Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/717192
DONNU saret ħaġa ta' kuljum li xi mkien tara xi filmat jew ritratt ta' xi illegalità fit-toroq. Ħafna sewwieqa tal-muturi u tar-roti saru jużaw apparat li jiġbed film kontinwu tul it-triq tagħhom minħabba li l-abbużi li jsiru għad- detriment ta' ħajjithom hi xi ħaġa kontinwa. F'ħafna inċidenti, ikun dan l-apparat li jgħin lill-vittmi jieħdu dak li ħaqqhom, u meta xi ħadd jagħmel xi manuvra li kważi joqtol lil dawn is-sewwieqa fuq żewġ roti, ma ttihomx tort li jirrapurtaw lil dawn is- sewwieqa irresponsabbli. Mill-banda l-oħra, sewwieqa tal-karozzi. Ħafna drabi wkoll ikunu pronti bil-mobile f 'idejhom biex jiġbdu xi ritratt ta' xi ħaġa barra minn lokha. Affarijiet barra minn lokhom fit-toroq Maltin tara kuljum, u bħal donnu saret kompetizzjoni bejnietna ta' min jirnexxielu jinzerta l-iktar affarijiet interessanti. Jistgħu jkunu ritratti ta' xi gwardjan lokali jew pulizija pparkjati ħażin, xi membru parlamentari għaddej minn fuq il-'bus lane' jew xi trakk b'xi tgħobija mhux tas- soltu. Jistgħu jkunu wkoll ritratti ta' xi ħadd għarwien għaddej jew xi ġlieda li tkun inqalgħet xi mkien. Ir-realtà hija li llum il-ġurnata, tkun fejn tkun, tagħmel x'tagħmel, se jkun hemm xi ħadd li jiġbidlek ritratt. Għal xi raġuni jew oħra, ħafna nies xorta jibqgħu għaddejjin bil-praspar tagħhom imbagħad jiskantaw meta jispiċċaw mhux biss fuq il- media soċjali iżda anke fuq l-aħbarijiet. Għalkemm l-espressjoni 'żmien il-bużullotti spiċċa', għadha 'l bogħod ħafna mir- realtà, l-affarijiet qegħdin jinbidlu ftit ftit. Kien hemm żmien meta l-bużulloti kienu n-norma għal ħafna minna. Min jaf kemm-il darba rmunkajna karozzi b'karozzi oħra b'xi ħabel jew ġarrejna xi ħaġa kbira li toħroġ nofsha minn ġol-bagoll u nħallu lil xi ħadd mgħaffeġ wara biex jara li kollox sew. Min jaf kemm-il darba rajna xi karozza għaddejja bil-mod waqt li jkun hemm xi ħadd bilqiegħda fil-bagoll iżomm xi żiemel b'xi ħabel waqt li ż-żiemel jipprova jlaħħaq mal-pass tal-karozza. Min jaf kemm instaqu karozzi li kienu sejrin għand xi sprejer jew tellar mingħajr bibien, ħġieġ u fanali waqt li x-xufier ikun qiegħed bilqiegħda fuq xi barmil jew banketta. Illum, ħafna minn dawk l-affarijiet inqatgħu u huma ħafna li jużaw is- servizz tat-'towing' jew jikru vetturi kummerċjali. Lil dawk in-nies li potenzjalment jistgħu jispiċċaw fuq xi ritratt jew filmat u b'riżultat ta' dan jew idaħħqu jew jaqgħu fil-każa ta' pajjiż sħiħ, intihom dan il-parir: Moħħkom hemm. Tpaxxux nies. Żommu l-kalma. Bl-għajjat, dagħa jew vjolenza żgur li m'intix se ssolvi xejn. Aħsbu fis- sigurtà tagħkom u ta' ħaddieħor qabel ma tagħmlu affarijiet biex tiffrankaw ftit minuti jew ftit flus. Jekk inti ma jinteressakx minn ħaddieħor, mela ħaqqek. Lil dawk in-nies li jirnexxielhom jiġbdu xi ritratt ta' xi kontravenzjoni interessanti, ukoll għandi xi ftit pariri għalihom. Jekk jirnexxielkhom tikxfu l-aġir ta' nies li mingħalihom li ħadd ma jista' għalihom, jew minħabba d-daqs tal-vettura tagħhom, is- saħħa fiżika tagħhom jew il-pożizzjoni tagħhom, prosit u grazzi. Fit-triq, ħadd mhu fuq ħadd ħlief xi vettura tal-emerġenza waqt il-qadi ta' dmirijietha. Li ċertu nies ma jqisu lil ħadd u lesti li jipperikolaw il-ħajja ta' ħaddieħor għall- egoiżmu tagħhom mhuwiex aċċettabbli. Li l-aġir tagħhom iwassal għal xi tip ta' moħqrija fuq l-annimali qatt mhu skużat. Mill-banda l-oħra, qabel ma tkunu pronti titfgħu xi ritratt fuq il-media soċjali, aħsbu ftit. Aħsbu jekk dak ix-xufier kellux għażla oħra. Dalgħodu mort nixtri mingħand ħanut tal-merċa u waqt li kont hemm indunajt li waqaf trakk żgħir bil- ħobż quddiem il-ħanut. Teknikament dan ix-xufier kien qiegħed jikser il-liġi għax kien qiegħed jimblokka parti mit-triq. Il-karozzi xorta setgħu jgħaddu, però riedu joqogħdu ftit iktar attenti. Ix-xufier ma damx iktar minn żewġ minuti iħott dawn il-kaxxi tal-ħobż b'għaġġla liema bħalha. Għalkemm kien għadu kmieni filgħodu, dan ix-xufier kien diġà għasra bl-għaraq. Forsi wieħed ikun pront jgħidli li l-liġi qiegħda hemm għal kulħadd u forsi jkollu raġun. Però x'jiġri kieku dawn li jqassmu l-prodotti fil-ħwienet ma jagħmlux hekk, u minflok iqattgħu xi nofs siegħa jfittxu parkeġġ li jkun xi għaxar minuti mixi 'l bod minn kull ħanut. Kieku, tliet kwarti tal-ħwienet ma jkollomx la ħalib, la gazzetti u lanqas ħobż filgħodu. Lit-tfal tagħna nibdew neħdulhom il-ħobż l-iskola f 'xi l-ħdax għax dak il-ħin ikun wasal. Jekk ma niħdux paċenzja għal xi minuta jew tnejn sakemm tal-gass iqassam xi żewġ ċilindri, kieku ħafna anzjani jibqgħu mingħajr gass. Kieku nippretendu li kowċ mill-kbar jew trakk bit-trailer irid jagħmel l-istess manuvri li nagħmlu aħna b'karozza daqs naqra, ikun ifisser li dawn il- vetturi ma jkunu jistgħu jgħaddu minn imkien. Jekk ħaddiem li se jagħmel xi xogħol ġo xi dar irid iħott xi vjaġġ madum, folji tal- gypsum, xkejjer tas-siment jew għodod tqal u ma jsibx parkeġġ viċin, x'alternattiva għandu ħlief li jipparkja ħażin għal ftit minuti. Meta xi ħadd li jaħdem sigħat twal, isuq vettura kbira li ma tista' tipparkjaha mkien u jifjakka, x'alternattiva għandu ħlief li jieqaf għal ftit sekondi kemm jixtri żewġ pastizzi u flixkun ilma? Nemmen li xorta dawn ix-xufiera għandhom jagħmlu l-almu tagħhom li jipparkjaw b'mod li t-traffiku xorta jista' jibqa' għaddej b'xi mod jew ieħor meta jkun possibbli. Meta jseħħ inċident u gwardjan lokali jipparkja f 'post fejn mhux suppost biex ifittex jassisti, x'ridtu jagħmel? Kont tippreferi li kieku għamel xi għoxrin minuta jfittex parkeġġ xi għaxar minuti mixi 'l bod minn fejn seħħ l-inċident biex ma jikser l-ebda liġi? Qabel ma nkunu pronti nikkritikaw u niżżufjettaw, irridu l-ewwel naħsbu x'konna nagħmlu aħna f 'dik is-sitwazzjoni. X'alternattivi kien hemm u x'konsegwenzi jkollhom l-alternattivi li nissuġġerixxu. Ġieli ħsibna li b'ritratt li nkunu ħadna nistgħu nkunu qegħdin intellfu l-impjieg ta' ħaddiem? Jista' jkun li nkunu qegħdin inwaħħlulu ċitazzjoni li tkun tfisser li ħadem dik il-ġurnata għal xejn. Nieħu gost meta nara ċertu affarijiet mexjin 'il quddiem f 'din l-art u tibda tara ċertu standards li hemm f 'pajjiżi oħra Ewropej jintlaħqu hawn Malta. Però rridu niftakru ukoll, li l-infrastruttura, it-toroq, il-pagi, it-temp u l-loġistika f 'Malta huma dawk li huma, u meta tagħmel imqar ġurnata fiż-żarbun ta' ħaddieħor tkun tista' tifhem aħjar ir-raġunijiet wara ċertu aġir. Il-Ħadd 21 ta' Awwissu 2016 | illum Vetturi 23 Ingranat Xi ħadd qed jarak, kull ħin u kull mument Andrew Pisani