Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/717192
Aħbarijiet 7 Il-Ħadd 21 ta' Awwissu 2016 | illum Lampuki ħajjin… Sajjied Xlukkajr jitkellem mal-ILLUM dwar ħsarat li qed jagħmlulhom sajjieda Taljani hekk kif beda l-istaġun tal-Lampuki minn Ruben Anthony Xuereb L-ISTAĠUN tal-lampuki jiftaħ kull sena f 'Santa Marija u jibqa' sejjer sal- aħħar tas-sena."Għadu kmieni biex tgħid jekk dan l-istaġun hux se jkun tajjeb jew le, Filwaqt li t-temp jaffetwa, irridu naraw ma' xiex se niltaqgħu tul ix-xhur li ġejjin, sewwa jekk hux maltemp jew xi ħsara li nsibu fiċ-ċimi u l-kannizzati, magħmula minn sajjieda Taljani… din is-sena, fil-fatt, hemm min diġà ħareġ u sab xi ħsara fil-kannizzati, li milli tgħallimna mill- esperjenza, wisq probabbli saret minn sajjieda Taljani." Dan qalu Nardu Caruana, sajjied Xlukkajr li tkellem mal-ILLUM, li jispjega wkoll kif ħafna drabi, il- ħsarat mis-sajjieda Taljani jsiru 'l barra minn 25 mil mill-kosta, jiġifieri fl-ibħra internazzjonli. "Hemm m'hemm l-ebda liġi" qal Caruana, "la ta' Malta u lanqas tal-Italja li jwaqqfu milli ssir xi tip ta' ħsara jew li tittieħed responsabbilità għaliha." "Anke meta ġieli naraw lil xi sajjieda Taljani b'għajnejna, ma nkunu nistgħu nagħmlu, xejn peress li dawn ikollhom bastimenti kbar, jistadu għal tip ta' ħut differenti li jkaxkru ċ-ċimi tal-Maltin." Għall-mistoqsija tal- ILLUM dwar jekk teżistix il-possibiltà ta' rimedju legali jew dinanzjarju għat- telf li jġarrbu, Caruana fakkarna li "bħalma l-ħuta ż-żgħira qatt ma kielet il-kbira, ikollna nagħlqu ħalqna u nittamaw li l-ħsara ma tkunx kbira ħafna…" Infatti Nardu saħaq li filwaqt li ma tistax tikkwantifika l-ħsarat mġarrba f 'ammont ta' flus, iż-żmien użat għat-tiswja taċ-ċimi, li ġieli jdum ġranet, ikun kollu qligħ mitluf mis-sajd." Sajda għal-lampuki qisha logħba tax-xorti B'munzell weraq tal-palm lest biex isir parti mill- kannizzata, Nardu tkellem ma' din il-gazzetta, filwaqt li kompla għaddej b'xogħlu, jorbot numru ta' ċimi u bagi li fi ftit tal-ġranet oħra se jkunu parti minn kannizzata li tiġi ankrata fil-baħar sabiex titntuża għas-sajd tal-lampuki. Nardu qal lil din il- gazzetta li tidħol ħafna x-xorti li tiddetermina jekk staġun tal-lampuki jkunx tajjeb jew le, u "dak li jkun staġun tajjeb għal sajjied wieħed, jaf ikun ħażin għal ieħor." Dan għax is-sajda tant tiddependi minn elementi differenti, u kultant anke minn tfixkil u inċidenti, li qatt ma tista' tgħid, saħaq Nardu. "L-ewwel ma nagħmlu huwa li napplikaw għall- permess biex ningħataw post fejn nifirxu ċ-ċimi tagħna, u l-postijiet jitilgħu bil-polza, biex ikun ġust għal kulħadd." Hawnhekk tidħol l-ewwel parti tax-xorti, skont Nardu, għax il-qabda taf tvarja minn post għal ieħor, li jibdew minn 7 sa 12-il mil 'il barra mill-kosta u jibqgħu ħerġin 'il barra mill-ibħra territorjali ta' Malta. "Skont il-post li jtuna, imbagħad inkunu nistgħu narmaw il-ħbula tan- nylon, li jorbtu ċ-ċimi u l-kannizzata ma' mażżri fil-qiegħ tal-baħar, sabiex iċ-ċima tagħna tibqa' fil-post." Nardu żied jgħid ukoll li fuq il-bagi li jżommu ċ-ċimi fuq wiċċ l-ilma jkun hemm miktub in-numru tal-liċenzja ta' kull sajjied, sabiex kollox ikun regolarizzat. Staġun Tajjeb? ...għadu kmieni.. Mistoqsi dwar x'jiddetermina jekk staġun tas-sajd għal-lampuki jkunx tajjeb jew le, Nardu saħaq mal-ILLUM li għadu kmieni biex tgħid dan. "Filwaqt li għalissa t-temp għadu favorevoli, ħadd ma jista' jbassar meta se jibda riħ qawwi u baħar imqalleb ħafna biżżejjed biex jagħmel il-ħsara". Il-prezz tal-ħut jiġi effetwat minn kif imur l-istaġun Kull sena, u anke tul l-istess staġun, il-prezz tal-lampuki jista' jinbidel, u dan jiġi ddeterminat mill- ammont li jkun inqabad. Nardu infurmana li l-prezz jiġi deċiż mill-pixkerija, liema prezz ikun ibbażat fuq l-ammont totali ta' piż tas-sajda. Nardu żied jgħid li l-kwalità, il-kundizzjoni u d-daqs tal-ħut jiġi kkunsidrat ukoll fil-prezz offrut lis-sajjieda mill- pixkerija. 'It-turist jiġi għandna jfittex il-lampuka' Skont sidien ta' ristoranti f 'Marsaxlokk li wkoll tkellmu mal-ILLUM, intqal li hekk kif jibda l-istaġun, jibdew jixtru l-aktar lampuki kbar, li bħala prezz, jiġi ddeterminat mill-piż tal-ħuta, bħal kwalunkwe ħuta friska oħra. Min- naħa tar-ristoranti, l-istaġun li għadda kien tajjeb għalihom għax sabu jixtru lampuki, li huma ferm popolari mal-klijenti tagħhom. Sid ta' ristorant partikolari qal li "l-Maltin jafu xi jfittxu u fl-istaġun ħafna jistaqsu għal lampuka tajba. Iżda aktar mill-Maltin li forsi mdorrijin isajru lampuka d-dar huma stess, il-barranin jagħmlu ħafna għal-Lampuki u ġieli jidħlu fir-ristorant preparati biex jordnaw u jduqu l-lampuki, għax ikunu qraw dwarhom minn qabel." Ritratt: Raphael Farrugia Nardu Caruana