Illum previous editions

illum 20 April 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/298227

Contents of this Issue

Navigation

Page 3 of 35

4 illum | Il-Ħadd 20 ta' April 2014 Stejjer nostalġiċi tal-AirMalta – 40 sena wara WARA ċ-ċelebrazzjoni tkellimt ma' xi membri tal- ekwipaġġ tal-kabina li kienu xogħol fuq it-titjira KM100 li marret Londra fl-1 t'April 1974. Fuq din it-titjira, it- tim tal-kabina Maltija kien immexxi minn Reggie Debono bħala flight purser li mal- wasla tal-ajruplan miżbugħ bil-kuluri oriġinali deher kommoss. Ma setax jonqos li dak il-ħin għaddew ħafna memorji minn moħħ Reggie. Staqsejna lil Reggie x'jiftakar minn dik l-ewwel titjira tiegħu abbord u immedjatament qalilna li ma jista' jinsa qatt l-entużjażmu li kien hemm, kemm fost il- membri tal-ekwipaġġ li kienu se jtiru għall-ewwel darba fuq l-ajruplan Malti kif ukoll fost il-poplu Malti li kien qed jara din il-linja nazzjonali tal-ajru titwieled. Reggie qalilna li l-ajruplani mikrija mingħand il- Pakistan International Airlines ma kinux ajruplani ġodda u li kienu jintużaw fuq ir-rotot tal- PIA għal numru ta' snin. Iż-żewġ ajruplani kienu ġew miżbugħa bil-kuluri tal-AirMalta u minn hemm bdew itajru isem Malta fid- destinazzjonijiet kollha li kienu jtiru fihom. Spjegalna li t-titjira lejn Londra kellha n-numru KM100 u qalilna wkoll li l-ittri KM quddiem in-numru tat- titjira ġew magħżula bir-reqqa. KM ifissru Kavallier Malti jew bl-Ingliż, Knight of Malta u dak huwa wkoll kif inhi identifikata bih fil-qosor il-linja tal-ajru Maltija. Reggie Debono qalilna li l-ewwel titjira tal-AirMalta kienet dik li telqet minn Malta lejn Ruma filwaqt li t-titjira lejn Londra kienet it-tieni waħda u telqet xi sagħtejn wara. Reggie spjega li għalkemm it-titjira tal-AirMalta lejn Ruma kienet l-ewwel waħda, it-titjira lejn Londra kienet aktar sinifikanti għall-fatt li din kienet l-ewwel darba fl-istorja tal-avjazzjoni Maltija li ajruplan Malti tar fuq ir-rotta lejn Londra, xi ħaġa li sa dakinhar kienet kompletament f 'idejn kumpaniji tal-ajru Brittaniċi. Mistoqsi dwar il-passiġġieri fuq it-titjira, Reggie qalilna li dawn kienu kważi kollha ġurnalisti, madwar 80 b'kollox, li kienu mistiedna apposta sabiex jesperjenzaw u jirrappurtaw l-esperjenza tagħhom fuq l-ewwel titjira lejn Londra. Jiftakar lil Norman Hamilton li dak iż-żmien kien preżentatur ma' Radju Malta, illum British High Commissioner, iwassal kollegamenti lis-semmiegħa dwar x'kien qed jiġri abbord. Reggie kompla jirrakkonta li kollox kien mar ħarir għajr xi żewġ intoppi żgħar. Fost dawn kien hemm li meta l-ajruplan kien tgħabba bl-ikel u x-xorb, kienu għabbew ukoll it-tazzi tax-xampanja li dak iż-żmien kienu tal-ħġieġ. Ġara li dawn it-tazzi ma kinux ġew ippustjati sew fil-kompartament allokat u mat-tlugħ tal-ajruplan ħadu tisbita lura u nkissru kollha. Qalilna wkoll li l-istess ħaġa ġrat aktar kmieni fuq it-titjira lejn Ruma. Reggie spjega li dak iż-żmien ma kinux iservu l-ikel bil-karelli kif isir illum imma kollox kien servut fuq l-idejn. Qalilna li kull membru tal- ekwipaġġ kien joħorġ sa erba ikliet fuq l-idejn u allura kien hemm ħafna mixi tul l-ajruplan sakemm iservu lil kulħadd. Is- servizz kien jikkonsisti f 'servizz ta' xorb ftit wara t-tlugħ, servizz ta' ikel u xorb madwar siegħa mit-tluq tat-titjira u servizz ieħor ta' xorb kif ukoll il-bejgħ ta' sigaretti u xorb mingħajr dazju. Qalilna wkoll li meta waslu Londra ġew milqugħa minn diversi nies u ġurnalisti b'entużjażmu. B'kollox damu sitt sigħat fl-ajruport ta' Heathrow jistennew sakemm tlestew il- konferenzi stampa u l-ajruplan seta' jerġa' jibda t-triq lura lejn Malta. Tkellimna wkoll ma' Rose Zammit li kienet waħda mill- ekwipaġġ tal-kabina flimkien ma' Reggie fuq it-titjira lejn Londra u lura. Rose semmiet li kienet titjira li għejjew ħafna speċjalment huma u ġejjin lura. Hi kkonfermat li damu sitt sigħat Londra fuq saqajhom sakemm saru l-intervisti u li huma, bħala ekwipaġġ femminili lebsin l-uniformi ħamra, kellhom joqogħdu preżenti bilwieqfa bħala r-rappreżentanti tal-kumpanija waqt dawn l-intervisti. Spjegat li dakinhar kellhom żraben ġodda u li għalkemm kienu żraben sbieħ, it-tfajliet kien ilhom lebsin dawn iż-żraben għal aktar minn ħdax-il siegħa qabel ma qabdu t-titjira lura. Ġara li saqajhom intefħu bl-infafet u saħasitra ħarġilhom id-demm. Qalet ukoll li meta ra hekk, Reggie Debono kien qalilhom sabiex jistrieħu waqt ir-ritorn lura lejn Malta imma hi u l-kollegi tagħha kienu jafu li l-irġiel waħedhom ma kinux se jlaħħqu. Kien hawnhekk, spjegat Rose, li Reggie approva li t-tfajliet jaħdmu t-titjira lura ħafjin mingħajr żarbun. Biex inaqqas l-effett fuq il-passiġġieri, Reggie baxxa d-dawl tal-kabina u ftit kienu dawk li ndunaw x'ġara. Rose spjegat ukoll li dak iż-żmien kienet ħaġa normali li passiġġieri jpejpu fuq l-ajruplani u li passiġġieri kienu jilbsu fost l-aħjar ħwejjeġ għall-fatt li se jsiefru. Rose qalet ukoll li l-grupp kollu kien ingħata taħriġ intensiv anke dwar l-apparenza tagħhom u kif għandhom japplikaw l-irtokk u jżommu xagħarhom pulit tant li anke kienu jkunu pprovduti b'servizzi ta' parrukkiera kull ġimgħa. Intant għal din iċ- ċelebrazzjoni ta' tifkira, il-hanger tal-Airmalta kien imżejjen anke b'numru ta' ritratti li juru l-istorja tal- kumpanija u kif żviluppat matul dawn l-aħħar erbgħin sena. Fost oħrajn kien hemm anke kopja tal-ewwel roster tax-xogħol u kif kienu mqassma l-gruppi tal- ekwipaġġ fuq id-diversi rotot. Għalhekk ma setax jonqos li numru ta' membri tal-ekwipaġġ jinġabru quddiem dawn ir-ritratti u jikkummentaw b'ċerta nostalġija fuq il-memorji tagħhom. Issemma wkoll li meta xi wieħed miż-żewġ ajruplani kien ikollu jintbagħat għal manutenzjoni, dan kien jiġi mibdul ma' ajruplan ieħor tal-Pakistan International Airline li kienu jirreferu għaliħ bħala t-TQ. Dan għaliex l-aħħar żewġ ittri tar-reġistrazzjoni tal- ajruplan kienu TQ. Mid-dehra dan l-ajruplan kien ikollhom jagħtuh tindifa tajba qabel ma kienu jtellgħu l-passiġġieri Maltin fuqu. Kulħadd jirrakkonta u fost il-ħafna stejjer semmew ukoll lil ċerta kaptan li kien magħruf għal mod wieqaf li bih kien itella' l-ajruplan mat- tluq u l-mod kif kien iniżżel l-istess ajruplan b'ċerta tisbita fuq ir-runway. F'għajnejn dawk kollha preżenti kien hemm elementi nostalġiċi malli raw l-ajruplan tal-AirMalta bil-kuluri oriġinali. Dan l-ajruplan se jinżamm b'dawn il-kuluri u se jkun qed itir fuq ir-rotot skedati tal-AirMalta. Żgur li dawk dilettanti tal-avjazzjoni f 'Malta se jagħmlu mezz biex jieħdu xi ritratti ta' dan l-ajruplan bħala tifkira. Tkompli minn paġna 1 Trattament tat-tieni klassi mill-gvern għall-FOR.U.M ILPRESIDENT tal- FOR.U.M (Malta Unions Forum) Paul Pace qal fi stqarrija li huma mhux lesti li jibqgħu jiġu trattati b'miżuri tat-tieni klassi meta kkumparat ma' konfederazzjonijiet oħrajn li jirrappreżentaw il- ħaddiema f 'pajjiżna. FOR.UM hu kompost minn ħdax il-unjin li bejniethom jirrappreżentaw tnax il-elf ħaddiem. Filwaqt li feraħ lil Gvern li qed jirnexxielu jwarrab kull forma ta' diskriminazzjoni f 'pajjiżna Pace insista li bħala FOR.U.M. qed jiġu diskriminati b'mod sfaċċat għall-fatt li l-Gvern baqa' ma indirizzax ir-rappreżentanza tagħhom fuq l-Awtorità fuq is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OHSA), fuq l-International Labour Organisation (ILO) kif ukoll fuq il-Kumitat Reġjonali għal Għawdex. Pace saħaq ukoll li filwaqt li konfederazzjonijiet oħra li jirrappreżentaw il-ħaddiema f 'pajjiżna ġew mistiedna biex jattendu għall-konferenza tal-ILO fuq bażi ta' tliet ġimgħat mingħajr ħlas, il-FOR.U.M ġie mgħarraf li l-attendenza tiegħu hi limitata għall- ġimgħa waħda biss u li jrid iħallas tal-ispejjeż involuti. Insista wkoll li, għalkemm il-Malta Employers' Association kif ukoll il- General Workers' Union għandhom dritt li jattendu mal-Gvern għal din il- konferenza tal-ILO, il- FOR.U.M għal darba oħra ġie eskluż. Pace temm jgħid li l-FOR.U.M qed jitlob laqgħa urġenti mal-Prim Ministru biex tinstab soluzzjoni mill- aktar fis possibbli. L-ewwel membri tal-ekwipaġġ Malti li kienu fuq l-ewwel żewġ titjiriet fl-1974

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 20 April 2014