Illum previous editions

illum 30 November 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/424607

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 39

Il-Ħadd 30 ta' Novembru 2014 | illum 13 L-AIDS, il-marda li ġġorr ħafna stigma u ftit li xejn għarfien GĦADA jaħbat il-Jum Dinji li jfakkar l-AIDS. Marda li taħkem madwar 35 miljun persuna fid-dinja fejn 3.2 miljuni minnhom huma tfal. Il-gazzetta ILLUM tkellmet mad-Dipartiment tas-Saħħa u staqsiet dwar statistiċi lokali fejn tidħol din il- marda. F'pajjiżna f 'dawn l-aħħar 10 snin f 'Malta ġew irrekordjati madwar 300 każ ġdid ta' HIV li minnhom ġew innotifikati 47 każ ta' AIDS, li hija l-marda fi stadju iktar kiefer tagħha. Minn dawn it-300 każ ġdid, 222 kienu rġiel waqt li 78 kienu nisa. F'172 każ, l-HIV ġiet trasmessa permezz ta' kuntatt eterosesswali. 92 każ kienu klassifikati bħala rġiel li jagħmlu atti sesswali mal- irġiel u 10 każijiet minħabba teħid ta' droga permezz tat- titqib u każ ta' emofilja. Fl-istatistika provduta deher li kien hemm 25 każ li l-mod tat-trasmissjoni ma kienx magħruf. Is-sena l-oħra, l-2013 ra 36 każ ġdid ta' HIV u każ wieħed ta' AIDS. L-ILLUM staqsiet x'inhu jagħmel id-Dipartiment tas-Saħħa rigward din il-marda fejn wieġeb li huwa impenjat jindirizza l-HIV u l-AIDS permezz tat-twettiq tal-istrateġija tas-saħħa sesswali. Qed jittieħdu bosta inizjattivi bl-għan li jkattru l-għarfien dwar il-prevenzjoni, it- taħriġ tal-professjonisti tas-saħħa u professjonisti oħrajn bħall-għalliema, u s-servizz ta' trattament bla ħlas lill-persuni li jinstabu pożittivi għal din il-marda. Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-AIDS, din is-sena d-Dipartiment tas-Saħħa ssieħeb mal-bqija tal-komunità globali sabiex iġedded l-impenn tiegħu li jimminimizza l-istigma marbuta ma' din il-marda. U x'jaħsbu l-istudenti dwar din l-istigma assoċjata mal- marda tal-AIDS u l-HIV? L-Għaqda tal-Istudenti tal-Mediċina ta' Malta, MMSA, taħdem kull sena sabiex toħloq għarfien dwar din il-marda u taħdem kontra l-istigma relatata magħha. F'kummenti li l-Assoċjazzjoni tat lill-ILLUM intqal li "Sfortunatament l-istigma assoċjata mal-marda tal- AIDS hija xi ħaġa li għadna naraw fil-ġurnata tal-lum. Huwa għalhekk li sena wara sena studenti tal-kors tal- mediċina jiċċelebraw il-Jum Dinji dwar l-AIDS. Din is-sena l-MMSA organizzat diversi attivitajiet relatati mat-tnaqqis ta' stigma u t-tixrid ta' informazzjoni dwar din il-marda. Dawn l-attivitajiet saru fuq medda ta' tlett ijiem, u kienu ta' xorta kemxejn differenti mis- soltu, bil-għan li jattiraw l-attenzjoni tal-pubbliku u jħajru lill-pubbliku Malti jitkellem u jiddiskuti dawn il-kwistjonijiet. Fost l-attivitajiet, saret sessjoni ta' 'speed-dating' edukattiv fil-Kampus tal- Universita' ta' Malta. Waqt din l-attività, studenti minn diversi korsijiet ntalbu jwieġbu għaxar mistoqsijiet relatati mal-marda tal- HIV/AIDS. Dan sar kontra il-ħin u b'element ta' kompetizzjoni. L-għan ta' dan il-eżerċizzju kien li nuru lill-istudenti r-realtajiet ta' din il-marda, filwaqt li nħeġġuhom jieħdu iktar interess f 'dan is-suġġett. L-istudenti tal-mediċina, kif ukoll dawk tal- psikoloġija, xjenza, liġi u diversi suġġetti oħrajn organizzaw party fil-qalba ta' Paceville sabiex ifakkru lin-nies dwar l-importanza tal-użu ta' kontraċettivi li jipproteġu mill-mard li jiġi trassmess sesswalment. Ġdida għal-kalendarju tal- MMSA hija dik li tissejjaħ 'FlashC-AID'. Madwar tmenin student tal-kors tal- Mediċina se jkunu qegħdin iduru ma' Malta permezz ta' żewġ vetturi tal-linja, proprju llum waranofsinhar. Dawn se jieqfu f 'sitt postijiet partikolari, Buġibba, Mosta, Sliema, Marsaxlokk, Marsascala u l-Belt Valletta. F'kull post, l-istudenti se jiżfnu fi 'Flashmob' sabiex jattiraw l-attenzjoni tal- pubbliku. L-istudenti se jieħdu ħsieb jitkellmu wkoll mal-pubbliku dwar l-HIV/ AIDS, filwaqt li jagħtuhom xi informazzjoni relevanti relatata ma' dan. U għalkemm mill-istatistiċi li jidher li l-maġġoranza tal-każi qegħdin f 'persuni omosesswali, wieħed faċli jorbot din il-marda mal- omosesswalità. B'hekk ħadna kummenti ta' Gabi Calleja l-President tal-Malta Gay Rights Movement, MGRM, fejn staqsejniha dwar x'qed isir f 'pajjiżna dwar din il- marda, x'esperjenzi tisma' fil-komunità LGBTI u anke dwar l-istigma marbuta mal-marda. Calleja qalet "Minn żmien għal żmien niltaqgħu ma' każijiet ta' persuni li qed jgħixu bil-kundizzjoni tal-HIV/AIDS u li jitolbu informazzjoni dwar servizzi ta' kura u ta' appoġġ. Il-ħidma preventiva hija r-responsabilità tal- Health Promotion Unit u l-edukaturi fl-iskejjel. Aħna wkoll konxji tal-ħidma li jagħmlu li l-MMSA li wkoll jorganizzaw attivitajiet biex iqajmu aktar għarfien. Aħna bħala MGRM qegħdin nesploraw il-possibilità li nwaqqfu grupp ta' appoġġ għal persuni li huma morda bl-HIV/AIDS bħala parti mis-servizzi li joffri r-Rainbow Support Service u nittamaw li dan ikun jista' jsir f 'kollaborazzjoni mas- servizzi tas-saħħa." Calleja saħqet li "Kull min huwa sesswalment attiv huwa f 'riskju ta' infezzjoni mill-HIV/AIDS u għalhekk huwa importanti li kulħadd ikun infurmat bil-miżuri li jnaqqsu r-riskju ta' infezzjoni. L-istigma fir-rigward tal-HIV/AIDS hija problematika għaliex tista' żżomm lil dawk li jistgħu jkunu nfettati milli jfittxu l-għajnuna u l-kura li għandhom bżonn." Intant id-Dipartiment tas-Saħħa jixtieq ifakkar li t-testijiet tal-HIV fil-klinika GU fl-Isptar Mater Dei huma disponibbli u bla ħlas. Il-marda tal-AIDS taħkem 35 miljun persuna fid-dinja Għalkemm l-istatistika tixhed mod ieħor, hemm stigma kbira marbuta mal-omosesswali u din il-marda "F'Malta 172 każ huma eterosesswali waqt li 92 huma każi omosesswali" "74% tal-każijiet huma rġiel"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 30 November 2014