Illum previous editions

illum 11 September 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/725664

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 35

Tkompli minn paġna 1 F'WAĦDA mill-ittri li l-ILLUM għandha f 'idejha, datata Novembru 2015, Social Worker u l-Konsulent li qed jieħu ħsieb il-każ, jinfurmaw lill-Awtorità tad-Djar li, "traġikament din il-mara sfat abbużata u mhedda. Fittxet diversi alternattivi ta' fejn tista' tgħix, fosthom f 'xelters, hekk kif kellha tiffaċċja vjolenza. Ilha tfittex għajnuna fir-rigward tal-housing mill-bidu, anke mingħand il-Kurja, imma t-talbiet tagħha dejjem ingħataw il-ġenb. Illum tkompli tgħix fi żvantaġġ soċjali u f 'umiljazzjoni." Lura f 'Lulju 1993, Josè Herrera fil-kapaċità tiegħu ta' avukat kien kiteb lid-Direttur tal- Akkomodazzjoni Soċjali u filwaqt li spjega s-sitwazzjoni ferm diffiċli li kienet qed tgħix fiha din il-mara, talab lill- istess Direttur biex jagħmel "dak kollu possibbli biex Doreen ikollha alternattiva mill-aktar fis." Herrera għarraf lid-Direttur li fil-fatt, Doreen kien diġà kellha applikazzjoni mal- Housing fl-1993. Wara 10 snin baqgħet bla risposta... Għaddew 10 snin mill- ittra legali ta' Herrera u sal-2003, Doreen kienet għadha mingħajr post tal- Gvern, għalkemm kienet taqa' fil-kategorija li setgħet tikkwalifika minħabba li d-dħul tagħha kien baxx u ma kellhiex sostenn mingħand it-tieni persuna. F'Ġunju tal-2003 kien imiss lill-Avukat Beppe Fenech Adami li jibgħat ittra lill-istess Dipartiment. F'din l-ittra, huwa għarraf lill-Housing bis- sitwazzjoni ta' Doreen u talab biex tingħata akkomodazzjoni għaliha u għal bintha. Dik is-sena wkoll, il-YMCA għarrfu lid-Dipartiment tal-Housing Soċjali bis- sitwazzjoni, b'Andrea Dibben fil-kapaċità tagħha ta' Social Worker, tfakkar li sa dik is-sena (2003), Doreen kienet ilha tistenna għal akkomodazzjoni soċjali 11-il sena. "Minħabba ċirkostanzi riċenti, il-bżonn li jkollha akkomodazzjoni alternattiva ħadet dimensjoni oħra. Doreen hija omm dedikata ħafna u jekk tingħata r-riżorsi, hija kapaċi terġa' tibni ħajjitha mill-ġdid ma' uliedha. Għalhekk," tkompli tgħid Dibben fl-ittra tagħha, "inħeġġeġ lid-Dipartiment biex jilqa' t-talba tagħha, għax dan huwa pass li jeħtieġ jittieħed." Minkejja dan il-kliem, it-talbiet ta' għajnuna għal Doreen, kollha waqgħu fuq widnejn torox. Mal-ILLUM, fil-post li qed tikri bħalissa, li iktar jixbah kerrejja u fejn kollox qed jistenna li jiġi rranġat sakemm forsi xi darba jkollha biżżejjed flus, Doreen tgħid li għajjiet titallab. "Għejjejt nitallab u nitkarrab. Dan ma tgħidx li qiegħda f 'din is-sitwazzjoni għax irrid. Qlajt swat, abbuż u kull ħaġa li tista' timmaġina, qed nitlob biss li ningħata għajnuna, għax il-kera waħedha, din is-sena għolietli b'€480. Mhux ċajta din ta' għal xi ħadd bħali li qed jgħix bil-ftit. Ilni snin nittallab u kulħadd jinjorani," qalet Doreen ma' din il-gazzetta. Kienet tnaddaf għal €4.50 fis-siegħa... Hi tirrakonta kif fl-aħħar impjieg li kienet fih, kienet taħdem ħames siegħat kull xift għal paga ta' €4.50 fis- siegħa, 'bla leave, bla drittijiet ta'xejn, kienu jiġu għalija bil-vann tax-xogħol fl-4:30 am, naslu fir-ristorant u nintefgħu nnaddfu r-remettar u l-ħmieġ tan-nies. Għal €4.50 kull siegħa. Kont nipprova nġebbed kemm nista' biex forsi jkolli €20 ta' ġurnata xogħol." Dan ma tgħidux biss Doreen imma jixduh ukoll ittra li ntbagħtet lill-Awtorità tad- Djar f 'Novembru 2015 u li kienet tgħid hekk: 'Doreen tirreġistra għax-xogħol illum u tgħin lilha nnifisha billi tattendi korsijiet. F'ħajjitha sabet impjiegi fit-tindif biex tkun tista' ssostni xi forma ta' dħul. Imma dawn ix- xogħlijiet kienu neqsin minn kundizzjonijiet umanitarji u kienu mħallsin ftit...mhux ta' b'xejn li wara li tħallas il-kera, tispiċċa ma jkollha xejn għal taħt rasha." "Doreen tixtieq u tixxennaq għall-indipendenza u l-istabbiltà f 'ħajjitha. Imma qed titlef it-tama. Tinsab psikoloġikament imkissra fil-ġlieda tagħha li tipprova tlaħħaq mal-ħajja, jum wara jum. Huwa ċar li din il-mara qed issibha ferm diffiċli biex tkampa ma' din is-sitwazzjoni. In vista ta' dan, nittamaw li d-Dipartiment ikun jista' jħares lejn dan il-każ minn lenti umanitarja b'aktar kunsiderazzjoni u prijorità għall-housing soċjali." Dan kien il-kliem li s-social worker u l-Konsulent Psikjatriku użaw biex jagħlqu l-ittra tagħhom lill-Awtorità tal-Housing. Għaxar xhur wara din l-ittra, 13-il sena wara l-ittri mill-YMCA u minn Beppe Fenech Adami u 23 sena wara l-ittra minn Josè Herrera, Doreen għadha qed tistenna. Aħna u nitilqu mill-post ta' Doreen, kellna biss ftit xaqq ta' tama mingħandha, li llum ta' 55 sena, din il-mara tista' tikseb ftit dinjità u ftit rikonoxximent mingħand l-istat u l-awtoritajiet li dalwaqt ikunu għalqu kwart ta' seklu jinjorawha. *Doreen huwa isem fittizju Aħbarijiet 5 Il-Ħadd 11 ta' Settembru 2016 | illum Kienet taħdem għal €4.50 kull siegħa tnaddaf ir-remettar u ħmieġ li jħallu n-nies Kull talba fl-aħħar 23 sena biex il-każ jinstema' b'mod urġenti waqa' fuq widnejn torox Andrea Dibben Beppe Fenech Adami José Herrera

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 11 September 2016