Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/747627
QATT ma kellu grazzja miegħu. Arthur kien ix-xempju ta' ħaddiem ħabrieki, dejjem jasal fil-ħin, jagħmel xogħlu tajjeb u kien iddedikat ferm lejn il- kumpanija li kien jaħdem fiha. Il-kuntrarju tiegħu. Bejnietna, Oliver kien ilu xi ħames snin ipappihielhom. Imma kien brikkun u ħafna drabi, ix-xogħol li kien ikun għamel ħaddieħor kien jieħu l-mertu tiegħu hu. Il-kumpanija li kienu jaħdmu magħha kienet qiegħda tespandi u tikber, u kien hemm l-għidut li kellhom bżonn jingaġġaw maniġer ġdid. Maniġer li kien jieħu ħsieb il-ħaddiema l-oħra u jmexxi d-dittà importanti tal- aġenzija li kienet tbigħ id-djar madwar Malta u Għawdex. Dakinhar, wieħed mid- diretturi tal-kumpanija kien għamlilhom laqgħa importanti ferm, fejn kienu ltaqgħu kollha flimkien ħalli jgħarrafhom b'dak li kien ser jiġri. Oliver kien qiegħed bilqiegħda eżatt quddiem Arthur. Is-sitt impjegati l-oħra kienu qegħdin imferrxin madwar il-mejda tal- kamra fejn kienu jsiru laqgħat ta' dan it-tip jew diskussjonijiet oħra. Arthur kien qiegħed attent, jifhem dak kollu li kien qed jingħad, jgħarbel sew dak li kien qed ikellimhom dwaru d-direttur. "Wara ħafna laqgħat li għamilna bejnietna, iddeċidejna li l-maniġer se jintagħżel minnkom." Kollha kemm huma kienu sorpriżi b'dik l-aħbar. Qatt ma stennew li kien se jintagħżel minn xi wieħed jew waħda minnhom. Pjuttost kienu qegħdin jaħsbu li kien se jiġi ngaġġat xi bażużlu minn barra. Oliver beda jberraq għajnejh lejn sħabu l-oħra. Imbagħad għajnejh waqgħu fuq Arthur. Kieku kellu jilħaq Arthur żgur li kien jirriżinja mid-dittà. Mela dak kien se joqgħod għaliha li Arthur ikun il-'boss' tiegħu! Ma tarax! Kollha kemm huma kienu eċitati ferm. Iżda Oliver dak il-ħin preċiż daħħalha f 'rasu li kellu jkun hu li jeħodha. U kien jaf li kieku ma kienx hemm Arthur bħala xkiel, żgur hu kien jieħu l-irwol il-ġdid! Ejja ngħidu li huma t-tnejn kienu l-aktar żewġ impjegati li kien ilhom jaħdmu hemm. Min jaf kemm kienet tikbirlu l-paga kieku! "Nhar it-Tnejn fl-erbgħa ta' wara nofsinhar, qis li tiġu kollha hawn," kien qed jgħidilhom id- direttur, waqt li kien diġà qam bilwieqfa. "Se jsir tip ta' eżami formali. Min ma jiġix, ifisser li mhuwiex interessat biex jieħu l-promozzjoni." Oliver ħares lejn Arthur, li kien qed jomgħod it-tarf ta' lapes u jħares lejn id-Direttur b'espressjoni serja. Kieku seta', Oliver kien ibellagħhulu dak il-lapes imgerrem, kemm kien jagħmillu nervi! Vera ma kienx jista' għalih! Oliver qam malajr minn fuq il- mejda u malli d-Direttur irtira, telaq 'il barra, b'kelma waħda tberren f 'rasu; promozzjoni. Promozzjoni. Ried isib mezz. Ried isib pjan. Imma x'seta' jagħmel? Ma tantx dam ma sab soluzzjoni. "U mela! Mela, mela......." kien qed ipeċlaq fuq it-telefon l-għada filgħodu ma' xi żewġ klijenti li riedu jaraw xi appartamenti ġodda lejn in- nofsinhar ta' Malta. "U żgur.... nhar it-Tnejn tajjeb għalikom?" kien qed jgħid bi tbissima sarkastika fuq fommu. "It- Tnejn fl-erbgħa neqsin kwart ejjew hawn fl-uffiċċji tagħna u staqsu għal Arthur Debattista. Jaqdikom hu." Malli qata' t-telefon, ħa nifs twil. Nifs twil ta' sodisfazzjon. Mhux suppost kienu jagħmlu appuntamenti ta' klijenti ma' impjegati oħra imma dakinhar seta' jagħmel eċċezzjoni żgħira mingħajr ma jagħti ismu. Kien ħadimha tajjeb! Ħareġ mill-uffiċċju xi siegħa qabel il-ħin, isaffar u jkanta waħdu. Kieku jieħu l-promozzjoni hu, kien ikun qiegħed bomba! Tgħid ma kienx se jirriskja li jeħodhielu Arthur...dak l-inkapaċi! Il-ġurnata tat-Tnejn ma damitx ma waslet. Kollha kemm huma kienu jidhru xi ftit eċitati, inklużi Arthur u Oliver. Kulħadd kien qed jitbissem lil xulxin imma fil- fond ta' qalbhom kienu qegħdin jixtiequ d-deni lil xulxin; kulħadd jaħseb fuq l-istess ħaġa. Il-promozzjoni. Kienu skorrew it-tlieta u nofs. Oliver kellu l-għaraq qed ixoqq għalih. Kien eċitat. Għalkemm kien raġel ta' skola, kien ċert li jekk dawk il-klijenti ma jitfaċċawx, kien se jkollu għadma iebsa biex jissupera l-intelliġenza u l-bravura ta' sieħbu Arthur. Ħares lejn l-arloġġ. Sħabu bdew jiġbru ħwejjiġhom u jlestu ħalli jmorru fil-blokk l-ieħor. Il-post fejn kellhom jagħmlu l-eżami. Qalb Oliver bdiet tħabbat mija mija. Tgħid jiġu dawk? Beda jinkwiet. L-erbgħa neqsin għoxrin. Qabditu r-rogħda. Eżatt malli qabad il-basket u kien ħiereġ 'il barra, b'Arthur ħiereġ warajh, ra tnejn minn nies liebsin pulit deħlin lejn l-uffiċċji tagħhom. "Is-Sur Arthur Debattista jekk jogħġbok," qalet it- tfajla lill-ġuvni li kien hemm jilqa' l-klijenti fil-kamra tal-akkoljenza. "Kellna appuntament miegħu issa ħalli naraw xi appartamenti." Oliver ma setgħax ma jitbissimx hekk kif ra lill-ġuvni jgħajjat lil Arthur, ilaqqgħu mal-koppja żagħżugħa, rahom jinsistu li kellhom appuntament miegħu u ra lil Arthur jeħodhom fl-uffiċċju tiegħu biex jara kienx hemm xi żball. In fatti, ma kienx hemm żball. Hu kien irranġa anke mas-sid tal- appartamenti biex ikun hemm fil-post ħalli jfittex jagħtihom iċ-ċavetta. Arthur ħassu vera mdejjaq hekk kif kellu jerġa' jdur lura, iċempel, jipprova jirranġa l-appuntament għal ġurnata oħra u ma jirnexxielux. Oliver għadda minn ħdejn l-uffiċċju tiegħu u sellimlu. "M'intix ġej?" staqsieh Oliver, hu u ħiereġ. "Heqq...kif nista'? Ma nafx kif ġew issa...ħsibtu kien hemm xi żball, imma..." beda jgħidlu Arthur, iżda sieħbu telaq iħaffef 'il barra bla ma ħallieh ikompli jkellmu. Kollha kienu telqu. L-uffiċċji kienu vojta. Ħass qalbu ser tinqasam. Anke rogħda qabditu. Kieku kien jaf li kien ser jiġri hekk, kieku kien jara kif jagħmel jikkanċellalhom l-appuntament. Iżda issa kienu qegħdin jinsistu li jarawh, peress li kienu qagħdu jinqalgħu min-naħa l-oħra ta' Malta u kellhom seba' mitt sena sabiex jarawh. Arthur baxxa rasu lejn l-art. Qabad iċ-ċwievet tal-karozza u telaq magħhom ħalli jurihom l-appartamenti. Ħass li għalkemm suppost kien qiegħed jagħmel l-eżami bħal sħabu l-oħra, żgur ma kienx lok li jħalli xi klijenti joħorġu insodisfatti minħabba l-eżami tal-promozzjoni li jaf lanqas biss jieħdu hu. Ħadhom lejn il-post. Dar magħhom il-proprjetàa. Għalkemm, kultant kien qed jaħseb fuq l-opportunità li kien għadu kemm tilef, xorta waħda ħa gost jurihom dak li xtaqu. Il-koppja żagħżugħa kienet sodisfatta ħafna bl-għajnuna tiegħu. Għaddiet ġimgħa. Sħabu kienu għajruh ċuċ u min jaf kemm aktar kliem ieħor talli ħalla l-klijenti jtellfuh milli jagħmel l-eżami. Ovvjament, kollha kienu għamlu l-eżami minbarra hu. "Intagħżel wieħed minnkom," qalilhom id-direttur, ġimgħa wara li kien sar l-eżami. Kienet qiegħda ssir laqgħa oħra importanti sabiex jiġi mgħarraf min kien se jilħaq maniġer ġdid. "L-aħjar wieħed minnkom, bla dubju..." kompla jgħidilhom id-Direttur, hekk kif kien qed iqalleb f 'xi karti mħażża kollha figuri u numri li għalih biss kienu jagħmlu sens. "Oliver Sciberras." Oliver qam bilwieqfa u beda jitbissem. Għalkemm kollha kemm huma kienu jafu kemm kien jiskarta Oliver u kemm kien għażżien, kollha kemm huma bdew jifirħulu u jċapċpulu. Anke Arthur, mingħajr ebda suspett li kien hu stess li kien għamillu l-bsaten fir-roti, kien ħa gost għalih u ħadlu b'idejh. Dak il-ħin, kif kienu kollha miġburin fil-kamra, kollha għadhom jifirħu lil Oliver, daħal sid il-kumpanija ta' din id-dittà importanti. Sid il-kumpanija mar ħdejn id-sirettur u ħa b'idejn Oliver. Oliver ta daqqa t'għajn lejn Arthur u tbissimlu b'sodisfazzjon. "Min hu kapaċi jirbaħ dejjem," qallu. Arthur għamillu iva b'rasu u deher kemxejn imdejjaq. Kieku żdied ftit fil- paga, imqar ftit ieħor, martu Doris kienet tieħu gost bihom żgur. "L-għan ta' din il-kumpanija hija li nikbru flimkien," beda jgħidilhom sid il-kumpanija. "Aħna l-post propja li xtaqna nimlew ma kienx ta' maniġer biss, iżda xtaqna ningaġġaw post tassew importanti li se jingħata lil persuna li vera jkun xerqilha." Il-ħaddiema kollha bdew iħarsu lejn xulxin għaliex ma kinux qiegħdin jifhmu eżatt x'kien qed jiġri. "Post li se jkun oltrè minn dak ta' ħaddiem, oltrè minn dak ta' maniġer. Aħna għandna post ġdid għal wieħed mid-diretturi. Dan se jkun qed imexxi lill- maniġer il-ġdid ħalli jkollu kontroll tassew tajjeb u sigur lejn il-kumpanija," kompla jgħid id-Direttur. "Ikun imexxi kollox f 'idejh hu, f 'isimna..." L-impjegati kollha baqgħu skantati. "L-ebda eżami ma kien se jkun sodisfaċenti biex jimla dan il-post." Oliver beda jberraq għajnejh. X'jiġifieri? X'jiġifieri? Kien ser iqabbad lil xi ħadd ieħor fuqu? "Din il-persuna mhi ħadd ħliefek..." dar iħares lejn Arthur. "Arthur Debattista, li biex taqdi dmirijietek, inti għażilt li taqbeż l-eżami nnifsu." Arthur kesaħ. Qatt ma stenna aħbar tajba bħal din! Dak il-ħin daħlet it-tfajla li Arthur kien qagħad idawwar sabiex tara l-postijiet propju fil- ħin tal-eżami. Din marret ħdejn is-sid tal-kumpanija. "Jiena wara sirt naf li inti qgħadt tieħu paċenzja b'binti..." qal sid il-kumpanija lil Arthur. "Binti Sephora. Nirringrazzjak f 'isimha. U ta' dan kollu, inlaħħqek bħala direttur prestiġġjuż tal-kumpanija tagħna." Kulħadd feraħ lil Arthur. "Nifraħlek," qallu Oliver jieħu b'idejn il-'boss' il-ġdid tiegħu. illum | Il-Ħadd 6 ta' Novembru 2016 22 Rakkont Sharon Calleja Il-promozzjoni