Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/753402
Aħbarijiet 5 Il-Ħadd 20 ta' Novembru 2016 | illum Ix-xogħol fil-pjazza ta' Raħal Ġdid se jibda…fl-aħħar Wara xhur fejn ix-xogħol fuq il-pjazza deher wieqaf, dan għandu jissokta fil-ġimgħat li ġejjin minn Ruben Anthony Xuereb IX-XOGĦOL fuq il-proġett tal-pjazza ta' Raħal Ġdid, li mistennija ssir żona pedonali, mistenni jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif se jkun qed jintgħażel il-kuntrattur li jieħu t-tender għax-xogħlijiet. Fil-fatt, wara kullana ta' kritika, saħansitra mill-kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament, il-proġett mistenni li jaqbad ritmu mgħaġġel minn Diċembru li ġej u jkun konkluż mhux aktar tard minn sena u tliet xhur oħra. Dan żvelah mal-ILLUM Silvio Parnis, iċ-chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan- nofsinhar ta' Malta, li fakkar kif b'kollox, applikaw tmien kuntratturi u fil-ġimgħat li ġejjin issir l-aġġudikazzjoni għall-aħjar offerta. Parnis saħaq li fil-kuntratt se jkun hemm klawsola li x-xogħol ma jistax idum aktar minn sena u tliet xhur biex jitlesta minn mindu jkun beda. "Il-proċess ħa l-ħin tiegħu," qal Parnis, "hekk kif wara li ħarġu l-pjanti, l-ewwel kellhom jinkisbu l-fondi, li ġew assigurati mill-Gvern, imbagħad isir il-proċess kollu neċessarju ta' permessi mal- Awtorità, u fl-aħħar joħroġ il-proċess tat-tendering li se jingħalaq fil-ġimgħat li ġejjin." Ħafna nies qalu li s-siġar inqalgħu kmieni wisq Ilment fuq fomm ħafna nies kien dwar is-siġar li nqalgħu f 'April li għadda, u l-ħadid li tela' mad-dawra tal-pjazza qabel waqaf ix-xogħol. Intant l-ILLUM għamlet ukoll kuntatt mas-sindku ta' Raħal Ġdid, Dominic Grima, li spjega kif minkejja l-proġett kien pjanat li jibda fl-aħħar tas-sena, is-siġar kellhom jinqalgħu qabel is-sajf. Is- sindku qal li dan sar fuq parir ta' ambjentalisti li kienu involuti fid-diskussjonijiet dwar il-proġett. "Għall ġid tas-siġar stess," qal Grima, "dawn kellhom jinqalgħu minn posthom u jerġgħu jitħawlu post ieħor qabel ix-xhur tas- sajf." Infatti din il-gazzetta ġiet infurmata li s-siġar ġew imħawla b'suċċess f 'Raħal Ġdid stess, madwar il-parkeġġ taċ-ċimiterju. Is-sindku qal li huwa jemmen li kienet ħaġa sabiħa li dawk is-siġar, li uħud minnhom għandom 'il fuq minn 90 sena, baqgħu Raħal Ġdid. It-tieni grupp ta' siġar, li se jibdew jinqalgħu fil-jiem li ġejjin, issa li spiċċa l-istaġun sħun, se jkunu mħawla fi ġnien il-Mediterran. Meta mistoqsi dwar l-istruttura tal-ħadid li ilha xhur mad-dawra tal-pjazza, is-sindku rrisponda li wara li nqalgħu is-siġar, beda jsir parkeġġ abbużiv fuq il-pjazza, li seta' anke jikkawża inċidenti. Għaldaqstant, huwa saħaq li "preferejt naqla' kritika minħabba 'fence' milli fuq inċidenti tat-traffiku jew nies imweġġa'." Il-gabbana se tinbidel biex tikkumplimenta d-dehra tal- proġett Meta mistoqsi dwar x'se jsir mill-gabbana li hemm fil- pjazza, iċ-chaiman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta' Malta, Silvio Parnis, stqarr li "ma rridu nieħdu l-ħobża ta' ħadd," u għaldaqstant il-gabbana se tibqa' topera fil-pjazza l-ġdida, skont il- permessi regolari li għandu sidha, wara li ovvjament din tinbidlilha d-dehra tagħha sabiex tikkumplimenta l-bqija tal-proġett." Minkejja li dan il-proġett intlaqa' b'mod ferm pożittiv mir-residenti ta' Raħal Ġdid, għad hemm diversi mistoqsijiet dwar l-immaniġġjar tat-traffiku f 'din iż-żona, hekk kif madwar il-pjazza, bħalissa jgħaddu madwar 18,000 karozza. Fil- fatt, il-pjazza ta' Raħal Ġdid tista' titqies bħala ċ-ċentru minn fejn jgħaddi t-traffiku min-nofsinhar, miż-żona ta' Fgura, Ħaż-Żabbar, Marsaskala u l-Kottonera direzzjoni lejn il-Belt. Il-maġġoranza tar-rotot tat-trasport pubbliku minn dawn iż-żoni, kollha jgħaddu wkoll minn din il-pjazza. Dominic Grima, is-sindku ta' Raħal Ġdid Sewwieq ta' mutur isofri ġrieħi gravi f 'inċident SEWWIEQ ta' mutur ta' 30 sena ta' nazzjonalità Portugiża li iżda huwa residenti l-Imġarr, kmieni lbieraħ filgħodu kien involut f 'inċident tat- traffiku waqt li kien qed isuq il-mutur tiegħu, u b'konsegwenza ta' dan, sofra ġrieħi gravi. Il-każ seħħ kmieni lbieraħ, għall-ħabta tal-5:00 meta l-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Triq it- Torri, Tas-Sliema. Il-Pulizija mid-Distrett marru minnufih fuq il- post fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel ta' 30 sena mill- Portugall u residenti l-Imġarr, tilef il-kontroll tal-mutur li kien qieħed isuq u waqa'. Il-vittma ttieħed immedjatament l-Isptar Mater Dei għall-kura medika. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta' natura gravi. L-investigazzjonijiet tal- Pulizija għadhom għaddejjin. Silvio Parnis, iċ-chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-nofsinhar ta' Malta