Illum previous editions

ILLUM 21 August 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/717192

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

X taqt, qabel xejn, ngħaddi kumment qasir dwar aħbar li qrajt b'sodisfazzjon kbir ħafna. Qrajt dwar il-ġest verament sabiħ tal-poplu tar-raħal tal-Imġarr (Malta) li fl-okkażjoni tal- festa tar-raħal organizza ikla lin-nies waħidhom u lil numru ta' refuġjati li hawn f 'Malta. Huwa ġest żgħir imma fl-istess waqt straordinarju, mhux għax se jsolvi l-problemi ta' numru ta' nies sfortunati, indubjament bi storja kkummplikata, imma għax huwa ġest barra mill-ordinarju. Il-festi tal-irħula mhumiex festi ta' karità, wisq inqas ta' mħabba, tneħħi lejn każin u mhux l-ieħor. L-ikla tal- Imġarr kienet eżempju ta' x'għandha tkun festa, aktar u aktar meta dawn il-festi suppost (u suppost kbira) huma ċelebrazzjonijiet reliġjużi. Ma kinitx ikla perżut maġenb il-knisja b'inkejja lejn l-oħrajn, jew l-infilsar tal-laħam tal-ħanżir bejn il-paġni ta' ktieb sagru. Kienet ikla ta' rispett u fraternità. Kienet ikla sabiħa. Matul dan ix-xahar kont qiegħed ngħix u naħdem f 'appartament żgħir li fih kien jgħix Dane Zajc, dak li ħafna jqisuh l-akbar poeta Sloven tas-seklu għoxrin. L-istorja ta' Zajc hija waħda tassew imqallba. Waqt it-tieni gwerra dinjija, meta kien għadu tifel, tilef lil ħutu (li kienu partiġġjani) u lil missieru u ra truppa Nazisti jaħarqu d-dar fejn kienu joqogħdu sa ġabuha rmied. Aktar tard, tkeċċa mill-iskola u spiċċa anki l-ħabs għax esprima sentimenti antikomunisti, sentimenti li eventwalment inbidlu fi kredu li baqa' jżomm sakemm it-tmexxija komunista f 'dik li kienet il-Jugoslavja ntemmet u bdiet id- diżintegrazzjoni ta' dan in-nazzjon multikulturali li ħafna, anki wħud mill-ġenerazzjoni żagħżugħa li qatt m'għexu fih, għandhom tant nostalġija għalih. Zajc kien editur ta' żewġ ġurnali li t-tnejn esperjenzaw u anki sofrew iċ-ċensura u eventwalment miżmuma mir-reġim ta' Tito. L-impenn politiku tiegħu wasslu biex lejn is-snin tmenin kien intellettwali impenjat favur l-oppożizzjoni demokratika fis- Slovenja. U aktarx kienet din il-klassi li immobilizzat il-poplu Sloven biex jiddikjara lilu nnifsu indipendenti u nħall mill-Jugoslavja. Meta tqis li tkun qiegħed taħdem fl-istess kamra fejn kien jaħdem Zajc, f 'dan l-appartament ċkejken ftit 'il barra miċ-ċentru turistiku ta' Ljubljana, bilfors li tħoss ċerta awra u tħossok trid tirrispetta mqar l-art tal-injam iżżaqżaq ma' kull passi li tagħti. Fuq l-iskrivanija fejn naħdem hawn librerija ċkejkna bil-kotba ta' Zajc, imdawrin b'ħafna kotba tal-aqwa kittieba Sloveni, statwetti u inkwatri u biċċiet taċ-ċeramika b'messaġġi personali lil Zajc miżbugħin fuqhom. Ma tistax ma taħsibx ftit, ma tirriflettix, u huwa wkoll diffiċli ma temozzjonax ftit ruħek meta tikkonsidra li għal erba' ġimgħat id- dar tiegħek hija dik fejn għex ikona tal-letteratura Slovena. Il-memorja ġġib rispett lejn dik il-ħaġa—f 'dan il-każ bniedem—li tkun qed tfakkar. F'waħda mill-ġabriet ta' xogħlijiet ta' Zajc tradotti għall-Ingliż, editjata minn isem importanti ieħor Sloven, Ales Debeljak li sfortunatament tilef ħajtu traġikament kmieni din is-sena, hemm dawn il-versi "Imbagħad ma nibqax neżisti / Ikun hemm int / Għax int l-ilsien li għandi f 'ħalqi." Iżda aktar milli dwar poeti mejtin—anki jekk il-poeżija tagħhom għadha ħajja—xtaqt nagħmel kumment dwar avveniment importanti ħafna matul il-ġimgħa li ġejja: il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta, organizzat minn Inizjamed bl-għajnuna ta' diversi entitajiet oħrajn. Din taħbat il-ħdax-il edizzjoni ta' dan il- festival. Ħdax-il sena ilu kien attività ta' ftit nies, illum sar avveniment uniku fil-kalendarju kulturali Malti. Dan għaliex tul tliet lejliet kulħadd jista' jersaq lejn il-letteratura, mingħajr ma jonfoq ċenteżmu, u jesperjenza l-faxxinu tal-kitba fil-preżenza tal-kittieba nfushom. Imma l-festival huwa aktar minn hekk, grazzi għall-għażla bil-galbu ħafna tal-parteċipanti. Ma tistax ma tikkummentax dwar il-preżenza ta' Elias Khoury, kittieb u intellettwali Lebaniż li twieled f 'Bejrut fl-1948. Khoury, forsi magħruf l-aktar għar-rumanz Bieb ix-Xemx (2000), huwa wieħed minn dawk il-kittieba li jżommu mal-prinċipju li l-kittieb huwa wkoll, jew għandu jkun ukoll, attivista u b'hekk għandu jaqdi impenn politiku. Fil-każ ta' Khoury dan huwa impenn lejn il-kawża Palestinjana. Khoury huwa biss wieħed fil-lista impressjonanti ta' kittieba mistiedna għal dan il-festival u tkun tassew ħasra jekk dak li jkun jitlef din l-opportunità. Il-Ħadd 21 ta' Awwissu 2016 | illum Opinjoni 19 Ikel u letteratura IMMANUEL MIFSUD "Ħdax-il sena ilu kien attività ta' ftit nies, illum sar avveniment uniku fil-kalendarju kulturali Malti" Francesca Galea waħda mill-kantanti ta' mużika jazz li se jipparteċipaw fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta Elias Khoury, kittieb u intellettwali Lebaniż li twieled f 'Bejrut u se jkun wieħed mill-mistiedna prominenti tul il-Festival

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 August 2016