Illum previous editions

illum 11 September 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/725664

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

Il-Ħadd 11 ta' Settembru 2016 | illum Rakkont 23 It-tifel tan-nemex minn Sharon Calleja RESSAQ ħuġbejh mimlija nemex sbieħ li kienu jikkumplimentaw il- karnaġġjon bajdani ta' wiċċu mal-ħġieġ kiesaħ li kien hemm fil-klassi. Kollha kienu telqu. Sħabu kienu ħarġu. Ħa nifs twil hekk kif induna li l-ewwel taqbida kienet bil-lest. Però kien għadu qed jibża' minn dak li kien għadu ġej għalih; xħin ikun se joħroġ mill-grawnd tal-iskola. Kuljum kienu jistennewh. Hekk kif ħareġ ilsienu fuq xufftejh beda jtiegħem l-imluħa tad-dmugħ tiegħu stess. Beda jħoss qalbu tħabbat bil-qawwi. Għalkemm kien beżgħan ħafna mid-daqqiet tas-soltu, id- dwejjaq li kienu qegħdin jifnuh kienu qed jieħdu kontroll ta' ġismu kollu. Niżel kokka mal-art u beda jiġbor il-lapsijiet u l-kotba mxerrdin mal-art. Bir-rogħda f 'idejh tefgħahom ta' kafkaf fil-basket. Demgħa mal-art. Kienu reġgħu daħqu bih u qagħdu jgħajruh li kien ikrah. Għafas għajnejh ħalli jara ċar minn ġod-dmugħ u ħareġ minn ġol-klassi. "Stefan!" beda jisma' leħen Aldo ġej minn wara l-kantuniera. Malli sema' leħen Aldo, qalbu għamlet tikk. Kienet ġejja tiegħu. "It-tifel l-ikrah ħiereġ mill- iskola!" semgħahom jgħidu fost storbju u daħq bla rażan. Rahom minn wara l-kantuniera tal-ħanut li kien hemm faċċata tal-iskola u telaq jiġri b'kemm kellu saħħa. Illum ma kienx se jħallihom jaqbduh. Għax malli jilħquh kienu joqogħdu jtuh bis-sieq u jobżqulu f 'wiċċu. "Warajh!" għajjat Aldo, l-iktar wieħed fuq tiegħu li kien hemm minnhom. L-erbat itfal subien l-oħra rħewlha għal warajh. Stefan ġera. Ġera b'kemm kellu saħħa. Illum kien daħħalha f 'rasu li ma riedx iħallihom jiddieħku bih. Is-subien ġrew ukoll u ppruvaw jaqbduh. Stefan għadda minn ħdejn ħwienet, minn ħdejn djar, qasam xi sqaqien u kien qed iħossu bla nifs. Iżda kompla jiġri, b'qalbu tħabbat qawwija f 'sidru. Is-subien għamlu ħilithom. Jiġru u jidħku bejniethom. Stefan dar kantuniera, dawwar rasu bil-mod lejn in-naħa tax-xellug u ma ndunax biha. Kienet laħqitu. Dlam. Is-subien qabdu triq b'oħra u dakinhar ma laħquhx. "Ara jaħasra!" bdew jgħajtu n-nies li raw lil Stefan taħt bankina mitluq. Kienet tajritu karozza. "Ara kemm hu ħelu miskin!" Ġimagħtejn wara, Aldo kien qiegħed bilqiegħda fil-klassi. Dawwar rasu lejn in-naħa tal-lemin fejn is-soltu kien ikun hemm it-tifel tan-nemex bilqiegħda f 'postu. Stefan kien ilu nieqes ħmistax mill-iskola u ħadd ma kien lissen ebda kelma fuqu. Forsi kien marid. Forsi kien qiegħed jevitahom. "Sir, xi ġralu Stefan?" kien staqsa lill-imgħallem darba fost l-oħrajn iżda kien baqa' bla risposta. Kien ra wiċċ l-imgħallem jitqarras u jbiddel is-suġġett. Dnub, kien ħaseb. Lil Stefan kien jgħir għalih. Waqt li hu kien tifel sfrattat, dejjem jiġri barra mal-erbat iħbieb li kellu, Stefan kien tfajjel b'persuntu żgħira, kwiet iżżejjed u qatt ma jgħid kelma. Aldo kien kważi jobgħodu, iżda lanqas hu stess ma kien jaf għalfejn. Dak il-ħin ħass fawra tielgħa għal rasu u beda jara l-klassi ddur bih. Għamel idejh fuq sidru u beda jħoss uġigħ kbir. "Sir....." Aldo ma laħaqx lissen kelma oħra għaliex kien qiegħed mal- art stendut b'għajnejh iberrqu u jteptpu fl-istess ħin. "Sinjura, ma tantx għandna aħbarijiet sbieħ," kien lissen il-professur dwar il-qagħda ta' Aldo. "It-tifel tiegħek....." "Xi ġralu?" staqsiet ommu b'rogħda kbira fuqha. "Għandu bżonn trapjant ta' qalb. Qalbu mhix taħdem tajjeb u l-kura li qegħdin nagħtuh ma tantx qiegħda tagħmel progress fuqu," il-professur kien ħabbar, hekk kif gidem xofftu t'isfel. Aħbarijiet bħal dawn kienu saru parti mill-ħajja ta' kuljum u ma kienx għadu jiddejjaq jomgħodhom. "Imma..." omm Aldo bilkemm felħet titkellem. "Jekk ma nsibux donatur, wisq nibża' li..." lissen il-professur. Għaddew jumejn ta' taqtigħ il-qalb. Jumejn bit-tifel jilgħab għal ħajtu fil-kamra fl-isptar u l-omm tħares lejh bid-dmugħ f 'għajnejha. "Għandna aħbar tajba." Dak il-ħin li kien taha din l-aħbar il-professur, kienet ser tibqa' tiftakru għal għomorha. "Sibna donatur." Aldo ttieħed fil-kamra tal- operazzjonijiet u hemmhekk kienet saret operazzjoni delikata fuqu. Damu joperawh għal ħin twil. L-omm kienet baqgħet tħares ċassa lejn il-ħajt l-abjad tal-isptar, b'idejha għoqda flimkien u titlob minn qalbha. Malli ħarġu lil binha minn ġol-kamra u għaddew jiġru bih fil-kuritur, ħarġet tiġri ħdejn il-professur u għamlilha sinjal ta' iva b'rasu. "Il-ġisem ta' ibnek aċċetta t-trapjant." Kienet triq twila. Aldo beda jiġi f 'tiegħu bil-mod. Għalkemm kien qed jagħmel progress kuljum, it-triq għall- fejqan kienet pjuttost delikata. Kien qiegħed bilqiegħda. It-tieqa li tagħti għall-ġnien tal-isptar kienet eżatt quddiemu u kien dara jħares 'il barra u jixtieq li jasal il-jum li joħroġ. Kultant kien għadu jħossu stordut. Ħares lejn idejh u ra l-pajpijiet li kienu mqabbdin ma' ijdejh u kien dara jisma' l-ħoss tal-magna tal-qalb. "Grazzi," beda jgħid minn taħt l-ilsien. Xtaq ikun jaf din il-qalb il-ġdida ta' min setgħet kienet. Sema' l-bieb tal-kamra jinfetaħ bil-mod. Ta titwila u peress li x-xemx li kienet dieħla mit- tieqa kienet faċċata ma tantx seta' jarah sew. Fil-bidu ħaseb li kien ġie jarah wieħed minn sħabu tal-iskola, għaliex il-figura kienet xi daqs tiegħu. "Kif inti Aldo?" Aldo kważi qabeż minn fuq is-sodda. "Stefan, inti x'inti tagħmel hawn?" staqsieh. "Kont fil-kamra ta' ħdejk u ġejt nittawwallek," wieġbu Stefan. Aldo ħass wiċċu jiħmar. Ħadd minn dawk sħabu l-oħra ma kien indenja jiġi jittawwallu u jaraw kif kien sejjer. Ħadd minnhom ma kien ta kasu. Lanqas ħadd. Stefan biss. "Stefan...." qal Aldo, iħoss qalbu tingħafas. "Int kif inti?" "Issa aħjar." "Aħfirli Stefan ta' kull darba li qbadt miegħek. Int biss ġejt tarani." Leħen Aldo kien miksur. "Naħfirlek." Stefan tbissimlu. Dak il-ħin, Aldo ħass qalbu timtela bil-ferħ. Qatt ma kien induna kemm kien ħelu Stefan. Qatt ma kien tah ċans ikellmu. U issa li kellmu, issa kien jaf li Stefan kien tabilħaqq tifel gustuż u ġentili. "Stefan...issa la noħroġ, issa nkunu ħbieb. Grazzi talli ġejt tara kif jien." Stefan sellimlu u ħareġ 'il barra. Beda jmur ħdejh kuljum. Daqqa jilgħabu, daqqa jiċċajtaw u anke jitkellmu fuq ħajjithom. Aldo kien sar iħobbu. Kien sar iħobb lil dak it-tifel ħelu b'wiċċu mimli nemex. "Nistgħu nibgħatuk," qallu darba fost l-oħrajn il-professur. Għalkemm Aldo kien feraħ li kien sejjer lura lejn id-dar, kien jaf li lil Stefan kien se jimmissjah mhux ftit. Dakinhar, fl-aħħar jum tiegħu fl-isptar, Stefan ma kienx ġie jarah u Aldo mar ifittxu fil-kmamar iżda ma kienx sabu. Issa narah l-iskola, ħaseb bejnu u bejn ruħu. Inkunu ħbieb. Aldo beda jmur l-iskola. Fil-bidu kien ibati biex iħossu normali, iżda saħħtu kienet qiegħda terġa' tiġi lura f 'postha. Lil sħabu l-antiki kien beda jevitahom. Iżda l-iskrivanija tal-iskola fejn kien ipoġġi Stefan kienet baqgħet vojta. "Forsi bidel l-iskola." "Forsi telqu minn hawn." "Le ma jistax ikun. Ġie jarani l-isptar." It-tfal kienu baqgħu mbellhin kif Stefan kien mar jara lil Aldo. Kienu jafu kemm kien kattiv miegħu u kemm kien jaqbad miegħu. Dakinhar iddeċieda li jmur sad-dar ta' Stefan. Kien jaf fejn kien joqgħod u kellu seba' mitt sena biex jaċċerta li Stefan kien tajjeb. Meta kien l-isptar kien mar ifittxu fil-kmamar iżda qatt ma kien rah. Ħabbat fuq il-bieb. Silenzju. Reġa' ħabbat. Fetħitlu mara ħelwa, b'xagħarha dehbi, eżatt il-kulur li kellu xagħar Stefan. Kienet tidher xi ftit irqiqa żżejjed iżda t-tbissima tagħha kienet identika għal ta' Stefan. "Int omm Stefan?" staqsieha. "Iva." "Ġejt biex....." tbissmilha Aldo. Omm Stefan qabdet tgħannqu u tibki. Bdiet tagħfsu magħha u tolfoq. Aldo baqa' skantant bilwieqfa, imbellaħ. Beda jħossha trossu magħha u kważi taqta' n-nifs. "Ġara xi ħaġa?" staqsieha Aldo jħossu ċċassat u beżgħan fl-istess ħin li seta' ġara xi ħaġa lil Stefan. "Naf għalxiex ġejt," qaltlu bejn nifsijiet fgati. "Iva," weġibha. "Ġejt minħabba Stefan." "Issa Stefan qed jgħix hawn," qaltlu l-mara ġwejda li kien hemm quddiemu. Aldo ħass l-art iddur bih. Omm Stefan għamlet idejha fuq qalbu. "X'inti tgħid?" staqsieha mbellah. Kesaħ. Ma riedx jemmen. Ma setax jemmen. "Stefan kien id-donatur ta' qalbek, Aldo," weġbitu. Aldo ċċassa. "Stefan dam ħafna jiġġieled għal ħajtu però dakinhar li inti ddaħħalt emerġenza, dakinhar..." kompliet bid- dmugħ f 'għajnejha. "Dakinhar ħalliena u avżawni li kienu se jagħtu l-organi tiegħu." "Mela allura l-isptar, meta ġie jilgħab miegħi..." Aldo ħass is- suf ta' idejh jixxewwek. "Dak kien...dak kien..." kompla jlaqlaq waqt li baqa' jħares fl-għajnejn imdemmgħin tal- mara li kien hemm quddiemu, jipprova jsib risposta iżda ma setax.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 11 September 2016