Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/591009
Il-Ħadd 25 ta' Ottubru 2015 | illum 23 Editorjal ILLUM, MedIaToday LTd, VjaL Ir-rIĦan, San Ġwann SĠn 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Ix-xahar tal-vjola, r-roża u s-silenzju I x-xahar ta' Ottubru, li issa beda riesaq lejn it-tmiem tiegħu, mhux xahar bħall-oħrajn. Huwa differenti għax matulu, popli minn madwar id- dinja huma mitlubin biex jieqfu ftit u jaħsbu dwar persuni, bnedmin bħalna li għaddew jew għaddejjin minn esperjenzi li jistgħu qed itaqqluhom, li jistgħu qed ikissrulhom l-istima tagħhom infushom u li jistgħu qed iħalluhom isofru f 'silenzju li jtarrax. Fil-fatt, Ottubru huwa x-xahar li jfakkarna fi tliet kankri, lkoll kemm huma qerrieda u lkoll iseħħu wara ħajt ta' silenzju. L-ewwel huma l-vjolenza domestika u l-ibbuljar, li niftakruhom matul Ottubru permezz tal-kulur vjola. Il-vjolenza domestika mhix żball, mhix att li tiġri darba f 'iżolazzjoni u ċertament mhi qatt skużabbli. Il- vjolenza domestika hija ċirku vizzjuż li ħalla warajh nisa kif ukoll irġiel taħt salib tqil ta' problemi fiżiċi u psikoloġiċi, li xi kultant tant jitqal, li jċedu taħtu. Definittivament mhux qed ngħiduh aħna dan, qalitu u għadu jidwi sal-lum, kliem il-psikologa Amerikana li waqqfet l-Istitut kontra l-Vjolenza Domestika fl-Istati Uniti, Leonor E. Walker meta kienet ħarġet bit-teorija taċ-ċiklu ta' vjolenza domestika. Dan iċ-ċiklu jinvolvi l-istadji kollha li tgħaddi minnhom vittma ta' abbuż, mill-perjodu ta' fejn l-agressur jipprova 'jixtriha' lura, għall-perjodu ta' fejn ir-relazzjoni tibda tidher daqs li kieku qatt ma tista' tkun daqshekk soda u sabiħa. Sakemm, inevitabbilment, jerġa' jibda l-abbuż psikoloġiku, l-impożizzjoni tal- kontroll, it-tgħajjir, l-għira, imbagħad is-swat. Ejja ma ninsew qatt li hemm min għaddej minn dan iċ-ċirku vizzjuż li jgħolli persuna sakemm jixtriha, imbagħad isabbatha biex jikkontrollaha. Ejja ma naċċettaw qatt, bħala individwi, bħala komunità u bħala pajjiż li l-vjolenza domestika mhi aċċettabbli qatt. Ejja nużaw dan ix- xahar, u x-xhur u snin li ġejjin biex niġġieldu kontra l-omertà u nkissru din l-aggressjoni. F'dan ix-xahar niftakru wkoll f 'dak li qed jiġu bbuljati u f 'min jibbulja wkoll. Għax jekk il-vjolenza domestika hija ċirku vizzjuż, hekk ukoll huwa l-ibbuljar. Bħall-vjolenza domestika, l-ibbuljar huwa l-impożizzjoni ta' poter psikoloġiku fuq persuna oħra, għax l-aggressur iħoss li b'dan il-mod biss jista' jkun aħjar u jista' jkun suċċess. Għalkemm, iva, jeħtieġ naraw x'inhu l-għerq ta' din il-problema u, iva, jeħtieġ nifhmu u nsolvu problemi li jistgħu qed iwasslu biex l-agressur ikun vjolenti, kemm fil-każ tal-ibbuljar kif ukoll fil-każ ta' vjolenza domestika, ma nistgħu qatt ninsew lill-vittma. Il-vittma jibqa' fiċ-ċentru tal-attenzjoni kollettiva tagħna u tal- bżonn li dan il-pajjiż ikollu xibka b'saħħitha li tilqa', twieżen u fl-aħħar mill- aħħar tagħmel ġustizzja ma' dawk li qed isofru fis- silenzju. Imma x-xahar ta' Ottubru huwa x-xahar li matulu niftakru wkoll f 'dawk in-nisa li għaddew jew għaddejjin mill-esperjenza kerha tal-kanċer tas-sider. Ta' min ifakkar li l-kanċer tas-sider huwa l-aktar forma ta' kankru komuni u qerriedi fost dawk in- nisa ta' 'l fuq minn 30 sena. Huwa magħruf ukoll bħala l-'qattiel silenzjuż' minħabba li mhux neċessarjament jipproduċi sintomi ċari għall-bidu. Għalhekk, bħalissa qed ikun hemm riklami kontinwi li jfakkru lill-mara biex tagħmel screening ħalli tkun dejjem ċerta li jekk ikun hemm bżonn ta' kura u trattamenti, dawn isiru mill-aktar fis. Inħeġġu lin-nisa kollha biex jiftakru li screening illum, jista' jsalvalhom ħajjithom għada. Għalhekk dan ix-xahar huwa speċjali u għalhekk inħossu, bħala gazzetta, li kellna niddedikaw l-aħħar editorjal tax-xahar lil dawk il-vittmi kollha hemm barra li jinsabu bla vuċi, għax forsi ttieħditilhom. Minn hawn nixtiequ nagħtuhom il-kuraġġ biex iqumu u jkunu assertivi, biex għada għalihom ukoll, jisbaħ jum aħjar.