakemm bdiet tispjega kif tipprova tgħaddi jum wara l-ieħor. "Kemm tista', oħti vera tgħinni u tkun ta' spalla, imma taf int hux? Mhux faċli...mhux faċli." Tieqaf għal ftit mumenti u sakemm terġa' ssib il-kliem, is-social worker tfakkarna kemm Joanne hija kuraġġuża u kemm qed tirsisti biex tal- inqas lil uliedha tagħtihom edukazzjoni u dak li huwa bażiku. "It-tifla diġà qed tfaddal ftit flus biex tgawdi l-festa," qaltilna l-mara li trid tgħajjex lil uliedha waħedha. L-ILLUM tistqasiha kif tħossha meta jkun hemm min jgħid li s-single mothers huma fil-maġġor parti tagħhom nies li qed jabbużaw mis-sistema, bl-argument issa komuni li 'l-aqwa li jmorru jagħmlu d-dwiefer u xagħarhom.' Hija tammetti li hemm min verament qed jabbuża, "vera hemm min jabbuża u vera li hemm min jonfoq ħafna għad-dehra, imma ħares lejn difrejja u lejn xagħri. Mill-ftit li għandi nagħtihom lil uliedi u biex inħallas biex ngħixu kif nistgħu, biex għall-inqas għall-iskola jkollhom ikel, biex meta jasal kont inkun nista' nħallsu, anke jekk bin- nifs. Nixtieq imqar mmur s'Għawdex imma ma nistax." Joanne qed tipprova tagħmel minn kollox għal uliedha, qed titlob biss li tgħix ħajja diċenti Mintoff: 'Kulħadd għandu dritt għal ħajja diċenti' L-ILLUM tkellmet ukoll ma' Yana Mintoff Bland, il- mara li bil-proposta tagħha dwar il-kirjiet privati qajmet diskussjoni dwar ir-realtà li qed jiffaċċjaw bosta nies bħal Joanne. Kienet din il-gazzetta li nhar il-Ħadd 29 ta' Mejju żvelat il-proposta dwar kemm il-kirjiet privati jistgħu jogħlew fuq medda ta' snin. Fil-fatt Mintoff, f 'isem il-Forum Komunità Bormliża, kienet proponiet li l-kirjiet privati ma jiżdiedux b'aktar minn 5% tal-medja tal-kirjiet f 'dik il-lokalità jew żona. Dan ifisser li jekk f 'żona partikolari l-kirja medja hija ta' €100 kull xahar (bħala eżempju), sid il-post ma jkunx jista' jżid il-kera b'aktar minn €5 kull xahar. Kemm il-President tar- Repubblika Marie Louise Coleiro Preca kif ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat, flimkien mal- Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia esprimew lilhom nfushom kontra tali miżura. Il-Gvern esprima lilu nnifsu favur sussidji u filwaqt li ħabbar proġett ta' housing soċjali li se jkun mifrux madwar il-pajjiż, ma' din il-gazzetta l-Ministru Farrugia kien żvela kif is-suġġett tal-kirjiet kien spiċċa quddiem il-Kabinett ukoll. Mintoff Bland qalet li apprti dawn ir- reazzjonijiet, l-istorja tal- ILLUM wasslet għal bosta reazzjonijiet oħrajn kemm mill-pubbliku kif ukoll fost nies fil-Partit Laburista. "Kellmuni u ġew għandi bosta nies li qed isibuha diffiċli jew impossibbli jlaħħqu mal-kera, kellna diskussjoni mal-Alleanza Kontra l-Faqar li jaqblu mal-proposta u kellmuni wkoll diversi nies fil-Partit Laburista." Dwar dawn tal-aħħar, Mintoff Bland qalet li kienu bosta dawk li qablu mal-linja ta' ħsieb tagħha, "għalkemm iħossu li għandhom jimxu mal-linja li qed jieħu l-partit, jiġifieri l-idea li s-suq isuq." Mintoff Bland kienet pożittiva dwar il-pjani u l-proġetti tal-Gvern bħall- proġett ta' bini ta' housing li se jiswa € 50 miljun għalkemm fakkret ukoll "kif s'issa minn mindu ħadna l-Gvern, ftit li xejn għadu sar." Hija tiċħad għal darba, tnejn li s-suq tal-housing huwa liberu minn indħil mill-Gvern. "La qed tagħti s-sussidji, diġà qed tmiss is- suq u tivvantaġġja, jiġifieri ma nistax nifhem lil min qed jikkritikani fuq dan il-punt." Filwaqt li tħoss li huwa pożittiv li l-Kottonera llum reġgħet qed tressaq lejha nies professjonisti u barranin li lesti jħallsu flejjes kbar f 'kera, fakkret li "huwa importanti li nwieżnu lil kulħadd għax kulħadd għandu dritt għal ħajja diċenti." Yana Mintoff Bland *Joanne huwa isem fittizju

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 August 2016