Illum previous editions

illum 30 November 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/424607

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 39

20 illum | Il-Ħadd 30 ta' Novembru 2014 Ħ afna drabi mhux dak li jingħad iżda dak li ma jingħadx. Ħafna drabi mhux dak li jinkiteb iżda dak li ma jinkitibx jew jitħalla barra. Pereżempju jgħidu, li fl- awtobijografiji l-aktar li huwa interessanti mhux dak li jiftakar l-awtur iżda dak li jinsa. Anke l-Istorja li tinkiteb mir-rebbieħ, tintreħa barra l-memorja tat-tellief. Dan l-aħħar rajna u smajna affarijiet u ma smajniex u ma rajniex affarijiet oħra. Kultant jista' jkun lapsus jew inkella għaliex dak li jkun għandu minn natura tal-iskorpjun, li anke lil min jgħinu jniggeż. Kultant trid toqgħod attent għal ċertu dettalji li jgħidu ħafna aktar minn ħafna kliem. Din il-ġimgħa l-Kap tal- Oppożizzjoni fid-diskors tiegħu qal ħafna affarijiet barra dak li kellu jgħid. Qabad ma kollox ħlief mal- baġit, iżda kien hemmm passaġġ fid-diskors tiegħu li laqatni ħafna. Beda jikkritika bil-qawwa kollha l-inkarigi li ngħataw lil xi Membri Parlamentari tal-Gvern. Offerta li saret anke lil dawk tal-Oppożizzjoni u ġiet irrifjutata. Wara l-esperjenza qarsa li kellu Lawrence Gonzi li ma involviex lil backbenchers u prova jnaqqas ftit mill-ħsara billi ħoloq il- figura minotawra tal-Assistenti Parlamentari, dan il-Gvern ma riedx li jkun hemm ir-repetizzjoni ta' dan l-iżball. Il-kap tal-Oppożizzjoni infexx f 'dagħdigħa ta' tgħajjir u nbix tat-tfal. Fis-saħna ma ntebahx li impliċitament anke mar sal-punt li ġġustifika ż-żieda tas-€600 fil-ġimgħa li kien ta lilu nnifsu l-kabinett ta' Lawrence Gonzi! Ħareġ ċar, li l-kap tal-Oppożizzjoni għadu jinsisti li dakinhar ma ġara xejn, meta anke l-Awditur Ġenerali kien skandalizza ruħu b'dak li ġara. Ma rrealizzax li filwaqt li l-ħlasijiet li qegħdin isiru saru fil-miftuħ u pubblikament, iż- żieda ta' dakinhar tant ma kinitx legali li kellhom irodduha lura! Il-kap tal-Oppożizzjoni fuq parir ta' min qiegħed jikkonsulta, qiegħed jiġġustifika wieħed mill-agħar episodji fl-Istorja politika ta' pajjiżna. It-tieni każ jirrigwarda lil eks Ministru Tonio Fenech. Intervistat il-ġimgħa l-oħra mill-MaltaToday din il-gazzetta fil-fehma tiegħi għamel ammissjoni li kompliet tat raġun lill-elettorat għalfejn ma fadax aktar lil Tonio u lill-partit tiegħu. Meta mistoqsi dwar jekk kellux jirriżenja minħabba t-tixħim li kien hemm bejn is-Segretarju personali tiegħu u l-aħwa Montebello, li fost oħrajn kien qiegħed ikun allegat li ħallsu xogħlijiet bi pjaċir fid-dar tal- Ministru, bqajt skantat bit-tweġiba li ta. Qal li kien Joseph Muscat li wiegħed it-trasparenza u kontabbilità politika, għalhekk ma għandux għalfejn joqgħod kull darba jsemmi dan il-każ ta' tixħim. Ma tridx tkun ta' dixxerniment qawwi biex tifhem, li fl-istess nifs li wieġeb kien qiegħed jammetti li qabel la kien hemm trasparenza u l-anqas kontabbiltà għaliex ma kinitx saret wegħda f 'dan is-sens. Qabel kien jgħaddi kollox, issa skont hu le, għaliex Joseph Muscat jaħti talli wiegħed it- trasparenza politika. Fil-fehma tiegħi dan huwa indikazzjoni tal-idea miskina li kienet prevalent fl-Amministrazzjoni tal-pajjiż ta' xi jfisser li tkun politikament korrett. Bħalli qallu li tkun trasparenti huwa xi proġett li twettqu jekk inti twiegħdu! Il- kwistjoni ta' "bon governanza" b'dak kollu li ġġib magħha hija parti essenzjali minn proċess permanenti biex ikollok Gvern tajjeb. Kien għalhekk li l-Awditur Ġenerali għamel botta bil-pulit fil-każ ta' €600 żieda li l-mod kif saru l-affarijiet dakinhar kien eżempju tajjeb ta' kif m'għandek tamministra flus ħaddieħor. Iżda minn barra dan kollu hemm baħar jaqsam kif saru l-affarijiet fil-każ tas-Segretarju personali ta' Manwel Mallia. Fl-aħħar każ mhux kollox baqa' għaddej u qisu ma ġara xejn. Inħatret inkjesta bi tliet Imħallfin biex jiddeċiedu huma d-destin tal-Ministru Mallia. Meta l-Oppożizzjoni ntalbet taħtar Imħallef tal-għażla tagħha, irrifjutat l-offerta! Il-Kap tal-Oppożizzjoni qisu għandu avversjoni għal ġudikatura, għaliex anke fir-rigward ta' Owen Bonnici ħa din l-attitudni, għax skont hu m'għandniex Maġistrati ta' fibra b'saħħithom biżżejjed biex ma jkunux influwenzati minn min ikollom quddiemhom. Iżda ċ-ċirasa fuq il-pudina, u din il-kelma qiegħed nużaha kemm fis-sens litterali u anke metaforiku tagħha, kienet meta sejjaħ konferenza stampa dwar il-kaz tal-eks xufier ta' Manwel Mallia biex għall-elf darba jsejjaħ ir-riżenja tiegħu. Jekk għandi memorja tajba, kienet dwar il-vot ta' sfiduċja li kien se jkun preżentat fil- Parlament dwar Manwel Mallia. Tant saru konferenzi stampi għal kull ħaġa u kull nitfa', li issa anke il-kontenut tagħhom qiegħed ninsa. Preżenti għal din il-konferenza, fost uffiċjali oħrajn tal-Partit ma taqtgħux lil min kellu ħdejh? B'dik il-ħarsa ta' rispettabilità kbira ma kien hemm ħadd ħdejh l-Onorevoli David Aguis! Iva dak l-istess David Aguis li għal darba, tnejn u jekk ma tridx tlieta nqabad jikkopja waqt l-eżamijiet tal-Università! F'okkażjoni minnhom meta kien Membru Parlamentari! Kultant ma nemminx kif jaħsbu li l-memorja ta' xi wħud hi daqshekk qasira. Anke hawn għandna "reading between the lines". Bil-fatt biss li l-Kap tal-Oppożizzjoni jkollu lil David Aguis ħdejh f 'konferenza stampa dwar x'għandha tkun il-korrettezza politika, qiegħed ikun jew qiegħed jittratta lil kulħadd ta' kretin jew jassolvih minn kull ħtija! Ikolli ngħid li hija tal-aħħar, għaliex il-mod kif il-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jiddefendi kull ma sar qabel, ifisser li ma nbidel xejn! Bħall-iskorpjun li jwiegħed kemm iwiegħed, li jniggeż tibqa' fin-natura tiegħu. Meta ż-żrinġ li kien qiegħed jitrasportah fuq dahru biex iwasslu sax-xatt l-ieħor tax-xmara staqsieh għaliex kien niggżu meta issa se jegħrqu t-tnejn, l-iskorpjun bl-aktar mod naturali wieġbu: "Jiena ma nafx nagħmel mod ieħor, għaliex li nniggeż qiegħda fin-natura tiegħi u ma nista' ninbidel qatt!" TONI ABELA Between the lines Bħal meta l-iskorpjun, għalkemm iwiegħed, li jniggeż tibqa' fin-natura tiegħu u "ma jinbidel qatt"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 30 November 2014