Illum previous editions

illum 20 April 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/298227

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 35

Il-Ħadd 20 ta' April 2014 | illum 5 Tirritorna kollezzjoni oħra tat-Tazza tad-Dinja "Ħadd mhu ffissat daqs il-Maltin" ILĦANUT numru 19 ta' Triq il-Merkanti l-Belt Valletta jista' jitqies bħala negozju normali matul is-sena, iżda kull sentejn dlonk arah jitbiddel f 'mekka ta' dawk kollha li jgħaqqdu l-albums tal-futbol; kemm jekk tkun ġejja xi tazza tad-dinja kif ukoll il-kampjonat Ewropew. Minkejja li Malta qatt ma ħadet sehem fl-ebda avveniment sportiv ta' dan it-tip, il-passjoni tal-Maltin lejn il-kollezzjoni tal-albums tal-futbol hija waħda kbira, kif tixhed il-folla numeruża li tinġabar quddiem il-ħanut 'Anastasi' ta' kuljum. "Dan hu passatemp ta' kulħadd," jgħidli Domenic Anastasi, il-moħħ li importa l-ewwel darba dawn l-istickers kważi 45 sena ilu. "L-Imħallfin u l-Maġistrati jibagħtu l-messaġġiera, xi deputat parlamentari tara wkoll. Pulizija, gwardjani lokali, avukati, studenti, pensjonanti… Hawnhekk jiġu minn kull sfera tal-ħajja. Għalhekk ma nesaġerax jekk ngħid li anke fil-Qorti u fil-Parlament isir it-tpartit tal-istickers," jibda jirrakkonta Anastasi fil-ħanut tiegħu mimli memorabilia tal-futbol. L-istickers – jew kif kienu magħrufa qabel bħala l-kupuni – iddaħħlu Malta l-ewwel darba lejn tmiem l-1969, wara deċiżjoni ta' Domenic Anastasi li jiftaħ negozju bbażat fuq l-imħabba li kellu lejn il-futbol. L-ewwel album impurtat kien 'Calciatori 1969-70' li kien jirrigwardja l-futbol Taljan, segwit mill-ewwel album tat-tazza tad-dinja li qatt ħarġet id-ditta 'Panini', dak tal-Messiku 1970. Dan għamel lil Malta fost l-ewwel pajjiżi fid-dinja li bdiet timporta dan it-tip ta' kummerċ. "Illum il-ġurnata ssib dawn il-kupuni f 'kull pajjiż. Iżda ħadd mhu ffissat daqs il- Maltin, għalkemm hemm ukoll il-gżejjer tal-Mawrizju li għandhom għal qalbhom dawn il-kollezzjonijiet," jissokta jgħid Anastasi. L-istess kollezzjonijiet jinstabu fil-bqija tal-pajjiżi l-oħra minn kull kontinent. Edizzjoni wara l-oħra, l-arkivji ta' Anastasi komplew jikbru tant li għandu bżonn maħżen ta' madwar 80 pied biex iżomm diversi kupuni ta' kull numru, f 'kull edizzjoni. "Kważi jien biss nagħmilha, aġenti oħra jgħiduli li jarmu kollox wara ftit snin minħabba problema ta' spazju. Permezz ta' dan il-maħżen għandi l-arkivji kompleti li jmorru lura għall-ewwel edizzjoni, dik tal-1970," jgħidli hu hekk kif jurini arkivju iżgħar li għandu fil-ħanut ta' Triq il-Merkanti. Kuntrarjament għal xnigħat li jippersistu matul iż-żmien, Anastasi jgħid li d-ditta Panini mhux vera tagħmel kupuni aktar rari minn oħrajn biex il-kollezzjoni tiġi aktar interessanti, u jżid jgħid li hemm leġislazzjoni Ewropea li tikkontrolla dan. B'hekk għandek ċans issib kupun bit-tazza tad-dinja daqskemm għandek ċans issib kwalunkwe plejer ieħor. Kurżità oħra li tissemma hu kif jintgħażlu l-plejers li għandhom jidhru fuq l-album, meta qas il-kowċ nazzjonali ma jkun għadu ddeċieda dan! "Hekk hu, il-kowċis jiddeċiedu lejn Mejju filwaqt li d-ditta tagħlaq is-selezzjoni tagħha f 'Jannar. Iħaddmu sistema interessanti ta' kif għandhom jintgħażlu l-plejers, li bażikament tiddependi ħafna minn ġudizzju ta' diversi ġurnalisti bbażati f 'dak il- pajjiż partikolari. Imbagħad meta plejer jilħaq iweġġa' tkun sempliċiment sfortuna," jammetti Anastasi. Minkejja li Malta ftit li xejn għandha ċans li tieħu sehem f 'dawn l-avvenimenti sportivi, dan ma jfissirx li plejers Maltin ma jistgħux isibu ruħhom f 'xi album. Fil-fatt, Anastasi kien diġà involut biex fl-2000, inħareġ l-ewwel album tal-lig Malti fl- okkażjoni tal-100 anniversarju tal-Assoċjazzjoni Maltija tal- Futbol. Fl-2011, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tad-ditta Panini, Anastasi kien strumentali biex inħareġ album ieħor li kien jinkludi fih it-tim nazzjonali, il-Premier u l-ewwel diviżjoni. Ritratt: Ray Attard James J. Piscopo jpiscopo@mediatoday.com.mt "Panini mhux vera tagħmel kupuni aktar rari minn oħrajn"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 20 April 2014