Illum previous editions

ILLUM 21 August 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/717192

Contents of this Issue

Navigation

Page 3 of 35

Aħbarijiet 4 illum | Il-Ħadd 21 ta' Awwissu 2016 Taljana tweġġa' gravi wara li qabżet il-baħar f 'St. Peter's Pool TARD ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tat-20:15, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa l-area magħrufa bħala St Peter's Pool fil-limiti ta' Marsaxlokk. Il-Pulizija mid-Distrett marru minnufih fuq il- post fejn mill-ewwel investigazzjoni rriżulta li mara ta' 26 sena ta' nazzjonalità Taljana kienet sofriet xi ġrieħi meta qabżet għal ġol-baħar. Minn aktar stħarriġ irriżulta li l-każ kien seħħ ftit ħin qabel għall ħabta tas-sebgħa ta' filgħaxija u l-vittma ġiet imtellgħa mill-membri mid- Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ġiet meħuda l-Isptar Mater Dei permezz ta' ambulanza. Aktar tard il-Pulizija ġiet infurmata li t-tfajla sofriet ġrieħi ta' natura gravi iżda mhijiex fil-periklu tal-mewt. 'Il-faqar tajnieh l-ewwel daqqa f '10 snin, imma għad irridu nkissruh' "FILWAQT li naraw li ħafna nies mexjin 'il quddiem u iktar żgħażagħ jaħdmu, irridu naħsbu f 'persuni li għadhom jgħixu fil-faqar, liema faqar tajnieh l-ewwel daqqa f 'għaxar snin, iżda li għad irridu nkissruh," qal il-Prim Ministru b'reazzjoni għar-rapport tal-aġenzija tal-kreditu Fitch li fis-sigħat li għaddew dawret l-outlook għall-ekonomija Maltija minn waħda stabbli għal waħda pożittiva. L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings irrevediet il-previżjonijiet tagħha dwar pajjiżna minn stabbli għal pożittivi. Dan filwaqt li kkonfermat mill-ġdid ir-rating tajjeb ta' 'A' għall- ekonomija Maltija. B'hekk, matul din il- leġislatura, it-tliet aġenziji internazzjonali ta' kreditu kollha rrevedew 'il fuq l-outlook tagħhom fuq pajjiżna. B'reazzjoni għal dan, il-Prim Ministru Muscat, minkejja qal li qed jipprevedi li s-sitwazzjoni ekonomika se tkompli tikber u titjieb, qal li fadal ħafna xi jsir. "Is-suċċess li ksibna mhuwiex il-punt tal- wasla, imma l-punt tat-tluq għal suċċessi ferm ikbar," sostna Muscat. Kompla jsostni li dan ir-rating, huwa konferma ta' dak li l-Maltin u l-Għawdxin iħossu fi bwiethom, "bdejna minn sitwazzjoni ta' ekonomija li kienet qed tistaġna u qgħad qiegħed jogħla u dawwarna dan kollu biex illum għandna l-aktar ekonomija li qed tikber fl-Ewropa, l-inqas rata ta' qgħad fl-Ewropa u l-inqas rata ta' żgħażagħ qegħda fl-Ewropa." Huwa qal li qed tinħoloq middle-class ġdida fejn naqqasna b'40% dawk il- persuni li qed jgħixu fuq il-benefiċċji soċjali u żdiedu b'14% in-nies li qiegħdin fil-kategorija tal-klassi medja. "Dan kollu ma għamilnihx waħedna imma bi sforz kollettiv, mal-poplu bieżel li għandna." Muscat qal ukoll li għall- futur jara sitwazzjoni fejn l-ekonomija tkompli titkabbar, u waqt li jitkattar il-ġid, ikompli jitqassam aħjar bejn kulħadd. "Filwaqt li naraw tant familji mexjin 'il quddiem, u tant żgħażagħ isibu post tax-xogħol, irridu naħsbu fil-perusni li għadhom jgħixu fil-faqar." "L-aġenziji internazzjonali ma jaraw wiċċ l-ebda politiku iżda jibbażaw ruħhom biss fuq il-fatti, u l-fatti qed jgħidu li Malta għandha din l-ekonomija b'saħħitha, u dan kollu iżda huwa rifless mhux biss f 'dak li qed jgħidu l-esperti internazzjonali iżda f 'dak kollu li qed iħossu l-familji u n-negozji fi bwiethom fil- ħajja tagħhom ta' kuljum," temm jgħid Joseph Muscat. 'Bdejna minn ekonomija li kienet qed tistaġna, għall-iktar ekonomija li qed tikber fl-Ewropa' Sistema diġitali għat-tobba biex jordnawlek il-mediċini DIN il-ġimgħa giet introdotta sistema diġitali li permezz tagħha t-tobba li jaħdmu fil- kliniċi tal-gvern se jkunu jistgħu jippreparaw il-preskrizzjoni għall- mediċini tal-pazjenti mill-iskema tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek f 'inqas ħin u b'aktar preċiżjoni. Preżentement hemm madwar 145,000 pazjent intitolat għall-mediċina mill-ispiżerija tal-għażla tagħhom jew kif inhi magħrufa aħjar bħala POYC. L-ILLUM tkellmet dwar din is-sistema mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li min-naħa tiegħu spjega kif is-sistema kompjuterizzata se tnaqqas ħafna l-burokrazija u d-dewmien fil-proċess li s'issa kien jirrikjedi li t-tabib jikteb preskrizzjoni bl- idejn kull darba li l-pazjent jiġi bżonn il-mediċina. "L-online prescription hija sistema faċli fejn it-tabib, wara li jkun għamel login bil-kredenzjali tiegħu, se jdaħħal in-numru tal-karta tal-identità tal-pazjent u hemmhekk jiftaħ il-fajl elettroniku tal-istess pazjent. B'din l-informazzjoni quddiemu u kif ukoll il- pazjent, it-tabib se jkollu dak kollu meħtieġ sabiex jikteb il-mediċini u d-doża li għandu bżonn il-pazjent bħala parti mill-kura tiegħu jew tagħha." Il-Ministru Fearne kompla jispjega li din is-sistema mhux biss se tħaffef il- proċess imma wkoll se tnaqqas il-ħela ta' mediċini. "Il-Gvern għandu spiża ta' madwar €20 miljun fis-sena fuq mediċini tal-POYC u għalhekk hu importanti ħafna wkoll li jkollna monitoraġġ ta' kif u fejn qed jitqassmu dawn il-mediċini u li ma jkunx hemm ħela kif kien jiġri fil-passat. Dan il-gvern kien kommess li jsolvi l-problema tal-mediċini out of stock u llum kulħadd jaf li l-out of stock saret ħaġa tal-passat u li għaliha jibqa' mfakkar biss il-Gvern immexxi mill-amministrazzjoni Nazzjonalista. Illum huma biss waħdiet il-mediċini out of stock filwaqt li s'issa din is-sena kellna 30 ġimgħa mingħajr ebda mediċina nieqsa. Dan hu kollu frott tal-ħidma li qed issir min- nies tagħna u li fl-aħħar mill-aħħar qed igawdi biss il-pazjent. Illum il-pazjent m'għadx għandu bżonn imur jixtri u jħallas għall-mediċini li kienu jkunu dejjem out of stock." Mal-ILLUM, Fearne temm jgħid li din is-sistema kompjuterizzata bdiet inizzjalment titħaddem fiċ-Ċentri tas-Saħħa filwaqt li dawk it-tobba tal-familja li huma interessati joffru dan is-servizz se jkunu qed jingħataw it-taħriġ meħtieġ fil-ġimgħat li ġejjin li finalment għandu jwassalhom sabiex huma wkoll ikollhom aċċess għal din is-sistema tal-online prescription.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 21 August 2016