Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/591009
18 illum | Il-Ħadd 25 ta' Ottubru 2015 K ont beħsiebni nikteb dwar il-Baġit. Iżda tant smajna dwar il-Baġit, tant ktibt dwar il-Baġit u tant għidt dwar il-Baġit li beda ħiereg minn kull toqba li għandi f 'ġismni. Kulħadd qabel li huwa Baġit tajjeb barra bniedem wieħed. M'għandix għalfejn insemmi ismu għax kulħadd jaf għal min qiegħed ngħid. Biex nagħtikom ħjiel, ismu jibda bl-S u kunjomu bil-B. Kont bil-ħsieb li nitkellem fuq il-maratona li għaddejja fil- Parlament. Mhux tal-volleyball. Mhux tal-futbol jew basketball, iżda tat-tgħajjir. Naqra oħra, u flok wara seduta kulħadd isellem lil xulxin, kulħadd se jibgħat jieħdu lil kulħadd. Fabbrika ta' tgħajjir, gideb u insolenzi. Tant ma kien hemm xejn xi tgħid dwar il-Baġit, li f 'xi ħaġa riedu jinfexxu. Għażlu li jinfexxu fin-nies. Ma fhimtx kif skont Simon Busuttil, l-esperti u kompetenti kollha, qegħdin fuq in-naħa tiegħu u tal-Labour m'għandhom xejn. Forsi jista' jispjega kif, b'dawn l-esperti u kompetenti kollha li kellu, il-pajjiz kien fadallu ftit ħafna biex jiżżerżaq fil-baħar. Forsi jistqasi lil Dr. Ann Fenech, għaliex dik esperta fi ħwejjeġ marittimi u opri tal-baħar. Lanqas ma jien qiegħed insellem lil Salvu Balzan, li aħjar jikkalma xi ftit, għalkemm irrid nammetti li jiena mhux xi mudell tal- kalma. Għad fadalli ħafna biex insellimlu lil Saver, għaliex il-probabbiltà hi li se jkun qiegħed isellem lili qabel. Ħaġa waħda rrid ngħid dwar Salvu, li meta jkun ippubblika xi ħaġa, tassew jemmen fiha. Ħafna drabi Salvu Balzan għandu din l-ansjetà li jippubblika aħbar mal-mument li tiġi f 'idu. Nifhmu, għaliex irid joħroġ bl-aħbar qabel ħaddieħor, inkella x'aħbar tkun jekk il-ħaġa tkun diġà tħabbret. Iżda kultant, id-dettal kollox u l-Qrati tagħna għandhom ħabta jaqbdu ma' dettal. Ikollok aħbar tajba, u titlef il- qaleb u l-ġbejna fuq dettal. Iżda din il- ġimgħa, f 'waħda mill-kawżi li kellu Saver, telgħet tixhed is-Sinjura Daphne Caruana Galizia u sorprendentement, tant li anke l-avukat tagħha kien maħsud, għamlet appell biex il-ġurnalisti ma jkomplux iqattgħu lilhom infushom. Bagħtet messaġġ ta' paċi u estendiet il-werqa taż- żebbuġa. Qalet sewwa ħafna, is-sinjura Daphne Caruana Galizia, li l-ġurnalisti m'għandhomx ikunu għedewwa ta' xulxin, għaliex l-għadu komuni tagħhom huma l-politiċi diżonesti. Qalet ukoll, li l-liġijiet m'għandhomx ikunu hemm biex jagħlqu ħalq il- ġurnalist iżda biex filwaqt iħarsu r-reputazzjoni ta' ħaddieħor, iħarsu wkoll il- libertà tal-kelma u l-espressjoni. Ma setgħetx tkun aktar preċiża. Il-politiċi qegħdin hemm biex jimxu skont il-liġi, u kull pass falz li jagħmlu, għandu jkun mikxuf, għaliex hekk għandu jkun. Ngħid għalija, jiena ma naqbilx li jkun hemm aktar proċeduri kriminali, kif osserva tant tajjeb il-Maġistrat Francesco Depasquale. Ngħid għalija, nemmen li riforma fil- liġi tal-libelli żgur trid issir. Ma naqbilx li għandhom jiżdiedu d-danni, għaliex f 'Malta għandna gazzetti li b'erba' kundanni, jagħlqu. Iżda min-naħa l-oħra l-ġurnalisti, tal-inqas dawk li ma jappartjenux lil djar ta' pubblikazzjonijiet ta' xi partit poltiku, tassew għandu jkollhom għadu wieħed: in- nuqqas ta' verità, politiċi diżonesti u ma joffendux d-dinjità tal-persuna tal-individwu jew juru odju sal-punt li anke jispiċċaw difetti fiżiċi. Dawn issibhom fuq iż-żewġ naħat u mhux f 'Partit wieħed biss. Naf li s-Sinjura taqbel miegħi fuq dan il-punt għaliex kieku x'ġurnalist int, jekk taqbel li naħa hija tajba u oħra le b'mod aprioristiku? Konvintissimu li s-Sinjura mhix hekk. Li toqgħod tgħajjar lill-politiċi ta' partit għaliex jidher ċar li inti ma taqbilx miegħu, b'xagħarhom, snienhom, marthom u anke b'uliedhom u nieshom, għalija mhux ġurnaliżmu kif tixtiequ s-Sinjura Daphne Caruana Galizia. Li tinsulenta lil min għadha kemm mititlu martu, billi tfakkar lill-armel, li l-kadavru tagħha għadu sħun, dan kollu għaliex sab imħabba oħra, ma naħsibx li huwa t-tip ta' ġurnaliżmu li trid is-Sinjura Daphne Galizia. Kieku nagħtu kas dak li qalet, kieku m'aħniex f 'hiex qegħdin. Li tagħmel kummenti omofobiċi dwar l-ewwel President mara, meta mhux biss kesħet fil-qabar, iżda llum anqas l-għadam tagħha ma għadu jeżisti, ma naħsibx li huwa t-tip ta' ġurnaliżmu li trid din is- Sinjura. Li tistimattizza lill-politiċi u partitarji ta' Partit partikolari b'kumment miżantropiċi, żgur li ma tridux. Ma naħsibx li li huwa x-xorta ta' ġurnalizmu li trid din il-mara. Li tfajjar l-aġġettiv 'korrotti', anke fil-konfront tal- ġudikatura għaliex ma taqbilx ma xi sentenza, żgur mhux it-tip ta' ġurnaliżmu li trid din il-persuna. Ċertu ġurnaliżmu mimli gideb u insinwazzjonijiet imnissla minn preġudizzji politiċi kissru familji, ħarbtu impjiegi u ħarbtu negozji. Ħafna drabi, id-dnub mejjet tal-persuna li tkun fil-mira tal-ġurnalisti, ikun li jappoġġja Partit u mhux ieħor. L-agħar xorta ta' ġurnalisti huma dawk li jkunu qegħdin joperaw 'under cover' bħala impjegati ma' dar tal-istampa li huma indipendenti, fejn anke min jaħdem magħhom ma jkunx jaqbel magħhom. Dawk it-tip ta' ġurnalisti, li l-ispag tagħhom jinġibdu mhux minn min jimpjegahom, iżda minn djar u ċentri politici. Dawk il-ġurnalisti li t-tip tagħhom tikkritika tant tajjeb is-Sinjura Daphne Carauna Galizia, joperaw mhux minn wara s-swar, iżda minn ġewwa ż-żwiemel ta' Trojja. Il-prietki tajbin. Il-predikaturi hemm bżonnhom. Dawk li jipprietkaw il-kastità, ma jistgħux jinżlu minn fuq il-pulptu u kif isibu rwieħhom waħedhom fiċ- ċella, jagħmlu kull xorta ta' att libidinuż. Ħudu paċenzja, fakkruni daqsxejn lil min kelli nsellem! Insellimlek Salvu "Li tgħajjar lill-politiċi ta' Partit għaliex jidher ċar li int ma taqbilx miegħu, b'xagħarhom, snienhom, marthom u anke b'uliedhom u nieshom, għalija mhux ġurnaliżmu kif tixtiequ s-Sinjura Caruana Galizia" Toni AbelA