Illum previous editions

illum 11 September 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/725664

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 11 ta' Settembru 2016 Opinjoni 18 Tberbiq u żbalji K ull sena ġo Venezja tiġi organizzata wirja bi sfond arkitettoniku, il-Biennale Architettura. Din il-wirja ssir fil-bini enormi li darba kien il-maħżen u l-fabbrika tal-armi tar- Repubblika Serenissima, l'Arsenale u fil-ġonna fil-qrib, i Giardini. Din is-sena l-poster tal-wirja juri mara fuq sellum tal-aluminju f 'nofs deżert. Il-kuratur tal-wirja, iċ-Ċilen Alejando Arevana, stqarr li ġie ispirat mill-istorja tal- arkeologa Ġermaniża Maria Reiche li kienet tistudja l-linja Nazca. Mill-art dawn kienu qishom ġebel komuni imma mill-ajru kienu jieħdu forom ta' għasafar, ġagwari, siġar u fjuri. Reiche ma kellhiex il-mezzi biex tikri ajruplan u dak iż- żmien id-drones ma kienux jeżistu. Probabbilment setgħet takkwista trakk u toqgħod tittawwal mill-kaxxa tiegħu imma kieku għamlet hekk, kienet tirvina dak li kienet qed tistudja. Għaldaqstant, sabet dan il-metodu sempliċi u rħis kif twettaq l-istudji tagħha mingħajr ma tagħmel ħsara. Dak is-sellum sempliċi hu l-prova li ma nistgħux insibu skużi li ma nistgħux naslu fejn irridu minħabba l-limitazzjonijiet tagħna. Kif Arevana stqarr, kontra l-iskarsità tal-mezzi, l-inventiva. Jekk in-nuqqas ta' riżorsi mhuwiex skuża biex ma niffissawx objettivi ambizjużi, il-kuntrarju hu minnu ukoll: id-disponibbiltà ta' riżorsi ma jfissirx li żgur se jintużaw sew u jintlaħqu riżultati tajbin. Ikolli nistqarr li kelli trobbija pjuttost frugali, fejn il-ħela kienet skuraġġuta mill- aktar. Dawn il-valuri għadni nħaddanhom sal-lum: jekk għadni nista' ninqeda b'ħaġa, se nkompli nagħmel hekk sakemm possibbli. Bħal-laptop fidil tiegħi li laqqamtu Lazzaro tant kemm-il darba rxoxta mill-mewt minkejja li anke waqgħali fl-art waqt f 'kawża quddiem imħallef li għal ftit ma nfaqax jidħaq. Fil-ħajja, importanti li r-riżorsi jiġu allokati u jintefqu sew. Ħażin għal dak l-individwu, dik il-familja, dik l-azjenda, dik il-komunità, dak il-pajjiż li jberbaq ir-riżorsi u ma jużahomx sew. F'xi ħin jew ieħor se jkollu jbati l-konsegwenzi tal-għażliet żbaljati tiegħu tal-passat. U dan hu li tassew jinkwetani bil-gvern attwali: minkejja li l-ekonomija għaddejja minn perjodu fortunat kemm minħabba l-għażliet tal- passat kif ukoll il-konġettura favorevoli ta' bosta fatturi fil- preżent, mhux dejjem qed isir l-aħjar użu tar-riżorsi. Bosta huma l-eżempju tal-kuntratti ta' mpjiegi li ngħataw għall-ebda raġuni apparentement valida ħlief li wieħed jassigura l-lealtà ta' min hu nvolut. Għalkemm verament il-perċentwal ta' ħaddiema fis-settur pubbliku naqas minn 26.7% fl-2013 għal 25.1% fl-2016, il-fatt jibqa' li skond l-aħħar statistika uffiċjali, it-tendenza li kien hemm li s-settur pubbliku jiċkien numerikament ġiet irriversjata. Fil-fatt, mentri fl-2013 kien hemm medja ta' kważi 42,000 jaħdmu fis-settur pubbliku, f 'Lulju 2015, in- numru tela' għal kważi 44,500, żieda ta' 5.75%. Dan minkejja li kull sena eluf jitilqu mis- settur pubbliku għal raġuni jew oħra. Wieħed ġustament isaqsi kemm hija ġustifikata din iż-żieda fis-settur pubbliku speċjalment meta wieħed ripetutament jisma' stejjer ta' mpjegati fis-settur privat li jirriżenjaw mill-impjieg sabiex jidħlu f 'xi skema ta' mpjieg li tkun preludju għall-impjieg fis-settur pubbliku. Dan l-aħħar f 'dan il-ġurnal dehret l-istorja li fil-pjazza tax- Xagħra sar tarmak aħmar. Fl- opinjoni tiegħi, la l-ministeru t'Għawdex u lanqas il-kunsill lokali tax-Xagħra m'għandhom biex jiftaħru. Biex sar it- tarmak kellu jiġi kuntrattur minn Malta għax mid-dehra f 'Għawdex ma kienx hemm min jaf jagħmlu. U dan it-tarmak illum sar iswed faħma bit-tyres tal-karozzi. Jista' xi ħadd jgħidilna kemm kienet in-nefqa żejda sabiex isir tarmac aħmar u naraw kienx ikun aħjar kieku dawn il-flus intefqu fejn hu verament meħtieġ bħat-toroq tagħna li qed jiddeterjoraw b'rata mgħaġġla. U spiss wieħed jiltaqa' ma' deċiżjonijiet oħra ferm diskuttibbli. Kif ilkoll nafu, wara l-elezzjoni, il-ministeru t'Għawdex tneħħewlu ħafna mir-responsabbiltajiet li kellu. Mhux għax qabel kien xi repubblika għalih, imma kull ħaġa fl-amministrazzjoni pubblika f 'Għawdex kienet nominalment taqa' taħtu. L-arranġament mhux dejjem ħadem sew, imma tal-anqas kien hemm viżjoni koerenti ta' kif għandha taħdem l-amministrazzjoni pubblika f 'Għawdex. Wara l-elezzjoni, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-ETC ma baqgħux jaqgħu taħt il-ministeru t'Għawdex imma tħallew taħt id-dekasteri nazzjonali. Huwa evidenti li dan kien vot ta' sfiduċja fil-ministru attwali t'Għawdex. U allura assistejna għall-ispettaklu li fir-rigward tal-iskola ta' Barts u l-privatizzazzjoni tal- isptar t'Għawdex, il-ministru t'Għawdex ma kien involut assolutament xejn. Għawdex ġie effettivament imċaħħad milli jkollu vuċi f 'deċiżjoni ta' importanza vitali għall-futur tiegħu. Imma llum l-aktar li rrid niddiskuti huwa kif evolva l-qasam tal-edukazzjoni f 'Għawdex. Anke hawnhekk ittieħdu deċiżjonijiet strambi mingħajr konsultazzjoni ta' xejn li qajmu ħafna mistoqsijiet. L-ewwel kellna d-deċiżjoni li l-Mcast jiċċaqlaq mill-iskola tax-Xewkija għall- iskola tal-Arti u Artiġjanat li kienet tlestiet xi snin qabel b'fondi Ewropej f 'Għajnsielem. Minflok ma ttejbu l-faċilitajiet fix-Xewkija li hija ideali għall- MCAST anke minħabba li hi qrib iż-żona industrijali tal-gżira, saret din iċ-ċaqliqa li ħadd ma qatt ma spjega għala kellha ssir u dan minkejja l-protesti tal-għalliema. Sa fejn naf jien, l-iskola tal-Arti għad m'għandhiex l-istess livell ta' faċilitajiet li kellha qabel. Imma probabbilment l-aktar deċiżjoni misterjuża u inspjegabbli tal-Ministeru tal- Edukazzjoni f 'Għawdex kienet fir-rigward tal-iskola primarja l-ġdida tar-Rabat, Għawdex. Ħadd mhu jikkontesta l-ħtieġa li l-iskola primarja fir-Rabat, Għawdex tiċċaqlaq mill-post antik u żgħir li fil-preżent qiegħda fi triq il-Vajrinġa. Iċ-ċaqliq tal-iskola jippermetti wkoll l-espansjoni tal-Bibljoteka u Arkivju t'Għawdex li darba kienet istituzzjoni tassew ġlorjuża. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada kienet identifikat sit għal din l-iskola primarja l-ġdida wara l-iskola tal-bniet taħt il-kumpless kummerċjali li hemm fin-naħa t'isfel ta' triq ir-Repubblika. Din kienet għażla ferm loġika peress li hija f 'żona fejn diġà sar investiment qawwi fil-bini mill-ġdid tal-iskejjel t'Għawdex. Inħareġ il-permess tal-bini għal din l-iskola primarja ġdida u saret is-sejħa għall-offerti. L-amministraturi tal-iskola tal-bniet ġew avżati ftit qabel il-Milied li għadda li fis-sena l-ġdida ser jinbdew ix- xogħlijiet fuq l-iskola l-ġdida. Imma f 'daqqa waħda, għal raġunijiet li ħadd ma jaf imma li taw lok għal ħafna spekulazzjoni, il-Ministeru tal-Edukazzjoni biddel fehmtu u ddeċieda li l-iskola jibniha x'imkien ieħor. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni identifika sit alternattiv għal din l-iskola primarja fiż-żona ħdejn il-Villa Rundle li fil- preżent hija okkupata minn playing field li kellha ġranet ferm aktar glorjużi u grawnd tal-futbol li jintuża mit-tliet timijiet tal-futbol tar-Rabat. Din iż-żona fil-preżent hija skedata fil-pjan lokali sabiex isir ċentru komunali sabiex jippromwovi l-parti ċentrali tar-Rabat, jikkonsolida faċilitajiet pubbliċi importanti u jitjieb l-aċċess pubbliku għalihom u jiżviluppa opportunitajiet ta' mpjieg u dħul fl-oqsma tad-divertiment u tat-turiżmu kif ukoll parking ta' taħt l-art. L-amministrazzjoni preċedenti kienet waslet għall- konklużjoni li dan il-proġett mhux fattibli u għaldaqstant, ma sarx. Skont informazzjoni li għandi, kien sar survey geoloġiku li kkonkluda li hemm dagħbien kbir fil-post u kwalunkwe bini li ser isir kien jinvolvi spiża projbittiva. Ta' min isaqsi jekk il-Ministeru tal-Edukazzjoni kienx jaf b'dan is-survey qabel ma ħa d-deċiżjoni mgħaġġla tiegħu u jekk saritx stima ta' kemm ser tiġi tiswa l-binja ta' din l-iskola u jekk hux ser ikun hemm żieda fl-ispiża minħabba li mhux ser tinbena fejn kienet oriġinarjament ippjanata. Fuq kollox, il-Ministeru tal- Edukazzjoni jrid jiġġustifika ruħu għala ser jagħmel dan l-investiment meta fil-futur qarib, l-iskola tal-bniet se tiżvojta u faċilment tista' tintuża bħala skola primarja. Aktar u aktar meta t-tendenzi demoġrafiċi huma li huma. Tant li l-Ministru tal- Edukazzjoni qed iħaddan l-prinċipju li 'Money No Problem' li offra lill-klabbs tal-futbol li jagħtihom il-flus li ser jitilfu mid-dħul tal- parking, xi € 20,000 fis-sena kull wieħed. Daqshekk hu determinat li l-iskola ssir ħdejn il-Villa Rundle u m'hux kif oriġinarjament ippjanat. L-Awtorità tal-Ippjanar nediet konsultazzjoni pubblika sabiex tirrevedi l-iskedar tal-art in kwistjoni u tkun tista' tinbena l-iskola. Kull min irid jagħmel xi rappresentazzjoni dwar din il-bidla għandu ċans jagħmel hekk s'għada billi jibgħat e-mail fuq gclp.review@ pa.org.mt. Wieħed ma jifhimx għala din iż-żona ċentrali ma tiġix żvilupata għar- rikreazzjoni tal-pubbliku u bil-bini ta' faċilitajiet sportivi li huma ferm nieqsa. Is-sit propost huwa fiċ-ċentru tar- Rabat u se jaggrava l-problemi ta' traffiku li diġà huma ferm serji. Meta hawn tant ħtieġa għall-iżvilupp ta' pixxina pubblika li fil-preżent qiegħda tiġi promossa mill-ministeru ta' Għawdex. Ma jkunx aħjar jekk il-flus fuq skola li jidher li dalwaqt ma jkunx hemm ħtieġa għaliha, jintefqu b'mod aktar għaqli? Din l-istorja fuq kollox turi kemm kienet deċiżjoni ħażina li r-responsabbiltajiet ministerjali fir-rigward ta' Għawdex inqasmu bejn ministeri differenti li lkoll għandhom l-aġenda tagħhom u mhumiex propensi li jikkollaboraw ma' xulxin. Dan mhux mod kif titmexxa gżira u l-kummenti riċenti tal-Prim Ministru li wasal iż-żmien li Għawdex jingħata aktar 'devoluzzjoni' ma jikkumpensawx għal din il-konfusjoni u tberbiq b'deċiżjonijiet żbaljati li ser inbatu l-konsegwenzi tagħhom għal ħafna snin li ġejjin. JOE ELLIS "Minkejja li l-ekonomija għaddejja minn perjodu fortunat kemm minħabba l-għażliet tal- passat kif ukoll il-konġettura favorevoli ta' bosta fatturi fil- preżent, mhux dejjem qed isir l-aħjar użu tar- riżorsi"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 11 September 2016