Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/753402
META raha l-ewwel darba, l-ajru kien magħluq u għalkemm kienu għadhom il-ħamsa ta' waranofsinhar, kien dalam sew. Kien sema' taħbita mal-bieb. Kontra qalbu, mar jiftaħ. "Jiena jisimni Demetria," qaltlu. Tumas ħares lejha minn fuq s'isfel. Kellha għajnejha kbar, sbieħ u żoroq. Xagħarha kien lixx u ħamrani. Ħass qalbu tingħafas. Kienet tfakkru f 'Henna. Kull tfajla kienet tfakkru f 'Henna. "Tista' tgħidli min inti u x'ġejt tagħmel hawn?" staqsieha kważi jirrabja, jipprova jkun jidher antipatiku u żorr ħalli din it-tfajla tfittex titlaq malajr kemm jista' jkun. "Jimporta noqgħod nistkenn ftit għandek, jekk jogħġbok? Ix-xita qawwija u m'għandix umbrella!" qaltlu. Kien ser jgħidilha le. Le, le u le. Taf kemm kien ilu ma jara nies? Kien ilu ħafna ma jkellem nies. Biex ikun eżatt, xi erbgħin sena. Ma kienx joħroġ, kien jiekol dak kollu li kien jaħsad hu stess fl-għelieqi tiegħu u kuntatt ma' ħadd ma ried jagħmel. Wara dakinhar. Wara dik il-ġurnata li kienet mietet Henna. Xħin jiftakar biss… eżatt malli jiftakar, seta' jerġa' jismagħha tibki, jara l-espressjoni tagħha, jisma' t-twerżiq, iħoss il-ħruq, ixomm ir-riħa tal-injam u l-għamara tinħaraq, jara lil ommu u lil missieru jgħajtu u jippanikjaw. Wara dak il-lejl li kienet mietet oħtu fit-traġedja tal- ħruq fil-kmajra li kellhom wara d-dar, kien spiċċa waħdu. Jgħix waħdu f 'din id-dar. Ommu u missieru kienu telqu, ma rahomx aktar u oħtu… oħtu kienet mietet. Fil-fatt, kienet indifnet fit- tarf tal-għelieqi li jagħmlu parti mill-art tagħhom stess. L-unika post li qatt ma kien mar. Ma riedx jara l-qabar tagħha hemm isfel, taħt il-ħajt tas-sejjiegħ. Biżżejjed kien ikollu joqgħod jarah bil-lejl, fl-iljieli tal-qamar, il-profil tal- kurċifiss jidher ġgantesk iżjed fl-immaġini ta' moħħu. "Ħeqq, xi tridni nagħmel bik? Idħol u stkenn hawn." Kien kważi se jibda jgerger, imma mbagħad ħass li jdaħħalha hawn ġew, kien ikun qed jagħmel ġest nobbli. Kellha rasha mxarrba qisha fellus, il-ħwejjeġ għasra u s-sandli li kienet liebsa ovvjament ma kienx galbu għal dan it-temp. "Minn fejn inti?" staqsieha. "Noqgħod ftit 'il bogħod," qaltlu. "Imma għandi nofsiegħa biex nasal id-dar." "U żgur! Hawn ma joqogħdux nies! Hawn 'il bogħod għal kullimkien!" qalilha. Imxew lejn il-kċina u ndunat li dan kien ġuvni waħdu. Għalkemm kien jidher żgarbat, kien jidher gustus u mill-ewwel ħadet grazzja miegħu. "Kemm għandek żmien?" staqsietu. "Kemm ġejjin mistoqsijiet!" qalilha b'leħen goff. "Biżżejjed biex inkun nannuk! Daqshekk għoddejt li għandi żmien." "Int tgħix waħdek?" Tumas ħares lura lejha u taha daqqa t'għajn li ħasditha. Issa kienet laqtitu fil-laħam il-ħaj. Baqgħu sejrin lejn is-salott u poġġew bilqiegħda fuq is-sufan. Demetria ndunat li l-għamara tad-dar kienet tidher vera antika u qadima. Miskin, bdiet tgħid bejnha u bejn ruħha. Dan jixraqlu lil xi ħadd li jieħu ħsiebu. Li jgħinu. "Iva," weġibha. Kien ilu ma jitkellem ma' xi ħadd. Kien ilu waħdu. Ħafna, ħafna snin. "Dik it-tifla min hi?" staqsietu. Qalb Tumas waqfet. Ħass ġismu jqum xewk xewk u dehxa niżlet ma' dahru. Ir-ritratt tagħha. Henna. "Dik oħti," qalilha b'leħen miksur. "Oħtok? Fejn qiegħda?" staqsietu. "Oħti mejta." L-espressjoni ta' wiċċu kienet mimlija uġigħ. Uġigħ li kien ilu jġorr miegħu tul dawn l-aħħar snin. Ħares lejn it-tieqa biex jara jekk kinitx għadha xita ħalli jibgħat lil din it-tfajla 'l hemm. Kienet qiegħda ddejqu, issaqsih dawn id-domandi. Ix-xita kienet għadha nieżla bil-qliel. "Minjaf kemm taħseb fuqha!" qaltlu, mingħajr l-iċken ħsieb li kienet qiegħda tkun invadenti. "Ma tgħaddix minuta…" qalilha. Demetria rat li x-xfar t'għajnejn Tumas kienu qegħdin jiħmaru. Niżlet demgħa. "Oħti mietet minħabba fija…" Demetria ma weġbitux. Għalkemm kienet għasra, bdiet tħoss il-bard b'dak li kien qed jgħidilha, mhux bil-ħwejjeġ li kienu mwaħħlin magħha, bis-swaba' li kellha maħruġa 'l barra mis-sandli, jew b'xagħarha li kien għadu qed iqattar. Dak li kien qed jgħidilha dan ix-xwejjaħ kien qed jemozzjonaha. "Ilu eżatt erbgħin sena. Konna familja ferħana. Missierna kien jaħdem fl- għelieqi, ommna tgħinu, jien u oħti dejjem flimkien. Konna naqblu f 'kollox." Waqaf, ħa nifs twil u kompla jitkellem. "Dakinhar, oħti riedet toħroġ dawra biż- żiemel. Jien u hi morna fil- kamra ta' wara d-dar. Jien kont qed inġorr xemgħa. Imxejna sa fejn iż-żwiemel. Jien qatt ma kont inħobbhom iż-żwiemel. Wieħed minnhom nafar, tela' fuq saqajh ta' wara, twerwirt u x-xemgħa waqgħetli. Il- kamra spiċċat tieħu n-nar. Oħti mietet fin-nar. Ommi u missieri qatt ma ħafruli, fil-fatt telqu minn hawn bla kliem u bla sliem u ma ħadunix magħhom. Ma rajthomx iżjed." Tumas iċċaqlaq ftit u Demetria nħasdet. Kienet daħlet fl-istorja. "Oħti midfuna hemmhekk…" qalilha, jqum bilwieqfa. "Kienet għadha tifla…" Demetria qamet bilwieqfa u ħarset lejn fejn kien qed juriha b'subgħajh. Wara l-għelieqi enormi li kienu jikkumplimentaw din id-dar kbira, kien jidher kurċifiss tal- ġebel, f 'ras lapida. "Jiddispjaċini," qaltlu. Dak il-ħin, eżatt malli reġgħet poġġiet bilqiegħda fuq is-sufan, Tumas ra li kienet liebsa ġiżirana li bdiet tleqq xi ftit għaliex bdiet tirrifletti mad-dawl ta' barra. Damu jitkellmu ħafna. Kienet ħadet gost tirraġuna ma' dan ix-xwejjaħ Tumas u malli waqfet ix-xita, kien kważi ddispjaċiha li kienet ser titlaq. "Nerġa niġi!" qaltlu, hekk kif xejrilha u telqet bil-mixi. Bdiet tmur tarah kuljum. Ħaditha drawwa li wara li tkun lestiet mix-xogħol, kienet tmur toqgħod titkellem miegħu. "Jien noqgħod ma' ommi….." kienet qaltlu. "Minn liema naħat hija ommok?" kien staqsieha. "Forsi naf il-familja tagħkom." "Ommi qatt ma tgħid xejn fuq il- passat tagħha." Għal Demetria, Tumas kien sar qisu parti mill-familja. Kienet tieħu gost tiftaħ qalbha miegħu u tgħidlu fuq dak kollu li kien jgħaddi mingħaliha. "Tumas, issa se jkolli nibda narak nhar ta' Ħadd biss," kienet qaltlu darba fost l-oħrajn. "Għaliex se jibda jdaħħalni xogħol kuljum." "Mhux xorta, jien kont drajt waħdi," kien qalilha, waqt li ħass li n-nuqqas tagħha kien se jfisser ħafna għalih. Bdiet tmur tarah nhar ta' Ħadd biss. Xorta kienu jaqsmu l-emozzjonijiet tagħhom flimkien. Sakemm iltaqgħet ma' Winston. "Ma rridekx tmur aktar f 'dak ir-razzett!" qalilha, kważi offiż. "Imma…" kienet ser tinfaqa' tibki. "Jekk trid tkun l-għarusa tiegħi…mela dak xogħol? Tmur kull nhar ta' Ħadd u tħallini waħdi? Ġieli tgħaddi ġurnata sħiħa hemm!" "Nibda mmur u noqgħod ftit ħin biss!" qaltlu bid-dmugħ f 'għajnejha. "Ma rridx…" Dak il-Ħadd ma kinitx bid-daħka fuq fommha bħas-soltu. Kienet taf li la Winston u lanqas il-familja tagħha ma kienu japprovaw li toqgħod tqatta' ġranet sħaħ fil- kumpanija ta' dak ix-xwejjaħ żmagat li kienet dejjem issemmi. Kien qed jistennieha bħas- soltu. Lesthielha tazza ħalib u qagħad jistennieha fil-bieb. Malli raha riesqa lejn ir- razzett tiegħu, tbissem u feraħ. "Demetria!" qalilha hekk kif daħlet ġewwa. "Nixtieq ngħidlek xi ħaġa," qaltlu. "Anke jien. Anke jien għandi xi ngħidlek." "Ibda inti," qaltlu. Kienet taf li l-aħbar tagħha ma tantx kienet sabiħa u ma kellhiex aptit tgħidhielu. "Jien nixtieq nirringrazzjak," qalilha. "Għaliex minħabba fik, jien qed nerġa' nħoss li qiegħed b'xi mod insib il-paċi miegħi nnifsi." "Tumas," qaltlu. Ma xtaqitx togħmodha. Kienet ser tgħidlu ċar u tond. "Dak li bdejt noħroġ miegħu ma jridnix niġi aktar hawn!" Mingħajr ma ħarset lejh. Kienet taf li kienet se tweġġgħu. Ma weġibhiex. Ma tkellimx. Kien dak il-ħin li qamet bilwieqfa, qabdet il-ġiżirana li kellha madwar għonqha, neżgħetha u tathielu. Ratu jirtogħod, hekk kif kien qed iħares lejn il-ġiżirana. "Din minn fejn ġibtha?" staqsieha. "Dik kienet tathieli ommi, qabel ma mietet is-sena l-oħra." "Ommok? Ommok?" staqsieha. "Iva ommi." "Kif jista' jkun?" staqsieha. "X'kien jisimha ommok?" Dawk l-għajnejn żoroq. Dak ix-xagħar ħamrani. "Ommi Henna kien jisimha." Tumas ma lissinx kelma oħra. Għannaqha u telqet. Kien qed jgħannaqha tal- aħħar. Iva, kienet ser tkun l-aħħar darba li raha. U li ratu. Dakinhar sab il-kuraġġ. Qabad il-ġiżirana ta' oħtu f 'idu u mexa bil-mod sal-kurċifiss. Fuq il-kurċifiss kien hemm miktub: Tumas DeLedger, żagħżugħ li miet biex isalva lil oħtu fid-diżgrazzja ta' nhar il-27 ta' Ottubru, 1974. "Henna ma mititx minħabba fija…" qal bejnu u bejn ruħu. Ħassu ferħan. Ħassu jistrieħ. Minn dakinhar 'l hawn, ħadd aktar ma ra lil Tumas DeLedger. Tumas kien sab il-paċi. illum | Il-Ħadd 20 ta' Novembru 2016 22 Rakkont Id-diżgrazzja ta' Henna Sharon Calleja