Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/298227
Il-Ħadd 20 ta' April 2014 | illum 31 SPORTSillum Meta Żebbuġ Rangers irritornaw l-Premier wara 24 sena MHUX ħaġa komuni li tim tal-futbol Malti jikseb żewġ promozzjonijiet wara xulxin. Iżda dan ġara lit-tim ta' Żebbuġ Rangers li rnexxielu jagħmel dan hekk kif matul l-istaġun li għadda kiseb il-promozzjoni mit-tieni għall-ewwel diviżjoni waqt li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kiseb il-promozzjoni mill-Ewwel Diviżjoni għad- Diviżjoni Premier li hija l-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti – xi ħaġa storika għal dan il-klabb hekk kif se jkun qed jirritorna fost l-elite tal-futbol Malti wara xejn inqas minn 24 sena. Dan is-suċċess fost oħrajn wasal wara ħidma sfieqa tal- kumitat ta' Żebbuġ Rangers immexxi fost oħrajn mill- President ferm ħabrieki Joe Pace u l-kollega tiegħu Ivan Calleja kif ukoll tal-kowċ bravu Jesmond Zammit li propju dan il-ġurnal iltaqa' miegħu fejn talbu jfissrilna x'fisser dan l-unur ferm prestiġjuż kemm għalih personali kif ukoll għat- tim pjuttost żgħir ta' Żebbuġ Rangers li tajjeb ngħidu li jirrappreżenta wkoll raħal twelid il-kowċ tal-istess tim. Huwa saħaq li: "Promozzjoni hija dejjem unur addizzjonali għal kull skwadra u għal kull individwu involut. Madankollu għall- klabb ta' Ħaż-Żebbug barra li tfisser ritorn fost l-elite tal-futbol wara 24 sena, tfisser ukoll perjodu indimentikabbli li ra l-klabb jieħu żewġ promozzjonijiet infila li timla lill-kumitat b'kuraġġ biex jaħdem bis-sħiħ biex ikompli jsaħħaħ l-iskwadra għall-istaġun li ġej. Għalija ovvjament ifissru żewġ unuri oħra u tragward ieħor milħuq li jfisser mhux ftit meta tikkonsidra li erġajt irritornajt fil-klabb ta' raħal twelidi wara nuqqas ta' sbatax-il sena. Skont Zammit, "Is-sigriet wara kull unur huwa l-għaqda u l-kollettività li tirrenja bejn il-plejers u l-istaff. Fil-klabb ta' Ħaż-Żebbuġ, sehem kbir għandu l-kumitat immexxi mill-bravu President Joe Pace, u l-kollega tiegħu Ivan Calleja għal mod stupend li bih imexxu u jippermettu lil min jaħdem f 'ambjent trankwill, anki f 'mumenti diffiċli. Mertu kbir ovvjament imur għal dan il-grupp meraviljuż ta' plejers li ħadmu mhux ftit matul dawn is-sentejn li għaddew. Il-kowċ Żebbuġi kompla li: "L-għan tal-klabb meta dħalna jien u sħabi għat-tmexxija tat- tim, kien dak li nwasslu lit-tim sal-ogħla diviżjoni fi żmien tliet snin. Irnexxielna nagħmlu dan f 'sentejn minkejja kompetizzjoni tremenda minn timijiet oħra b'saħħithom fosthom Luxol, Gżira, Lija u Melita. Huwa normali li wieħed jimmira għall-ogħla pożizzjoni, għaliex hekk biss tista' żżomm fid-direzzjoni ġusta. Pietà Hotspurs kienu l-aktar tim konsistenti matul dan l-istaġun b'għadd ta' żgħażagħ promettenti li ilhom telgħin flimkien għal dawn l-aħħar snin. Inħoss li l-klassifika ġenerali tagħti stampa ċara tal- andament tal-istaġun. Il-bidu tal-kampjonat ma kienx xi wieħed mill-aħjar, l-aktar minħabba l-fatt li weġġgħulna fit-tul żewġ pedini importanti bħal m'huma Lee James Agius u Matthew Gauci qabel biss beda l-logħob kompetittiv. Infatti mill-ewwel ħames logħbiet ġbarna biss seba' punti. Wara dan il-perjodu segwiet mixja ta' għaxar logħbiet mhux megħluba, fosthom tmien rebħiet, li nistgħu ngħidu kien il-perjodu kruċjali li rana ninqatgħu minn mat-timijiet l-oħra flimkien mat-tim l-ieħor promoss ta' Pietà. Kien f 'dan il-mument li t-tim jista' jkun li straħ xi ftit mill-pressjoni li kellu fejn ġarrab erba' telfiet mit-tmien logħbiet ta' wara, perjodu li fih it-tim ta' Pietà baqa' għaddej b'mod konsistenti, sabiex meritatament ġew inkurunati bħala Champions, bit-tim tagħna jqum għall-okkażjoni fil-konfront dirett kontra Melita. Rigward il-mod kif Jesmond Zammit qed iħares lejn il-futur ta' Żebbuġ Rangers fil-Kampjonat BOV Premier u jekk iħossx li dan it-tim huwiex b'saħħtu biżżejjed biex iżomm postu fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, huwa kkummenta hekk: "It-tim tagħna għamel żewġ qabżiet f 'sentejn. Il-biċċa l-kbira tal- investiment sar fl-ewwel sena, u mbagħad twettqu ftit irtokki biex issaħħet aktar l-iskwadra għas-sena ta' wara. Fiż-żmien li ġej, se nkun qed inpoġġi mal- amministrazzjoni tal-klabb biex, bħalma nagħmlu kull sena nagħmlu pjan finanzjarju adekwat għall-istaġun li jmiss. Madankollu, nista' nserraħ ras il-partitarji kollha Żebbuġin, li l-iskwadra se tiġi msaħħa konsiderevolment sabiex nassiguraw li t-tim ikun wieħed kompetittiv u b'saħħtu biżżejjed sabiex jintlaħaq it- tragward tal-klabb. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas Jesmond Zammit xtaq jgħaddi xi ringrazzjamenti: "Nieħu l-opportunità li nirringrazzja lill-amministrazjoni tal-klabb immexxija mill-President is-Sur Joe Pace u mis-Sur Ivan Calleja, lill-istaff tekniku (speċjalment dawk li qed jgħinu b'mod volontarju), li tant jieħu paċenzja bija u jaħdem miegħi bla waqfien, lill-plejers kollha u l-familjari tagħhom u lill-partitarji kollha Żebbuġin taħt il-kappa tas- Supporters Club li baqgħu wara t-tim anki f 'mumenti ta' diffikultà. F'isem il-klabb nirringrazzja wkoll lill- isponsors kollha u lil dawk kollha li taw l-għajnuna tagħhom, għaliex mingħajr dan kollu żgur li t-tragward tal-klabb ma kienx jintlaħaq," temm jgħid Jesmond Zammit. Entużjażmu, dedikazzjoni u kapaċità espressi f 'Jesmond Zammit Ritratt: Ray Attard Rio Ferdinand mhux se jirtira iżda jista' jitlaq lill-United RIO Ferdiand saħaq li mhux se jirtira mill-futbol hekk kif jixtieq ikompli jgħix il-ħolma li jibqa' jilgħab ma' Manchester United wara dan is-sajf. Madankollu huwa ammetta li l-futur tiegħu jista' jkun xi mkien ieħor 'il bogħod minn Old Trafford. Id-difensur ċentrali tar-Red Devils jispiċċalu l-kuntratt fi tmiem l-istaġun, waqt li diġà kien hemm taħdidiet li huwa kien lest biex jirtira mill-futbol iżda jidher li l-plejer Ingliż ta' 35 sena biddel fehmtu hekk kif jixtieq ikompli jilgħab. Iżda jekk huwa hux se jkompli jagħmel dak li tant iħobb f 'Old Trafford jew x'imkien ieħor, wieħed għad irid jara. Ferdinand beda biss 9 loghbiet mill-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra bil-flokk tal-United taħt it-tmexxija tal-Iskoċċiż David Moyes, u 3 biss mill-aħħar ta' Settembru 'l hawn. Jidher li r-Red Devils se jkunu qed jinnegozzjaw kuntratti ġodda għall-plejers li għandhom iktar minn 30 sena fi tmiem tal-istaġun. L-eks difensur ċentrali tat- tim nazzjonali Ingliż sofra minn diversi injuries matul dan l-istagun, waqt li Moyes għadu jrid isib koppja stabbli fid-difiża tat-tim tiegħu hekk kif dan huwa dipartiment li l-United qed ibatu minnu f 'dan l-istaġun. B'hekk kollox qed jindika li l-United jridu jsaħħu dan id-dipartiment mill-iktar fis possibbli billi jingaġġaw difensuri ta' ċertu klassi u statura fil-futbol mondjali, madankollu jidher li l-Kap Eżekuttiv tal-United, Ed Woodward, mhux se jkun qed iħalli lil David Moyes, dejjem jekk dan jibqa' fit- tmun tal-United matul staġun ieħor, jingaġġa plejers li jiswew somom kbar ta' flus. Il-karriera ta' Ferdinand se tkompli iżda jaf mhux f 'Old Traord NHAR il- Ġimgħa 28 ta' Marzu, ġewwa l-Inter Club Malta f 'Santa Venera, ġiet organizzata Lejla Maltija ad unur il- kantanta brava Ira Losco. Hija ġiet onorata għas-suċċessi li qed tikseb fix-xena mużikali, kemm f 'Malta kif ukoll barra. Ira Losco ntlaqgħet b'entużjażmu kbir mal- wasla tagħha ġewwa l-klabb minn kull min kien preżenti fis-sala. Il-President, is-Sur John Zammit, f 'isem il-membri u l-kumitat irringrazzja lil Ira għall-preżenza tagħha filwaqt li spjega l-funzjonijiet u l-attivitajiet tal-klabb. B'disponibbiltà kbira, Ira Losco tkellmet mal-membri preżenti u anki ħadet ritratti magħhom u mal-familjari tagħhom. Il-kantanta Maltija temmet iż-żjara tagħha billi ffirmat il-Ktieb tal-Viżitaturi tal-klabb u qasmet kejk sabiħ li ġie ppreparat għall-okkażjoni mingħand il-Markett Caterers. Hija ġiet ippreżentata wkoll bi plakka kommemorattiva mingħand is-Sur John Zammit bħala tifkira taż- żjara tagħha u f 'isem il- membri kollha awguralha iktar suċċessi. Ira Losco żżur l-Inter Club Malta Ritratt: Charles Vassallo John Zammit jippreżenta memento lil Ira Losco