Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/298227
Il-Ħadd 20 ta' April 2014 | illum 13 JAMES J. PISCOPO jpiscopo@mediatoday.com.mt ILVOT tal-unjoni ċivili fil- Parlament kienet okkażjoni oħra mitlufa biex il-partit Nazzjonalista jibgħat messaġġ ċar ta' fejn qiegħed mal-elettorat, stqarrew bosta esponenti u persuni oħra li jimmilitaw fi ħdan il-partit Nazzjonalista. F'kummenti ma' din il- gazzetta, huma qablu li anke jekk kien hemm raġunijiet wara l-astensjoni, il-partit ma wassalx il-messaġġ tiegħu sew u li konsegwentament, l-elettorat ma fehemx lil partit Nazzjonalista. Ingrid Brownrigg, membru fl-eżekuttiv tal-PN u eks kandidata fl-elezzjoni ġenerali, sostniet mal-ILLUM li l-partit għandu l-akbar sfida quddiemu li hi dik tal- komunikazzjoni, li jidher li qed ifalli fiha. "Il-PN għadu mhux jirnexxielu jwassal messaġġ ċar lill-poplu. Irrelevanti x'pożizzjoni għandek, jekk ma tkunx kapaċi tispjega u tikkomunika lin-nies ma tkunx f 'pożizzjoni li tikkonvinċi u eventwalment tirbaħ l-appoġġ. Minħabba li l-PN mhux qed jirnexxielu jikkomunika l-messaġġ, il-poplu mhux qed jifhem lill-PN. Jekk il-partit mhux se jirnexxielu jsaħħaħ il- komunikazzjoni, il-poplu se jkompli jabbandunah," qalet Brownrigg. Hi ssuktat tgħid li l-astensjoni fuq il-vot tal- unjoni ċivili ma nftehemx mill-poplu għax il-kelma riservi hi kelma vaga. "Xtaqt nara argumenti solidi bi provi xjentifiċi. Qabel ma jifforma opinjoni l-PN għandu bżonn jifhem it-tibdil li għaddejja minnu s-soċjetà. Qed ngħixu fi żmien ta' kriżijiet anke dawk tal-valuri. Imma minkejja li ħafna minnha huma nsara, ejja niftakru li l-PN hi organizzazzjoni politika u mhux reliġjuża," targumenta Brownrigg. Il-membru fl-eżekuttiv nazzjonali tirrikonoxxi li l-gvern kien konxju li hu b'saħħtu fil-komunikazzjoni u sfrutta dan biex jirkeb fuq il-PN u għalhekk daħħal il- liġi b'għaġġla kbira. "Il-gvern qed jirnexxielu jbiegħ iżda ma jfissirx li l-prodott hu tajjeb," tikkonkludi Brownrigg. Membru ieħor fl-eżekuttiv tal-PN li jirrappreżenta l-faxxa liberali, Jean Claude Micallef, qal li l-vot tal-PN "żgur li mhux pass viċin sezzjonijiet mill-elettorat." Qal li irrelevanti mill- andament tal-vot, hu kuntent li ġiet approvata l-liġi u li ta sehmu f 'kull fora possibbli. "X'kellu jagħmel Simon Busuttil żgur mhux se nkun jien li nista' ninfluwenzah u bħal kull deċiżjoni oħra, hu biss se jġorr il-konsegwenzi tagħha. Imma nemmen li kap sod jirnexxilu dejjem joħroġ pożizzjoni li jgħaqqad grupp parlamentari sħiħ warajh," sostna Micallef. L-opinjonist u preżentatur fuq NET TV Frank Psaila qal li filwaqt li Malta għamlet passi ta' ġgant fid-drittijiet ċivili, bidliet bħal dawn m'għandhomx isiru b'għaġġla żejda. Psaila jirrimarka li l-adozzjoni ta' tfal minn koppji gay kellha tkun f 'liġi separata mill-unjoni ċivili, u b'hekk ikun hemm qbil miż- żewġ naħat tal-kamra. "Għalhekk nifhem il- pożizzjoni tal-PN li jastjeni u f 'dan l-istadju naħseb li għadu kmieni biex niġġudika jekk l-immaġini ta' Simon Busuttil fejn jidħlu drittijiet ċivili ġietx imtappna jew le," qal il-preżentatur fuq NET TV. "Iżda mħasseb dwar il- futur għall-partit fejn jidħlu drittijiet ċivili. Naħseb li issa sar mill-aktar urġenti li l-PN jirrifletti sew fuq dawn it-temi u jiddeċiedi eżatt xi jrid jirrappreżenta. Fiduċjuż li Simon Busuttil jaf x'irid u konvint li Busuttil irid li l-PN ikun protagonista tad- drittijiet ċivili. Il-mistoqsija hi jekk hux kulħadd, fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, qed jiġbed dan l-istess ħabel." Hu jżid jgħid li l-grupp parlamentari Nazzjonalista jrid jifhem li l-poplu qed jiġri iktar mill-politiku u li dan ikollu jaġġusta ruħu skont il-bidla li l-poplu jrid. "Kif qal tajjeb il-Professur Friggieri fid-diskors tal- Kunsill Ġenerali, issa li ftaħna t-twieqi u l-bibien beraħ ma nistgħux nippretendu li ma jidħolx ir- riħ. Jekk il-PN ma joqgħodx attent dan ir-riħ se jtajjar lilu. It-tmexxija ta' Simon Busuttil għadha fi stadju bikri; konvint li hu kapaċi jaqra s-sinjali taż-żminijiet. Min, fil-PN, ma jridx jaqra s-sinjali taż-żminijiet allura jkun aħjar jekk iwarrab bil- kwiet". Frank Psaila jżid jgħid li minkejja li t-tema tad- divorzju kienet għamlet ħsara kbira lill-partit, il-PN għadu fiċ-ċans li jibqa' d-dar kemm tal-konservattivi kif ukoll tal-liberali. Ikkuntattjat minn din il-gazzetta, l-eks deputat Nazzjonalista Karl Gouder qal li m'għandux kummenti x'jgħaddi u rreferiena għal dak li kiteb fuq il-mezzi soċjali dakinhar tal-vot. Fuq Twitter, hu sostna li l-approvazzjoni tal-liġi tal-unjoni ċivili mmarkat ġurnata importanti għal Malta. "Iżda kont nixtieq kieku l-partit li nħobb daqstant għamel aktar biex wasalna fejn wasalna," temm il- messaġġ tiegħu Gouder fuq Twitter. Jekk tara xi ħaġa interessanti ibgħatuhieli. Jekk tara lil xi ħadd interessanti ibgħatli ritratt bil-mowbajl. Ibgħat lil poodle@mediatoday.com.mt Il-poodle isejjaħ … Il-Poodle dil-ġimgħa jinsab fuq il-vaganzi tal-Għid. Wara l-astensjoni tal-PN fuq l-Unjoni Ċivili: "Il-poplu mhux qed jifhem lill-PN" Ingrid Brownrigg Jean Claude Micallef Frank Psaila Karl Gouder Id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista