Illum previous editions

ILLUM 18 December 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/764307

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 39

"DAK żgur għax ma kellux aptit jiġi!" qalilha student ieħor, dik l-għodwa malli l-istudenti kollha sabu posthom fuq l-iskrivaniji relattivi tagħhom. Instema' d-daħk ġej mit- tfal kollha li kien hemm quddiemha. "Issa oqogħdu kwieti ħalli nibdew il-lezzjoni," qaltilhom tipprova tidher serja u komposta. Miss Diane Curmi, li kienet tgħallem it-tielet klassi tal- iskola primarja tar-raħal, kienet qiegħda tinkwieta mhux ftit b'dawn l-assenzi kollha ta' Christian. Dawn l-aħħar ġimgħat, iċ-ċkejken Christian kien qed jgħidilha kuljum li kien qed jaqbdu l-uġigħ f 'żaqqu. Minħabba li ta' spiss kien ikun maqtugħ għalih waħdu, mingħajr ħbieb, traskurat u xi ftit żgarbat, hi bilkemm kienet emmnitu. Ħasbet li kien qed iġib l-iskużi ħalli jitlaq mill-lezzjonijiet u jmur id-dar. Iżda issa li kien ilu diġà xi ġimgħa sħiħa ma jiġix skola, l-għalliema kienet qiegħda titħasseb. Dakinhar stess wara l-iskola, għalkemm kienet taf li mhux suppost tmur tagħmel visti fid-djar tal-istudenti mingħajr permess, ħassitha obbligata li tmur tittawwal fid-dar ta' Christian ħalli tara x'kien ġara eżatt. Ħabbtet fuq il-bieb u daqqet il-qanpiena kemm-il darba. Stenniet. Reġgħet ħadet ċans tħabbat tal-aħħar. Iżda l-bieb baqa' magħluq. Eżatt malli kienet riesqa lejn il-karozza tagħha, semgħet vuċi tgħajtilha. Diane ħarset lura u lemħet xwejħa qiegħda tħares lejha minn wara l-kantuniera. "Min int?" staqsietha x-xwejħa li kienet liebsa fardal maħmuġ b'xi dqiq fuqu. "Jien l-għalliema ta' Christian," qaltilha Diane. "Ġejt tfittex lit-tifel?" staqsietha x-xwejħa. "Iva," weġbtiha. Ix-xwejħa għamlitilha mossa biex tersaq eqreb lejha. Bdiet miexja lura minn fejn ġiet u sparixxiet bejn xi bini. Diane, peress li ħasset li din ix-xwejħa setgħet tkun ta' għajnuna, marret tħaffef warajha u nħasdet hekk kif sabitha quddiem wiċċha hekk malli daret il-kantuniera. "Dak tfajjel twajjeb," qaltilha x-xwejħa minn taħt l-ilsien, b'għajnejha mberrqin u turiha s-swaba' ta' idejha mgħaddmin. "Miskin." "Għalfejn?" staqsietha Diane, tberraq għajnejha iżjed minn tagħha. "Maħqur. Maħqur wisq. Ħadd ma jagħti kasu. Missieru jixrob, dejjem fis-sakra. U hu dejjem waħdu. Mitluq, mitluq." Ix- xwejħa donnha kienet qiegħda tgħidilha sigriet kbir għaliex bdiet tħares 'l hawn u 'l hemm biex taċċerta ruħha li ħadd ma kien qiegħed jismagħha. "Vera? Jien indunajt li ma tantx jagħtu kasu…għax xagħru dejjem imħabbel, mhux maqtugħ, ħwejġu kif ġie ġie…" bdiet tgħidilha Diane, iżda x-xwejħa waqqfitha. "Bħalissa jinsab rikoverat l-isptar. Kien qiegħed hawn barra quddiem id-dar jokrob bl-uġigħ, u missieru mank ħadu l-isptar. Ċempilt ambulanza jiena stess u ġew ħaduh. Diġà ilu ġimgħa hemm." Diane ħasset ix-xfar t'għajnejha jaħarquha bid- dmugħ. U hi ħasbitu qed jigdeb! U ħalliet lit-tfal l-oħra jaqbdu miegħu u jiddieħku bih! Ma kienet tagħmel xejn biex twaqqafhom! Povru tifel! U dan kollu meta ma kellu lil ħadd fuq min idur! Bla ma rringrazzjatha, telqet tħaffef lejn il-karozza u bdiet issuq lejn l-isptar minnufih. Ma tantx damet ma sabet il-kamra fejn kien hemm Christian fis-sodda, iħares fil- vojt lejn it-tieqa li kien hemm fil-kamra, mimli pajpijiet ħerġin minn idejh iċ-ċkejknin li kellu. Diane daħlet fil-kamra u għal mument, ħassitha kważi tistħi għaliex minħabba l-mod ta' kif kien maħdum il-bieb, ma kinitx indunat li fil-kamra kien hemm raġel bilqiegħda jħares lejn Christian. Dan ir-raġel deher pulit, liebes l-abjad u kellu xagħru sabiħ qastni. "Int…?" bdiet tistaqsih. "Jiena missieru," qalilha. Dak il-ħin kellha aptit tagħmillu priedka fuq ix-xorb iżda ffukat aktar lejn Christian li tgħidx kemm beda jifraħ malli raha. "Miss Curmi!" beda jgħajjat bil-ferħ. "Ġejt tarani?" "Iva Christian," qaltlu kważi tlaqlaq. "Immissjajtek Miss Curmi!" qalilha. "Kif inti?" "Issa ħafna aħjar. Illum żaqqi xejn ma weġgħatni." Għajnejh kienu qegħdin iħarsu lejha, ileqqu. "Mela daqt tiġi lura…" "Daqt jiġi lura magħna," waqqfilha kliemha missieru. Diane reġgħet ħarset lejh. Kellu arja ta' wieħed raġel twajjeb u dak il-ħin, Diane ħassitha kważi ċerta li x-xwejħa li kienet toqgħod qrib tagħhom kienet eżaġerat sew fuqu. "Miss Curmi, ferħan ħafna li ġejt tarani!" qalilha Christian. "Inħossni ftit waħdi. Meta kelli erba' snin, il-mamà ħallietna…" Diane poġġiet bilqiegħda ħdejh, u għajr presepju żgħir li kien hemm fil-ġenb tal-kamra, din il-kamra kienet vojta. Vojta u nadifa tazza. "Għidli dwar il-mamà," qaltlu. Christian qabdilha idha u ta' tifel ċkejken li kien, beda jiftaħ qalbu magħha. "Xagħarha kien sabiħ. U kellha riħa…kellha riħa tfuħ ħafna." Damet hemm ħdejh sa xħin ġew xi rġiel li jaħdmu fis-sigurtà tal-isptar, jgħidulha li kellha toħroġ. L-għada reġgħet marret. Magħha, ħaditlu ktieb u qagħdu jaqrawh flimkien. Missieru reġa' kien qiegħed hemm u tgħidx kemm ħadet gost titkellem miegħu. Għamlet il-ħsieb li terġa' tmur. F'kemm ilna ngħidu, Miss Diane Curmi bdiet iżżur liċ- ċkejken Christian kuljum. Kien ikollha seba' mitt sena sa ma jasal il-ħin li tmur tarah għaliex bdiet tħoss li dan it-tifel kellu karattru uniku u kienet saret tħobbu mhux ftit! Kien wasal lejliet il-Milied. Miss Diane daħlet fil-kamra ta' Christian u ratu qiegħed hemm fl-istess pożizzjoni tas-soltu. "Qalulkom jekk jinsabx aħjar?" staqsiet lil missieru, li kien ikun ta' kuljum bilqiegħda fl-istess siġġu. "Iva, illum stess qalulna…" weġibha. "Illum għandi rigal għalik, Miss Diane," qabeż jgħidilha t-tifel. "U bħalek minn fejn ġibtu?" staqsietu. "Mhux affarik…" qalilha. Daħku flimkien. It-tifel taha rigal żgħir, imgeżwer f 'karta strazza li kienu jgeżwru l-pirmli tal-isptar fihom. Diane ħadet ir-rigal u fetħitu. Ġo fih, sabet bott tal-fwieha xi ftit imsaddad. Donnha nħasdet għax ma stennietx li kien ser jagħtiha xi ħaġa hekk. Apparti li kien jidher qadim… "Miss Diane, jekk jogħġbok, agħmel ftit minnu," qalilha t-tifel, b'għajnejh kbar, kbar iħares lejha bil-ħniena. Diane daret tħares lejn missieru li għamlilha iva b'rasu. Eżatt malli għamlet ftit fwieħa mill-bott, il-kamra mtliet riħa tfuħ, li Diane żgur qatt ma kienet xammet bħalha! L-anqas l-aqwa ditta ta' fwieħa li kienet iżżomm hi mal-kollezzjoni tagħha ma kienet tibda ma' din ir-riħa tfuħ! "Din ir-riħa tal-mamà!" qalilha Christian jagħlaq għajnejh u jidher emozzjonat. Diane resqet lejh u bdiet tgħannqu, bid-dmugħ nieżel minn ma' wiċċha. L-emozzjonijiet li ħasset dak il- ħin ma kienet ser tinsihom qatt. Dik kellha tkun l-aħħar ġurnata li kellha tara liċ-ċkejken Christian. L-għada, x'ħin marret tarah bħas-soltu, sabet kamra vojta. Bdiet iddawwar rasha 'l hawn u 'l hemm iżda ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li Christian kien għadu hemm. Is-sodda tal-isptar kienet magħmula u għajr għall-presepju, il-kamra kienet vojta. "Bagħtuh id-dar!" bdiet tgħid waħedha. Bl-aġitazzjoni li qabditha, telqet tiġri lejn il-karozza u marret lejn id-dar taċ-ċkejken Christian minnufih. Daqqet il-qanpiena. Semgħet il-passi resqin lejn il-bieb minn ġewwa. Fetħilha raġel li qatt ma kienet ratu qabel. "Christian? Christian hawn?" staqsietu hi. Ir-riħa qawwija ta' alkoħol li ħarġet minn fomm dan ir-raġel, ġagħlitha kważi tirremetti. Kien jidher qed iħares lejha b'mod astratt, bil-kemm jaraha sew. "Christian ħalliena." Leħnu kien kważi indifferenti għall- aħħar. "X'inti tgħid?" staqsietu Diane. "Int min int?" "Jien missieru." Diane ħasbitu qed jiċċajta. "U ejja…missieru mhux inti!" bdiet kważi tgħajjat miegħu. Din x'ċajta hi? Kif jista' jkun? "Maħqur. Maħqur wisq. Ħadd ma jagħti kasu. Missieru jixrob, dejjem fis- sakra. U hu dejjem waħdu. Mitluq, mitluq." Dak il-ħin, donnha semgħet leħen ix- xwejħa jidwi f 'widnejha. Diane resqet pass lura u kienet kważi għelbet. "Missieru iva jien… diżgrazzjatament. Christian ma kien jiswa għal xejn! Għal xejn ma kien jiswa! Anqas daqqa t'id qatt ma tani!" qalilha dan ir- raġel jitbandal bis-sakra li kellu fuqu, quddiemha. Din żgur ċajta! Jekk dan kien missier Christian, min kien dak ir-raġel li kien ikun ħdejh kuljum? Diane qabditha r-rogħda u erħitilha lura lejn l-isptar. Tgħid kien xi wieħed li kien jaħdem hemm? U tgħid Christian… Christian vera kien miet? Ħasset fawra tielgħa għal rasha hekk kif bdiet tiġri fil-kuriduri tal-isptar, tifli lil kulħadd u ddur kamra, kamra. Iżda la rat lil Christian u wisq anqas lil dak ir-raġel li kien ikun ħdejh. X'ħin qatgħet qalbha, resqet lejn il-kamra fejn kien ikun Christian u għamlet wiċċha mal-ħġieġa tal-bieb, waqt li bdiet tibki u tolfoq. "Christian…" qalet bejnha u bejn ruħha. Dak il-ħin waqfet tibki hekk kif ħarsitha kienet qiegħda fuq il-presepju tal-kamra. "X'in…" bdiet tgedwed hekk kif rat figura familjari ta' pastur fil-presepju. B'idha tirtogħod daħlet fil-kamra u ressqet wiċċha lejn il-pastur li kien jissimbolizza lil San Ġużepp. Kien l-istess wieħed li kienet rat kuljum hawn ġew! Ħarset lejn pastur żgħir, żgħir li kien qiegħed b'nagħġa ħdejh. "Christian…" "Daqt jiġi lura magħna," setgħet kważi tisma' leħen ir- raġel li kien ikun hemm kuljum fil-kamra ħdejn Christian. Diane żammet mal-ħadid tas-sodda għax kien se jħossha ħażin. illum | Il-Ħadd 18 ta' Diċembru 2016 24 Rakkont Sharon Calleja Il-presepju tal-isptar

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 18 December 2016