Illum previous editions

illum 20 April 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/298227

Contents of this Issue

Navigation

Page 33 of 35

34 illum | Il-Ħadd 20 ta' April 2014 Kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol? Minn mindu kont żgħir it-tieni dar tiegħi kienet il-klabb tal-futbol allura hija xi ħaġa naturali li tispiċċa tħobb il-futbol. Aħna familja li ma nħobbux il-futbol biss iżda nħobbu lir-raħal tax-Xewkija b'dak kollu li jinkorpora fih. Jien għandi ħija tan-nofs li huwa l-President tal-kamra tan-nar tax- Xewkija, ommi dejjem kienet fil- kumitat tal-banda u għalhekk dejjem tajna sehemna fil-festa tar-raħal – jiġifieri aħna nies li dejjem ħabbejna u ħdimna għar-raħal tax-Xewkija. Kif rajt lill-klabb ta' Xewkija Tigers jevolvi matul is-snin? Il-klabb din is-sena qed niċċelebraw il-75 sena anniversarju. Jien bħalma għidtlek twelidt kważi fil-klabb tal-futbol jiġifieri jien naf u niftakar episodji minn mindu kont żgħir. L-ewwel kampjonat li ntrebaħ minn Xewkija Tigers wasal fl-1974 liema kampjonat jien ma niftakrux għax kelli biss sena. Imma mbagħad niftakar l-ewwel kampjonati li rbaħna fil-bidu tas-snin 80. F'dawk is-snin niftakar li meta konna ħadna l-kampjonat kien hawn festa kbira fir-raħal għax ġie wara nuqqas ta' kważi 10 snin u meta tkun ilek nieqes mill-unuri iktar tkun qed tistennihom u iktar tieħu pjaċir bihom. Imbagħad minn dakinhar 'l hawn niftakar illi jien bdejt nilgħab il-futbol. F'dak iż-żmien ma kienx hawn nurseries u għalhekk kont nilgħab futbol il-MUSEUM. Mill-MUSEUM spiċċajt nilgħab mal-U16s ta' Xewkija Tigers għax dan kien l-ewwel tim tax- Xewkija u niftakar li qatt ma rnexxielna nirbħu l-kampjonat għax għal darbtejn ġejna fit-tieni post. Wara ddebuttajt mat-tim tal-kbar ta' Xewkija Tigers fejn jidhirli li dak iż-żmien kelli xi 17-il sena u fl-ewwel staġun tiegħi ġejna decider għall-kampjonat ma' Victoria Hotspurs li sfortunatament konna tlifniha. F'liema rwol kont tilgħab bħala plejer? Ma' Xewkija Tigers nista' ngħid li lgħabt f 'kull pożizzjoni fosthom goalkeeper għal-logħba waħda biss. Però l-aħjar pożizzjoni tiegħi kienet dik ta' attakkant. Ma kontx xi plejer kbir imma kont nistinka u naħseb li tajt servizz tajjeb bħala plejer. Għamilt 10 snin nilgħab il-futbol u sena minnhom minħabba li ftaħt restorant kelli nieqaf minħabba x-xogħol – f 'dik is-sena Xewkija Tigers reġgħu rebħu l-kampjonat. Niftakar li f 'dik is-sena kienu avviċinawni f 'Jannar biex nerġa' ninżel nilgħab imma kont għidtilhom li la ma kontx bdejt il-kampjonat mill- bidu tiegħu ma kontx se nilgħab. Imbagħad x'ġara fis-sena ta' wara? Fis-sena ta' wara erġajt bdejt nilgħab iżda kont sofrejt minn injury serja fejn qtajt il-cruciate ligaments u fuq parir tat-tabib – dakinhar kelli xi 28 sena – kien qalli li stajt inkompli nilgħab mingħajr ma nagħmel operazzjoni. Meta kelli 30 sena fejn dak iż-żmien kien hemm President ta' Xewkija Tigers is-Sur Carmel Camilleri u kont smajt li kienet l-aħħar sena tiegħu. Jien għalkemm kont għadni żgħir dakinhar ħassejt li kelli biżżejjed enerġija biex nikkontesta għall-kariga ta' President tal-klabb tagħna, fejn fil-fatt ġejt elett. Kont għadni żgħir – kelli biss 30 sena, u l-ikbar dispjaċir kien li kelli nieqaf mill-futbol milgħub imma ma ħassejtx li kienet xi ħaġa serja li waqt li tkun President tibqa' tilgħab il-futbol allura kelli nagħżel bejn President u plejer u għażilt l-irwol ta' Presdient. Kellek nostalġija tal-futbol milgħub f 'dak iż-żmien? Iva ħafna u għall-ewwel kont naħseb li għamilt żball li dħalt daqshekk kmieni għall-kariga ta' President ta' Xewkija Tigers fejn kelli nħalli l-futbol milgħub. Sentejn wara kelli nerġa' nilgħab xi logħbiet għax konna ninsabu fi kriżi u erġajt lgħabt imma lgħabt biss dawk iż- żewġ logħbiet u ma erġajtx lgħabt iktar. Kif bdiet l-era tiegħek bħala President ta' Xewkija Tigers? Fl-ewwel sena tiegħi bħala President kien hawn wieħed mill-aqwa kampjonati f 'Għawdex – dakinhar konna sfidajna għar-rebħ tal-kampjonat flimkien ma' Għajnsielem fejn kienu fetħu dak l-istaġun għalina plejers ta' kalibru għoli fosthom Terry Tarameta u Udo Nwoko fost oħrajn waqt li Għajnsielem kienu ġabu lil Daniel Bogdanovic u David Carabott. Kien kampjonat sabiħ ħafna dik is-sena u sfortunatament tlifnieh fl-aħħar ġurnata mal-istess Għajnsielem. Dak kien eżatt 10 snin ilu. Iżda konna fortunati f 'dik is-sena li wara t-telf tal- kampjonat irbaħna l-GFA Cup propju kontra Għajnsielem u anki s-Super Cup ukoll kontrihom. X'fisser għalik is-suċċess li ksibtu matul dan l-istaġun? Dan is-suċċess ifisser ħafna għalija. Kienet l-10 sena tiegħi bħala President flimkien ma' sħabi tal-kumitat, il-75 sena Anniversarju tal-klabb u sħabi tal-kumitat wara s-suċċess ta' sentejn ilu meta rbaħna l-unuri kollha li joffri l-futbol Għawdxi jiġifieri l-ħames tazzi, qaluli biex nerġgħu nippruvaw għall- kampjonat. U hekk għamilna. L-ewwel bdejna matul is-sajf peress li Għawdex f 'ċerti affarijiet għadna naħdmu fuq sistema ta' 'amateurs'. Dan hekk kif ir-regolamenti tal-GFA kienu jgħidu li jrid ikollok żewġ plejers barranin u l-oħrajn Għawdxin. U peress li s-sena l-oħra kellna żewġ plejers barranin tajbin ħafna li kienu l-Brażiljan Thiago Mello u Dene Shields, kellna kuntratt ta' sentejn magħhom imma sfortunatament ġejna f 'laqgħa tal-GFA fis-sajf, il-klabbs ħaduha kontrina u riedu li jagħmlu s-sistema bi plejer barrani wieħed u żewġ plejers Maltin. B'hekk iddeċidejna li nneħħu lil Thiago Mello u nżommu biss lil Dene Shields. U x'kien l-ikbar sodisfazzjon li ġab miegħu dan il-kampjonat għalik? Jien l-ikbar sodisfazzjon li għandi għal dan il-kampjonat barra li ċċelebrajna l-75 sena anniversarju, kien dak li rnexxielna nerġgħu nġibu lil Raymond Vella magħruf bħala l-'Mundu' fit- tmun tal-klabb tagħna, wara li kien diġà mexxa lil dan il-klabb 10 snin ilu propju fl-ewwel sena tiegħi bħala President ta' Xewkija Tigers. Jien naħseb li Raymond Vella għallem ħafna lill-klabb ta' Xewkija Tigers. Naħseb li parti mis-suċċeess li ksibt huwa dovut lil Raymond Vella l-'Mundu.' Niddiskutu issa lil Gilbert Agius li żgur li m'għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni u li wara li rebaħ dak kollu li għandu x'joffri l-futbol Malti issa rebaħ ukoll il-kampjonat Għawdxi, propju ma' Xewkija Tigers. Il-kummenti tiegħek. Jien u Gilbert Agius ilna ħbieb għal diversi snin. Biex niġbor kollox fi ftit kliem, nista' ngħid li anki li kieku ma rbaħtx il-kampjonat, kien ikun ta' unur kbir għalija li plejer bħal Gilbert Agius jilbes il-flokk ta' Xewkija Tigers. Meta tqis li Gilbert Agius huwa benjamin ta' Valletta u rebaħ kollox magħhom, il-fatt li lagħab ma' Xewkija Tigers kien ta' unur kbir għalina bħala klabb. Finanzjarjament kif tinsabu? Il-plejers ta' Xewkija Tigers li propju ġejjin mir-raħal tax-Xewkija ma jitħallsux. Illum għandna tmien plejers li huma mix-Xewkija u li jilagħbu mal- klabb tagħna u ma jitħallsux. Il-plejers Għawdxin li jiġu barra mix-Xewkija jitħallsu. Aħna għandna dik is-sistema li qabel ma naqtgħu d-dejn kollu li għandna mal-bank, relatata mal-każin, ma nistgħux inkunu f 'pożizzjoni li noħorġu ħafna flus. Il-fattur prinċipali li rbaħna l-kampjonat kien li kellna tmien plejers li huma prodott tal-klabb tagħna li aċċettaw li jilagħbu bla ma jitħallsu. Finalment għandek xi ħolma għall- klabb ta' Xewkija Tigers li għadha ma twettqitx? Għandi żewġ ħolmiet partikolari – dik li nikkompetu f 'Malta f 'xi kampjonat organizzat mill-MFA anki jekk nibdew mit-Tielet Diviżjoni kif ukoll li jkollna l-grawnd tagħna fejn ikun jista' jintlagħab il-logħob tal-11- a-side bħalma għandhom klabbs oħra Għawdxin. SPORTSillum Ritratti: Visionism family photography CRISTIAN ANTONY MUSCAT Jerey Farrugia – President ta' Xewkija Tigers li f 'għeluq il-75 sena anniversarju tal-istess klabb u -10 sena tiegħu bħala President irnexxielu jġib lura l-Kampjonat Għawdxi lejn ir-raħal li tant iħobb, ix-Xewkija Il-moħħ wara s-suċċess ta' Xewkija Tigers "Unur kbir għalina li plejer bħal Gilbert Agius jilbes il-flokk ta' Xewkija Tigers"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 20 April 2014