Illum previous editions

ILLUM 21 August 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/717192

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 35

illum | Il-Ħadd 21 ta' Awwissu 2016 Aħbarijiet 10 Miljun passiġġier jirkbu tal- linja f 'ġimgħa waħda biss ....in-numru ta' xufiera jitla' għal total ta' 1,000 bil-maġġoranza tagħhom ikunu Maltin minn Albert Gauci Cunningham TKOMPLI tiżdied il- kunfidenza fis-servizz tal-karozzi tal-linja hekk kif Malta Public Transport tilħaq rekord ġdid matul it- tieni ġimgħa ta' Awwissu. Total ta' miljun passiġġier vjaġġaw b'tal-linja bejn it-Tnejn 8 u l-Ħadd 14 ta' Awwissu. S'issa, din kienet l-iktar ġimgħa inpenjattiva ta' din is-sena. "Qed nesperjenzaw tkabbir sod fin-numru ta' passiġġieri li qed jivvjaġġaw bil-karozzi tal-linja tagħna, u għalhekk qed nimplimentaw miżuri ġodda li jindirizzaw din iż-żieda fid-domanda għas- servizz tal-karozzi tal-linja," qal Konrad Pulé, il-General Manager ta' Malta Public Transport. "Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lit-tim tagħna għall-isforz li jagħmel partikolarment waqt dawn iż-żminijiet l-iżjed inpenjattivi." Ix-xahar li għadda, Malta Public Transport żiedet il-frekwenza ta' sitt rotot li jaqdu l-akkwati taċ-Ċirkewwa, Buġibba u Tas-Sliema u bdew sitt servizzi speċjali ġodda msejħa Tal-linja Direct, f 'dawn l-akkwati flimkien mal-ajruport, b'żieda ta' 160 vjaġġ kuljum. F'sena waħda biss, Malta Public Transport żiedet il-flotta minn 260 għal 400 karozza tal-linja, b'hekk din il-flotta issa hija waħda mill-aktar moderni u favur l-ambjent fl-Ewropa. Qed isir ukoll sforz kontinwu biex jiġu impjegati aktar xufiera, bin-numru ta' xufiera jirdoppja għal aktar minn 1,000, bil-maġġoranza tagħhom ikunu Maltin. Is-sistema tat-tallinja card kienet waħda ta' suċċess u permezz tat-tallinja app il-klijenti jistgħu jkunu jafu l-ħin attwali ta' meta tasal tal-linja bl-użu tal-ismartphones. "L-għan tagħna huwa li nagħmlu l-ivjaġġar aktar faċli u aħjar għal passiġġieri tagħna," żied Pulé. "L-investiment f 'karozzi tal-linja ġodda, teknoloġija diġitali u l-użu ta' smart ticketing qed irendi għaliex jidher li l-kunfidenza fis-servizz qed tkompli tikber. Aħna ser inkomplu nisimgħu x'għandhom xi jgħidu l-klijienti tagħna sabiex ninkoraġġixxu aktar nies biex jużaw il-karozza tal-linja. Grech Mintoff joħroġ jiddefendi lil Putin Idejquh kummenti ta' Marlene Farrugia dwar 'parassiti Putineski' IVAN Grech Mintoff ma ħa pjaċir xejn bil- kummenti ta' Marlene Farrugia waqt attività kontra l-bini għoli propost f ' Tas Sliema fejn sejħet għal koalizzjoni nazzjonali biex Malta tittieħed lura minn "parassiti Putineski." Din l-istqarrija dejqet lil Grech Mintoff tant li ħareġ stqarrija li fiha fakkar kif skont hu, "ir-Russja dejjem kienet alleata ta' Malta, u m'għandniex ninsewh dan." Fid-difiża ferventi tiegħu għal Putin, Grech Mintoff li jmexxi l-Alleanza Bidla, jgħid li l-President Russu "dejjem poġġa l-interessi ta' pajjiżu fuq quddiem u ma jħalli lil ħadd jintimidah jew iċedi għal pressjoni barranija." Filwaqt li jiddefendih għax jinsisti fuq "l-identità Russa, il-wirt Nisrani u l-valuri morali, irnexxielu jagħmel ir-Russja pajjiż b'saħħtu u potenza dinjija." Minkejja li jfaħħar lill- Putin, Grech Mintoff jgħid li grazzi għal partiti kollha l-oħrajn, Malta tinsab "taħt il-madmad tal-UE." Dwar il-kummenti ta' Farrugia, Grech Mintoff sostna li billi tinsulenta lil Putin, Farrugia tkun qed turi biss u hija bħal partiti l-oħrajn, li skont Grech Mintoff qegħdin kollha jappoġġjaw il-politika ta' Hillary Clinton, minflok dik ta' Donald Trump. Kif għamel f 'intervista mal-ILLUM, Grech Mintoff reġa' saħaq li Malta għandha tagħmel bħar-Renju Unit u tikkunsidra bis-serjetà r-relazzjoni li għandha mal-Unjoni Ewropea. "Bħal Gran Britannja, għandna nirrinegozjaw pakkett ġdid u wara nħallu l-poplu jiddeċiedi l-futur tiegħu permezz ta' referendum nazzjonali. Ħaġa li ebda partit mhu lest li jippermetti." Għat-tieni darba f 'sena... Wasal iż-żmien mistenni minn kulħadd IL-KARNIVAL, din is-sena sar darbtejn, b'karrijiet, kuluri u żfin, din id- darba matul it-toroq ta' Buġibba. L-avveniment, li ġie mtellgħa mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar b'kollaborazzjoni mal- Kunsill tal-Arti, għas-sitt sena konsekuttiva, ra bosta nies jattendu bi ħġarhom f 'Buġibba bejn il-Ġimgħa u l-bieraħ is-Sibt. L-avveniment beda bil-logħba tradizzjonali tal-ġostra fil-bajja tal-pjazza ta' Buġibba fejn min jikkompeti jipprova jitla' fuq arblu midluk bix-xaħam sabiex jaqbad il-bnadar mat-tarf tal- arblu. Nhar il-Ġimgħa, l-ispettaklu kompla bid-defilè tal-karrijiet li beda miż-żona tal-moll ta' Buġibba u għadda matul il-promenade, waqt li l-bieraħ, ir-rotta mxiet lejn iż-żona tat-terminus tal-linja u jkompli bi triqtu lejn il-promenade. Din is-sena, id-defilè seħħ bil-parteċipazzjoni ta' 11-il karru li saru apposta għal dan l-aveniment, u dan flimkien ma' għadd kbir ta' żeffiena u maskaruni li akkumpanjaw il-karrijiet. Is-sindku tal- lokalità Graziella Galea spjegat li dan l-avveniment isir sabiex it-turisti li jkunu qed iżuru l-lokalità jkunu jistgħu jduqu ftit mit-tradizzjoni tal-Karnival waqt li tingħata promozzjoni lill-kultura u storja, u b'hekk, dawn jitħajru jerġgħu jżuru pajjiżna għall-festi tal-Karnival prinċipali ta' Frar. Għall-ewwel darba f 'kemm ilu jiġi organizzat il-Karnival tas-sajf, dan se jkun qed jinżel fin-naħa t'isfel ta' Malta, bil-programm għall-ġurnata tal-lum ikun tul it-toroq ta' Marsaskala. Il-Karnival f 'Buġibba

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 August 2016