Illum previous editions

illum 20 April 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/298227

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 35

STEVE iħossu ferm imweġġa' meta jisma' li dawk li qatt m'għaddew minn dawn l-esperjenzi ibsin fil-ħajja jaħsbu li tkun 'gay' jew 'bisesswali' tfisser ħajja mimlija sess frivolu ma' persuni tal- istess sess. L-omosesswalità għal Steve tfisser relazzjoni ta' mħabba pura u lealtà assoluta lejn min tħobb. Steve ma jemminx fit-taħwid iżda f 'imħabba sinċiera sew meta kien f 'relazzjoni ma' mara li kważi kissritu meta kellha temigra lejn l-Ingilterra kif ukoll ma' Manuel li ilu f 'relazzjoni miegħu għal dawn l-aħħar 16-il sena. Steve u Manuel f 'Settembru li ġej se jingħaqdu flimkien f 'unjoni ċivili u b'hekk il-battalja kontra l-kurrent ta' 49 sena sħaħ se tiġi mirbuħa għal kollox dakinhar. Meta Steve ħass l-imħabba lejn l-ewwel raġel ikkontempla anke li jneħħi ħajtu biex ma jweġġax lil familja, illum 25 sena wara jħossu bħala bniedem mill- aktar kuntent. Iżda jkolli nammetti li Steve laqqagħni ma' realtà differenti ħafna minn kif kont inpinġiha jien. Il-mod kif jitkellem dwar l-imħabba u dwar l-orjentazzjoni sesswali ġegħelni nifhem xi ftit xi tfisser tgħix ħajja ta' mħabba mhix integrata fis-soċjetà. Ġegħelni nifhem ukoll li l-imħabba m'għandha l-ebda fruntieri. Steve Aquilina ġej minn familja pura Slimiża. Mingħajr ebda tlaqliq Steve qalli, "Jiena ġej minn familja staunch Nazzjonalista. Iżda fl-aħħar elezzjoni, għall-ewwel darba vvutajt Labour minħabba li fil-programm elettorali l-moviment Laburista għamel wegħda li jekk ikun fil-gvern se jgħaddi din il-liġi. Kien pjan ċar li wassalni li nagħmel dak li qatt ma kont noħlom li nagħmel li nivvota Labour. Illum ma jiddispjaċinix għax dak li wegħduna wasal." Steve qalli wkoll li jħossu ferm diżappuntat bil-pożizzjoni li ħadet l-Oppożizzjoni dwar din il-liġi, "l-agħar għażla li setgħu jagħmlu. Ħadu the easy way out. Nemmen li ta' dan iridu jbatu riperkussjonijiet kbar." Tlabt lil Steve jgħidli eżatt kif u meta nduna li hu għandu orjentazzjoni sesswali differenti. "Sa meta kelli 24 sena, kelli ħajja attiva ma' nisa u kont xi ftit imqareb f 'żogħżiti. Però kull meta kont nara raġel sabiħ dejjem kont inħares lejh b'mod differenti, però qatt ma kelli esperjenzi ma' raġel ieħor sa dak iż-żmien. Għax jien persuna ta' prinċipji kbar u kont naf li l-ebda ġibda sesswali mhux se tegħleb il-prinċipji tiegħi. Dejjem emmint f 'relazzjonijiet ta' lealtà ma' persuna waħda. Jiġifieri ma mmurx ma' ħaddieħor dment li qiegħed f 'relazzjoni ma' xi ħadd. "Sadattant kelli relazzjoni ta' mħabba ma' tfajla li kont miġnun fuqha. Iżda ġara li f 'dak iż-żmien kien hawn il-kwistjoni tal-għeluq tal-iskejjel tal- Knisja. Din li kellha missierha Ingliż u emigrat l-Ingilterra mal-ġenituri tagħha. Ippruvajt insegwiha iżda ma stajtx ngħix hemmhekk. Niftakar li domt nibki n-nuqqas tagħha għal 9 xhur sħaħ u kont anke norqod bir-ritratt tagħha miegħi. Sal- lum għadni nħoss nostalġija meta naħseb f 'dak iż-żmien u għadna anke nitkellmu avolja llum iżżewġet ħabib tiegħi. Għamilt sena sħiħa ma rrid noħroġ ma' ħadd u meta ppruvajt noħroġ ma' tfajliet ma stajtx inħobb. Sa ma ltqajt ma' persuna tal-istess sess tiegħi u sirna ħbieb. Kont vulnerabbli u bdejt nara affezzjoni minnu. U għall-ewwel darba f 'ħajti waqajt fl-imħabba ma' persuna tal-istess sess. Kienet esperjenza mill-isbaħ u ma jiddispjaċinix." Iżda din l-imħabba ta' Steve lejn persuna tal-istess sess anke jekk ferrħitu u ħassu maħbub, ħolqitlu l-problemi. "Għall-bidu ma stajtx naċċetta lili nnifsi li nħobb raġel ieħor. Bdejt naħseb kif se ngħid lil familja tiegħi. Kont naf li se nweġġagħhom ħafna speċjalment lil ommi li kienet tgħix f 'soċjetà 'Slimiża' u bdejt nikkontempla li nneħħi ruħi b'idejja. Iżda għamilt kuraġġ u kellimt lil ħija l-kbir Alex u dan iddeċieda li jlaqqa' lil familja u jgħidilhom. Naf li weġġajthom u qaluli li ma setgħux jifhmuni però ppruvaw jifhmuni u dan kien biżżejjed biex għenuni nsib saqajja. Ma kinux aċċettaw lil boyfriend li jidħol f 'darhom għax dejjem baqgħu jisperaw li din il-fażi tgħaddi minn fuqi." "Wara żewġ relazzjonijiet ma' żewġ ġuvintur erġajt ħriġt ma' tfajla iżda bdejt insibha wisq diffiċli li jkolli relazzjoni oħra." Iżda lezzjonijiet tal-aerobics laqqgħuh ma' dak li kellu jkun l-imħabba ta' ħajtu, Manuel. "Meta ltqajt miegħu kont mill-ewwel ġejt attirat mill- aċċent tiegħu. Biex tgħaxxaqha fil-ħmistax ta' wara ġejt wiċċ imb wiċċ miegħu xi seba' okkażjonijiet fejn qabel qas qatt kont rajt wiċċu. Aktar ma tkellimt ma' Manuel aktar bdejt nara fih persuna sinċier, pulit u mtella' tajjeb ħafna, il-kwalitajiet kollha li nħobb f 'persuna. L-ewwel tliet xhur ta' bejnietna kienet ħbiberija kbira u sinċiera. Imbagħad bdejna relazzjoni flimkien fejn wara 8 xhur li konna ilna nafu lil xulxin bdejna ngħixu flimkien. Xtrajna dar flimkien u fid-19 ta' Novembru ngħalqu 16-il sena flimkien." U hawn Steve reġa' beda jfehemni li tkun 'gay' u li tkun 'bi' mhix għażla. "Iżda jien dak li jien. L-esperjenza tal-ħajja għenitni noħroġ dak li jien u mhux għażilt l-orjentazzjoni tiegħi għax kelli esperjenzi negattivi. Nixtieq li meta l-poplu jisma' bil-kelma 'gays' ma jħarisx lejn ir-relazzjonijiet tagħna bħala relazzjonijiet mibnija fuq is-sess, iżda huma relazzjonijiet mibnija fuq imħabba pura. Idejjaqni l-fatt biss li hawn ċertu 'gays' li jaġixxu b'mod li jagħmlulna l-ħsara." Bdejna niddiskutu dwar kif ir-reliġjon tħares lejn l-omosesswali. "Ir-River of Love għandhom it-twemmin tagħhom u nirrispetta dak li jemmnu. Jien ma niġġudikahomx iżda qas huma m'għandhom dritt jiġġudikawni." Hawnhekk fil- fatt Steve qalli li tkun 'gay' mhix xi marda u lanqas tista' tfieq minnha, però tista' tiddeċiedi li ma jkollokx relazzjonijiet. "Anke lil Knisja Kattolika nitlobha biex timxi maż-żmien. Bniedem jitwieled dak li hu. Int ma tafnix u lanqas taf kif ngħix mela kif titfagħni fl-istess keffa ta' dawk li inti taf?" Ma setax ikun li d-diskors ma jaqax fuq l-aktar kwistjoni diskussa, l-adozzjoni mill- koppji omosesswali. "Jien nixtieq nadotta iżda ma nħossx li ta' 50 sena għandi nagħmel dan għax xjaħt biex inrabbi t-tfal. Naqbel ħafna u nispera li jkun hawn skrutinju sew ta' dawk li jridu jadottaw. Għandu jiġi studjat kemm il-koppji ilhom flimkien u jekk dawn għandhomx xi relazzjonijiet open u jiġru ma' min jiġi, biex b'hekk naċċertaw li t-tfal jitrabbew f 'ambejnt ta' mħabba. Bħalma fil-fatt għandu jsir anke f 'koppji eterosesswali li jridu jadottaw. Sadattant fl-istudio daħal il-maħbub ta' Steve, Manuel li ħadli b'idi u offrieli cappuccino ristretto li jien aċċettajt bil- qalb kollha. U komplejt ma' Steve fejn b'nofs daħka staqsejtu għaliex dal-ġenn biex l-omosesswali jiżżewġu meta hawn daqshekk problemi ta' żwiġijiet fid-dinja u qed jitħassru tant żwiġijiet minn koppji eterosesswali. "Iż- żwieġ hu mod psikoloġiku fejn jagħmilna ħaġa waħda." Hawnhekk qabeż Manuel u qal, 'tagħmel differenza għax mill-bidu taż-żminijiet kien hawn iż-żwieġ. Mela tagħmel differenza." U jkolli nammetti li għandu raġun. Fil-fatt Steve u Manuel se jiżżewġu fil-5 ta' Settembru u mistednin għat-tieġ se jkollhom 50 persuna, "dawk li kienu parti minn ħajjitna f 'dawn l-aħħar 10 snin," qal Manuel li fil-fatt se jibdel anke kunjomu u minn Settembru se jkun Manuel Aquilina Xuereb. Angie Laus se takkumpanja lil Steve u l-kantanta Ritianne Azzopardi se takkumpanja lil Manuel fl-għaqda ta' bejniethom. Wara se jmorru f 'villa/ lukanda esklussiva Taormina, Villa Cuseni għal erbat ijiem jiċċelebraw din l-unjoni ta' bejniethom. Steve qalli, "Aħna mhux soltu niddiskutu ħajjitna ma' ħadd iżda nħoss li b'din l-intervista nista' nagħmel kuraġġ lil min qiegħed fis-sitwazzjoni tagħna. Irrid inwassal messaġġ li m'għandi l-ebda dispjaċir għal ħajja li għext u qed ngħix, fejn żbaljajt tgħallimt u qed ngħix a good life. Nawguralkom Steve u Manuel għal ħajja feliċi u mimlija mħabba. Il-Ħadd 20 ta' April 2014 | illum 11 Gladjaturi tal-Ħajja "Jiena 'Steve', u mhux 'gay' jew 'bisesswali'" Dan hu l-messaġġ qawwi li jixtieq iwassal Steve Aquilina li għex ħajja mqanqla minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, ma jridx li jkun ttimbrat fil-ħajja, ma jridx li l-ħbieb jaċċetawh għax hu 'gay' jew 'bisesswali', irid jiġi maħbub bħala Steve u xejn iżjed. U kien għalhekk li Steve li hu persuna mill- aktar riservata xtaq iwassal il-messaġġ tiegħu lil dawk li għaddejjin jew għaddew mill-istess sitwazzjoni tiegħu. Manuel u Steve se jingħaqdu f 'unjoni ċivili f 'Settembru li ġej, Angie Laus se tkun qed takkumpanja lil Steve "Kull koppja għandha tiġi evalwata sew qabel tingħata l-permess biex tadotta t-tfal, anke l-eterosesswali" Minn John Busuttil

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 20 April 2014