Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/725664
illum | Il-Ħadd 11 ta' Settembru 2016 16 Opinjoni Erdogan: kolp Kontra t-teatru L -istazzjonijiet kollha Ewropej għamlu minn kollox biex juru l-folol li ħarġu jimmanifestaw fit-triqat tat-Turkija fuq l-ordni tad-dittatur Erdogan, li jrid saħansitra jerġa' jintroduċi l-piena tal-mewt. Erdogan kien issospenda l-piena kapitali biex ikun jista' jinnegozja biex it-Turkija tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Imma l-iskop tal-mexxej Tork għandu x'jaqsam mal-affermazzjoni u l-konsolidazzjoni ta' poter oppressiv. Tlettax-il elf arrest seħħew wara l-kolp ta' stat ta' ġimgħat ilu: uffiċjali, akkademiċi, studenti, ġurnalisti, skejjel magħluqin, eluf ta' impjegati fis-settur edukattiv, wikipedia imblukkata u l-paranojja ta' ċittadini li beżgħu jitkellmu quddiem il-kameras tal-ġurnalisti barranin. Il-bastun ta' Erdogan ilu juri l-intensità taċ-ċensura fit-Turkija. Wieħed mill-intellettwali li tkellmu l-ewwel kien in-Nobel Orhan Pamuk, leħen influwenti fil- pajjiż, li qal li t-triq 'il quddiem hi d-demokrazija u mhux kolp ta' stat militari. Wieħed mill-aktar rumanzi importanti ta' Pamuk hu Dar Siekta. Ir-rumanz hu ambjentat tard fis-snin sebgħin imma skont l-awtur stess, it-temi tal-ktieb għadhom jgħoddu sal-lum. F'intervista li kien ta lill- Financial Times, Pamuk stqarr li jippreferi jżomm il-ħsibijiet radikali tiegħu għar-rumanzi li jikteb, għax hemm jistgħu ikunu ventilati madwar id-dinja. Ir-rumanzi tiegħu ġew tradotti f 'sittin lingwa. *** Bħalma ġara taħt idejn dittaturi bħal Hitler u Stalin, Erdogan issa qed ifaqqa' l-frosta kontra l-artisti tat-teatru u kontra drammi kbar tal-Punent. Fil-mira hemm Shakespeare, Chekov, Brecht u Dario Fo, li deher fuq RAI News jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li ġie ċensurat minn dittatur. Ma' dawn l-awturi seta' żdied ukoll Alfred Jarry, il- kommedjografu Franċiż awtur ta' Ubu Roi, parodija taqta' fil-laħam il-ħaj dwar id-dittaturi. Erdogan qed jitqabbel mal- Ajatollah Khomeini. L-atturi tat- teatru twaqqfilhom il-kuntratt u tnaqqsilhom is-salarju. Il-veto jkompli juri kif it-Turkija qed tintensifika l-Iżlamiżmu bħala politika, bl-iskuża tan- nazzjonaliżmu u l-kultura spiritwali. Il-Brexit u x'ġie wara Fl-Ingilterra, għaddiet tal-lemin estrem ta' Nigel Farage. Il-lemin nazzjonalista rebaħ bis-saħħa ta' kampanja xenofobika. Min-naħa tal-Partit Laburista, it-tmexxija ta' Jeremy Corbyn kienet mansa u passiva. U issa hemm il-biża' li l-Ingilterra terġa' tgħaddi taħt reġim fuq l-istil ta' Margaret Thatcher. Il-moviment xellugi ma jistax isib saqajh u ħafna jridu lil Corbyn jitlaq. Fi ħdan il-moviment, hemm qasma ideoloġika fonda bejn in-New Labour u dawk favur politika aktar radikali. Hemm ħafna li spekulaw li l-Unjoni Ewropea tinsab f 'xifer il-mewt. Din mhix eżaġerazzjoni, għax l-Ingilterra diġà tidher li se tipprova tinnegozja menu à la carte. Issa l-mistoqsija hi: se jkun hemm aktar pajjiżi fl-UE li jippressaw għal plebexxit? Marine Le Pen diġà wegħdet referendum dwar is-sħubija ta' Franza fl-UE u ġlieda kontra l-Iżlam jekk tkun eletta President. Il-ħolma kontinentali se tiġi fi tmiemha? IL-BBC għamel konferenza kbira (quddiem 700 persuna) organizzata bil-kollaborazzjoni tan-National Geographic Society. Għall- konferenza Insight, fost il-kelliem kien hemm politiċi, storiċi u awturi. Meta kont qed nara l-programm staqsejt lili nnifsi fejn huma l-awturi Maltin fil-media? Għaliex il- preżenza tagħhom hi daqstant skarsa fuq il-media u ristretta biss għal programmi letterarji? Orkestra mis-Sirja Sa fl-aħħar, xi ħaġa pożittiva ħierġa mis-Sirja: il-mużika bħala arma kontra l-gwerra. Grupp ta' mużiċisti u kantanti Sirjani ngħaqdu biex imorru jagħtu kunċert fl-Olanda. Is-servizz ittella' mill-BBC, li segwa erbat ijiem ta' provi intensivi: "Irridu nuru li mis- Sirja jista' joħroġ xi ħaġa differenti," qal wieħed mid-diretturi tal-grupp. "Irridu nippreżentaw dimensjoni differenti tas-Sirja. Irridu nkomplu nkantaw u ndoqqu f 'Damasku u nħawi oħra tad-dinja li ħlief tifrik mis-Sirja fuq il-media ma jarawx jew ma jimmaġinawx." Il-BBC dwar ir-ritorn tal-ktieb tal-karta Rapport fuq il-BBC informa lis-segwaċi tal-istazzjon globali li f 'Londra nfetaħ ħanut ġdid tal- kotba li jelimina għal kollox il-mezzi elettroniċi għall-qari. Bil-kontra ta' dak li kien mistenni, il-qari elettroniku (e-readers bħal Kindle eċċ) qed imur lura u n-nies qed jerġgħu jduru għall-qari tal-kotba 'fiżiċi'. Instab ukoll li l-qari minn fuq tablet qabel l-irqad jaffettwa l-kwalità tar-raqda tiegħek. Skont studju ġdid minn xjenzati fl- Università ta' Bergen, fin-Norveġja, qarrejja minn fuq tablet "ħassewhom inqas bi ngħas u kellhom attività elettrika kompletament differenti waqt l-irqad stess," meta mqabbla ma' dawk li jaqraw minn fuq il- karta. Id-dawl li joħroġ minn tablet jew mobile għandu effett 'allertiv' u allura l-qarrejja jkunu inqas bi ngħas. Janne Grønli, esperta tal-irqad, issostni li l-kamra tas-sodda għandha tkun riservata għall-irqad, mhux għall-attività elettronika. MARIO AZZOPARDI Erdogan: Fuq il-passi tad-dittatura