Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/753402
M alta, minn Jannar li ġej għal perjodu ta' sitt xhur se tkun fit- tmun tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Li tkun fit-tmun tal-Kunsill hija diġà xi ħaġa straordinarja. Li tkun fit-tmun fil-perjodu li qed ngħixu fih hija, terġa', iktar straordinarja. Din il-ġimgħa l-Kabinett kellu laqgħa tajba ħafna mal-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-Unjoni Ewropea. Ir-rispons kien pożittiv immens u l-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, kellu kliem kbir ta' tifħir kemm għall-Prim Ministru Joseph Muscat u kemm għall- preparazzjoni li qed turi Malta. Pajjiżna se jidħol għal din il-Presidenza bi spirtu ta' realiżmu. Se tidħol ukoll bi spirtu fejn taf li għandha esperjenza u passat li jġib flimkien u mhux jifred. Irridu li s-sitt xhur tal- Presidenza tagħna jkunu sitt xhur li jgħinu biex l-Ewropa tiġi iktar flimkien u iktar sensittiva għar-realtajiet taċ- ċittadini. Ftit qabel il-laqgħa mal- Kulleġġ tal-Kummissarji, kellna opportunità li niltaqgħu ftit informalment. Sħabi u jien fix-xogħol tagħna, ħdimna ma' diversi membri tal-Kummissjoni Ewropea u nemmen li bnejna reputazzjoni li aħna honest brokers u politiċi li huma ġenwini u jridu jiksbu r-riżultati. Fil-laqgħat li kellna, din ħarġet ċara kristall. L-Ewropa taf li f 'Malta hawn Gvern li jaħdem, li qed jagħmel il-ġid u li hu mmexxi minn Prim Ministru formidabbli. Junior Eurovision Inkompli fuq nota Ewropea iżda fis-settur kulturali u tax- Xandir. Illejla se jittella' l-Junior Eurovision għat-tieni darba f 'pajjiżna. L-ewwel darba li ttella' pajjiżna għamel isem għalih innifsu u verament urejna kemm aħna kapaċi nagħtu prodott tajjeb. It-tieni darba, li se jkun illejla, se nerġgħu nuru l-ħiliet tagħna biex inkomplu nagħtu prodott li jagħmel unur. Kelli l-opportunità li lbieraħ filgħodu, flimkien mas- CEO ħabrieki u kariżmatiku tal-PBS John Bundy, nagħti titwila lejn il-preparamenti u nisma' r-rehearsals, inkluż tal-kantanta Maltija Christina Magrin. Ħadt gost nisma' lil esperti internazzjonali u lokali jgħidu kemm qed isir xogħol tajjeb u kemm huma tajbin l-artisti u ħaddiema Maltin li ħadu ħsieb ħafna mill- produzzjoni. Jien konvint li l-esperjenza li l-ħaddiema Maltin qed jibnu bis-saħħa ta' avvenimenti bħal dawn hija imprezzabbli. Jien konvint ukoll li wara dan il-festival, il-PBS se jkompli joħroġ iktar b'saħħtu u magħqud. Jiena kburi mmens bit-talenti tal-ħaddiema kollha tal-PBS. Daqs kemm jien kburi b'Christina Magrin. Christina hija tifla simpatika, ħelwa u brava mmens li ċert li se tagħmel unur lil Malta llejla bil-prestazzjoni tagħha. Se nkun hemm nżomm magħha! Insellem ukoll lill-kantanta straordinarja Destiny li wara kollox hu bis-saħħa tagħha li ksibna d-dritt li ntellgħu dan il-Festival f 'pajjiżna! Grazzi Destiny! Inkomplu naħdmu biex inkattru l-ġid Din il-ġimgħa kelli l-opportunità li nitkellem ftit iktar dwar il-ħidma li qed issir fil-qasam tal-Programm ta' Ċittadinanza b'Investiment. 300 familja high net-worth ingħaqdet mas-soċjetà tagħna matul din il-legiżlatura u hu mistenni li madwar 400 familja oħra, (suġġett, s'intendi li jgħaddu mill-istadji kollha ta' due diligence) jkomplu jingħaqdu mas-soċjeta' tagħna fix-xhur li ġejjin bħala ċittadini Maltin. Ħabbart li b'kollox, dawn it-300 familja, apparti milli investew iktar minn €300 miljun favur il-kaxxa ta' Malta, taw għotjiet u donazzjonijiet lil NGOs fl-ammont ta' miljun u nofs Ewro fis-sena, b'Puttinu Cares tkun l-iktar li gawdiet minn dawn l-għotijiet finanzjarji. Dawn li nafu bihom għax qalulna. Min jaf kemm ingħataw iktar u aħna ma nafux! S'intendi l-Gvern ma jindaħal b'ebda mod li min wieħed jagħti u dawn l-għotjiet isiru b'mod kompletament liberu mill-persuni involuti. Dawn il-familji kollha se jkunu ta' ġid enormi għas- soċjetà tagħna u għada pitgħada, inkomplu naħsdu l-frott tad-deċiżjonijiet tajbin u x-xogħol tajjeb li qed nagħmlu llum. Iffaccjati b'dan il-ġid, elementi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista daħlu f 'paniku. Qaluli li l-kelliem tal-Oppożizzjoni vvinta li jiena kont gdibt lill-Parlament fuq il-ħlas tal-konċessjonarji – ħaġa li mhijiex minnha assolutament. Quddiem dan l-atteggjament negattiv u distruttiv tal- Oppożizzjoni, jiena nagħżel li nkun pożittiv u nkompli niddedika l-ħin kollu tiegħi biex nagħmel dan il- programm suċċess. Ħaddieħor irid itellifna milli nkomplu noħolqu l-ġid. Aħna se nżidu d-doża tagħna biex inkomplu nwettqu d-differenza għall-aħjar fil-ħajja tal-familji u negozji Maltin u l-Għawdxin. Kultura Bl-istess mod se nkomplu nagħmlu d-differenza fis- settur kulturali. Il-World Summit tal-Kultura li għadu kemm intemm b'suċċess f 'pajjiżna ftit tal- ġimghat ilu huwa xhieda ċara tal-mod professjonali li bih qed naħdmu f 'dan is-settur tant important u kruċjali. Quddiemna għandna xhur impenjattivi ħafna bil- preparazzjoni ta' programmi kulturali u twettaq ta' proġetti infrastrutturali b'fondi Ewropej li pajjiżna ilu snin kbar imxennaq għalihom. Kburi ħafna bix-xogħol li qed jitwettaq. Nieħu l-opportunità li nawgura lis-CEO l-ġdida tat-Teatru Manoel, Elizabeth Ebejer l-ikbar suċċess fix- xogħol il-ġdid tagħha. Kuntent ħafna kif Elizabeth mill- ewwel integrat mal-ħaddiema imprezzabbli tat-Teatru tagħna li laqgħuha b'mod pożittiv immens. Inkomplu naħdmu u nkomplu nwettqu. Il-Ħadd 20 ta' Novembru 2016 | illum Opinjoni 17 Pajjiżna fit-tmun OWEN BONNICI "300 familja high net-worth ingħaqdet mas- soċjetà tagħna matul din il- legiżlatura u hu mistenni li madwar 400 familja oħra, ikomplu jingħaqdu mas- soċjetà tagħna fix-xhur li ġejjin bħala ċittadini Maltin" Esperti internazzjonali u lokali qalu kemm qed isir xogħol tajjeb u kemm huma tajbin l-artisti u ħaddiema Maltin li ħadu ħsieb ħafna mill-produzzjoni