Illum previous editions

ILLUM 12 June 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/691407

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 35

Il-Ħadd 12 ta' Ġunju 2016 | illum Opinjoni 11 Storja qasira tal-liġijiet tal-kera f 'pajjiżna M eta l-awtoritajiet kolonjali (ergo Sir Adrian Dingli) ippromulgaw il- Kodiċi Ċivili fl-1868, is-suq tal-kera tħalla ħieles għal kollox. Ftit kienu r-restrizzjonijiet fuq il-libertà kuntrattwali tal-partijiet: meta jiskadi t-terminu tal-kera, is-sid seta' faċilment jgħolliha jew ma jġeddidx il-kera. Madankollu, jekk ħadd mill-partijiet ma kien jiċċaqlaq, il-kera kienet tiġġedded awtomatikament. Wara l-ewwel gwerra, pajjiżna beda jesperjenza fenomenu ġdid: dak tal- inflazzjoni. Il-kirjiet bdew jogħlew b'rata mgħaġġla u kibret il-pressjoni fuq il-Parlament żagħżugħ Malti sabiex jaġixxi. Fl-1925, gvern Nazzjonalista għadda l-ewwel liġi intiża sabiex tikkontrolla ż-żidiet fil-kera billi mpona arbitraġġ fejn ma jkunx hemm qbil dwar iż-żieda fil-kera. Meta fl-1927 tela' fil-poter il-gvern tal-Compact, il-Partit Laburista ta' Pawlu Boffa li kien 'junior partner' mal-partit Kostituzzjonali ta' Gerald Strickland insista fuq kontroll tal-kera aktar riġidu. Bil-liġi li għaddiet fl-1929, is-sidien ma setgħux jirrifjutaw li jġeddu l-kera jew li jgħolluha mingħajr il-permess tal-Bord tal-Kera. U ma kienx faċli li ġġib tali permess. Barra minn hekk, il-liġi żżomm il-Bord milli jgħolli l-kera b'aktar minn 40% mill-kera ġusta f 'Awwissu 1914, jiġifieri meta l-Imperu Brittaniku ddikjara gwerra lill-Ġermanja u lill-Awstrija. Strickland kien laqa' għall-kritika tan-Nazzjonalisti dwar din il-liġi billi qal li din hija miżura temporanja għal sena jew sentejn, sakemm is-suq tal- kera jistabbilizza ruħu u wara, kollox jitreġġa lura. Sir Ugo Mifsud, wieħed mill-mexxejja tan-Nazzjonalisti, kien ikkritika bl-aħrax din il-liġi ġdida u stqarr li l-Maltin kienu jħobbu jinvestu fil-ġebla u kienu se jitgerrxu milli jagħmlu hekk għax ma jkunux jistgħu jikru liberament. Din il-liġi mbagħad ġiet promulgata mill-ġdid fl-1931mill- awtoritajiet kolonjali u għadha magħna sal-lum. Il-liġi baqgħet hemm u ġiet il-gwerra li ġabet magħha nuqqas kbir ta' djar. Fl-1944, l-awtoritajiet kolonjali ppromulgaw l-ordinanza li trażżan il-kera fuq id-djar. L-iskop tagħha kien ukoll li jrażżan iż-żieda fil-kirjiet fi żmien ta' skarsezza kbira ta' djar u l-kirjiet ma kellhomx jaqbżu l-kirja ġusta li l-Uffiċċju għall-Valutazzjonijiet tal-Artijiet kien jiffissa. Fir-rigward ta' dar qadima (jiġifieri dar li tkun tlestiet qabel il-31 ta' Marzu 1939), tali kirja kellha tkun skont il-kirja ta' djar simili fl-istess lokalità li dan l-Uffiċċju kien jistabilixxi. Fir-rigward ta' djar ġodda, il-kera kellha tiġi ffissata mill-Bord tal- Kera biex tirrifletti 3% tal-valur tal-art u 3.25% il-valur tal-benefikati. Din il-liġi llum intesiet għal kollox għalkemm għadha hemm. Mid-dehra, fl-Uffiċċju għall-Valutazzjonijiet tal- Artijiet hemm ħafna dokumentazzjoni dwar id-djar u l-kirjiet tal-epoka. Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet fuq is-suq tal-kera kellhom l-effett li kien ippreveda Sir Ugo Mifsud u l-Maltin ma baqgħux jinvestu fil- ġebla. Ir-riżultat kien li l-provvista ta' postijiet sabiex jinkrew iffjakkat ħafna. Madankollu, l-ebda gvern Malti ma kellu l-kuraġġ li jirrevoka l-liġijiet speċjali tal-kera. Kienu l-awtoritajiet kolonjali li fl-1959 ippromulgaw ordinanza li tiddekontrolla d-djar. Bis- saħħa ta' din l-ordinanza, kull min kien jibni dar ġdida kien ikun ħieles mill- kontrolli imposti bl-ordinanzi tal-1931 u l-1944. U s-suq tal-kera reġa' stejqer. Fl-1979, il-gvern Laburista reġa dawwar l-arloġġ u mpona fuq il- postijiet dekontrollati l-istess tip ta' limitazzjonijiet fuq it-tiġdid u ż-żieda fil-kera li kienu daħlu fl-1929. U erġajna koppi. Barra minn hekk, fejn kellek ċens temporanju, il-leġiżlatur ta l-opportunità liċ-ċenswalist li jdawwar iċ-ċens f 'kirja jew f 'ċens perpetwu skont il-każ. Effettivament, il-leġiżlatur qatel l-istitut taċ-ċens kif ukoll is-suq tal-kera. Kellhom jgħaddu ħmistax-il sena qabel ma gvern Nazzjonalista lleġila xi ħaġa li kienet ovvja u setgħet daħlet qabel: il-liġijiet speċjali tal-kera ma baqgħux jgħoddu għall-kirjiet ġodda li jsiru wara l-1 ta' Ġunju 1995. Issa s-suq tal-kera ilu totalment liberalizzat għoxrin sena u fejn fil-bidu l-qafas legali ġdid ma tantx kellu effett, illum is-sitwazzjoni nbidlet sew. Bosta propjetajiet qed jinbnew bl-iskop li jinkrew u ovvjament, dan qed iħalli effett fuq is-suq tal-bini wkoll. Madankollu, is-sitwazzjoni tal-kirjiet ta' qabel l-1995 għadha ma ġietx indirizzata kif suppost. L-emendi tal-2009 li saru bi qbil taż-żewġ naħat tal-Kamra mhumiex adekwati. Fil- fatt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem diġà ppronunzjat ruħha li ż-żidiet li saru b'dawn l-emendi fir-rigward tal-postijiet residenzjali u kummerċjali mhumiex adekwati. Ma ndumux ma l-Qorti Kostituzzjonali tagħna tibda ssegwi fuq dawn il-passi. Il-Qorti Kostituzzjonali ppronunzjat ruħha l-aktar riċentement fis-27 t'April li għadda u f 'żewġ każijiet, filwaqt li naqset il-kumpens li l-ewwel qorti kienet iffissat, ordnat lill-inkwilini biex joħorġu mill-post in kwistjoni. Dak li bosta, inkluż il-politiċi, kienu jgħidu li mhux se jsir, qed iseħħ u n-nies qed jispiċċaw fit-triq. Effett ieħor tal-emendi tal-2009 kien li żdiedet il-pressjoni fuq il-Bord tal-Kera li issa jrid jiddeċiedi kwalunkwe ħaġa li għandha x'taqsam ma' kuntratt ta' kera. Din ma kinetx mossa għaqlija għaliex issa anke jekk trid tiġbor l-arretrati tal- kera, trid tmur il-Bord. U r-riżultat hu li l-Bord hu mifni bix-xogħol u flok ma qed ikun spedit kif kienet l-intenzjoni oriġinali, trid tagħmel wegħda biex tieħu sentenza. Imma quddiem din is-sitwazzjoni, kulħadd jidher kuntent. Il-leġiżlatur mhu qed jagħmel xejn sabiex jindirizza l-kwistjoni tal-kirjiet il-qodma b'mod u manjiera li verament issir ġustizzja mas-sidien u fl-istess ħin, in-nies ma jispiċċawx fit-triq. Għax ħa niftehmu sew, il-liġijiet speċjali tal-kera wettqu bosta inġustizzji li ma ġewx adekwatament indirizzati. Naf b'każ pjuttost estrem fejn propjetarju ta' appartament dekontrollat jinsab f 'dar tax-xjuħ għax m'għandhux mezzi biex jgħix indipendentement mentri l-appartament tiegħu huwa mikri biċ-ċiċri. L-inkwilin lanqas irid jagħtih iż-żieda li suppost jagħtih skont il-liġi. Min irid li ssirlu ġustizzja, irid bil-fors imur il-Qorti li qiegħda tkun ferm aktar sensittiva għad-drittijiet tas-sidien wara snin li fihom dawn id-drittijiet ma tantx kienu rikonoxxuti. M'hemmx dubju li dan huwa l-aktar mertu tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mhux tal-Qorti Kostituzzjonali tagħna. Tajjeb li wieħed isemmi li l-Qorti Kostituzzjonali issa qiegħda tillimita l-kumpens li l-istat ikollu jħallas lis-sidien minħabba ksur tad-drittijiet tal-bniedem imma qiegħda tordna t-tmiem tal-kera. Għal xi żmien kien qed jidher li l-inerzja tal-Istat sabiex jirranġa l-liġijiet antiki tal-kera kienet se tiswieh qares minħabba l-kumpensi pjuttostt għoljin li kienu qed jingħataw imma donnu xi widna nġibdet u l-Qorti Kostituzzjonali issa bdiet tħenn aktar għall-istat u l-ammont ta' kumpens tbaxxa sew. Wieħed lanqas jifhem għala l-kumpens għandu jingħata biss mill-istat. Jekk inkwilin gawda minn post għal snin twal minħabba l-liġijiet speċjali tal-kera, għandu jkun hu li jħallas kumpens, mhux l-istat. Din il-gazzetta, dan l-aħħar qed tqajjem regolarment il-kwistjoni taż-żidiet ta' dawk il-kirjiet ta' wara l-1995. U sewwa tagħmel li jsemmi l-argumenti ta' min qed jipproponi miżuri bħalma issa daħlu fis-seħħ f 'bosta bliet Ewropej bħal Pariġi u Berlin u anke ta' min hu kontra. Anke l-kap tal-Partit Laburista Ingliż, Jeremy Corbyn qed iwiegħed kontroll fuq il-kirjiet jekk jitla' fil-Gvern. Naqbel mal-avukat Kurt Xerri li l-Gvern huwa obbligat li jintervjeni sabiex jikkalma s-suq tal-kera imma mhux bil-mod kf jixtieq hu jew Yana Mintoff. Irridu nitgħallmu mill-esperjenza tal-1929 u tal-1979 u ma rridux neqirdu s-suq tal-kera. U fl-aħħar mill-aħħar, tali miżura li tirrestrinġi s-suq tal- kera żgur se jkollha riperkussjonijiet elettorali li kif rajna, kulħadd joqgħod attent minnhom. Is-soluzzjoni, fl-opinjoni tiegħi, għandha tkun fl-użu aktar razzjonali tar-riżorsi li għandna. Sabiex tikkalma l-kirjiet, hemm bosta modi kif tipprovdi aktar djar għall-kiri. Mod li ma tajniex każu biżżejjed hu l-użu ta' propjetà li titħalla vojta. Il-Gvern għamel xi żmien jikri blokok ta' appartamenti sabiex imbagħad jinkrew lil min jikkwalifika għall-kirja sussidjata imma għal xi raġuni li ma fhimtx, dawn l-iskemi mid-dehra twaqfu. Il-pajjiż irid jirrikonoxxi li min iħalli propjetà vojta qed jikkawża ħsara ekonomika lis-soċjetà. Għaldaqstant, ikun f 'loku li tidħol taxxa fuq tali propjetà vojta. Mid-dħul b'din it- taxxa, l-istat jista' jissussidja l-kirjiet ta' min hu verament fil-bżonn. Din it-taxxa għandha tkun ikkalibrata skont il-lokalità għaliex id-domanda għall-kirjiet tvarja minn post għall- ieħor u għandu jkun hemm postijiet fejn lanqas biss tiġi imposta. F'kelma waħda, tali taxxa għandha tiġi imposta biss fejn id-domanda għall-postijiet sabiex jinkrew hija tant għolja li l-kirjiet qed jisparaw. Imma biex timponi tali taxxa mhix ċajta. Dan il-pajjiż qiegħed fl-istat skandaluż li għad m'għandhux reġistru tal-art u għalhekk, il-gvern mhuwiex f 'pożizzjoni li jkun jaf min huma l-propjetarji ta' postijiet vojta. Filwaqt li nsibu flus sabiex intajru fuq bosta affarijiet, ir-reġistru tal-art li ilu jissemma mill-1945 għadu s-Cinderella tad-dipartimenti tal-Gvern. Sabiex ikollok użu razzjonali tal-kapital mibni, bilfors irid ikollok reġistru tal-art effiċjenti u komprensiv. Huwa nuqqas kbir tal-politika nazzjonali li mhux tingħata l-importanza meħtieġa lil dan ir-reġistru. Bħalma fl-1944, l-Ingliżi waqfu l-Uffiċju għall-Valutazzjonijiet tal- Artijiet sabiex iżomm informazzjoni dwar il-kirjiet, ir-Reġistru tal-Art jista' jaqdi tali rwol. Għaliex ovvjament, post li jibda jinkera ma jibqax aktar suġġett għat-taxxa. B'hekk, tikber id- disponibbiltà ta' postijiet li jinkrew u għandhom jikkalmaw il-kirjiet. Allaħares ma nitgħallmux mill-iżbalji tal-passat. Imma dan ma jfissierx li l-istat idawwar wiċċu n-naħa l-oħra u ma jagħmel xejn. L-intervent tal-istat għandu jkun immirat u intelliġenti, ibbażat fuq miżuri fiskali u ferm differenti mill-metodi goffi tal-passat. JOE ELLIS "Propjetarju ta' appartament dekontrollat jinsab f 'dar tax-xjuħ għax m'għandhux mezzi biex jgħix indipendentement mentri l-appartament tiegħu huwa mikri biċ- ċiċri"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 12 June 2016