Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/691407
Il-Ħadd 12 ta' Ġunju 2016 | illum Sports 29 'Għadni ma nistax nemmen li għamilt l- ewwel pass li nilgħab barra minn Malta' JEKK kien hawn futboler Malti partikolari li fl-aħħar xhur, ġarr il- bandiera Maltija b'ċertu unur u kburija barra minn xtutna, m'hemmx dubju li dan kien il-plejer internazzjonali Zach Muscat, li riċentament kien qed jilgħab bil-flokk tat-tim ta' Akragas li jirrapreżenta l-belt ta' Agrigento fi Sqallija u li jimmilita fil-Girone C tal-Lega Pro fl-Italja. Din il-gazzetta għamlet kuntatt ma' Zach Muscat innifsu, fejn bħal dejjem kien mill-aktar disponibbli għalina u tana dawn il-kummenti rigward dak li għadda minnu f 'dawn l-aħħar xhur li fihom lagħab ma' Akragas, fejn barra mil-lat kalċistiku kiber f 'aspetti oħra f 'ħajtu, fosthom fl- istudju u anki fil-fidi kbira tiegħu f 'Alla, permezz tal-istudju tal-Bibbja, fejn huwa sieħeb komunità fi ħdan it-tim ta' Akragas stess, u li permezz tagħha kompla japprofondixxi l-għarfien tiegħu fil- Kelma t'Alla. Muscat qal li, "Għadni sa din is-sekonda ma nistax nemmen li għamilt l-ewwel pass li nitlaq nilgħab barra minn Malta. Din ma kienet faċli xejn, iktar u iktar meta tara l-post fil-klassifika li bdejna fih, u iktar minn hekk minħabba li wara ftit żmien bħala plejers inbidlilna l-kowċ u l-istaff tekniku. Però, esperjenza li tiswini mitqlu deheb mil-lat ta' ħajja independenti kif ukoll għall-ħajja iebsa u xi kultant ta' solitudni kbira ta' plejer tal-futbol. Mill-pjazzament ta' qabel tal-aħħar f 'Jannar li għadda, irnexxielna nagħmlu dak li ħadd ma stenna u wasalna għall- permanenza għal sena oħra tal-klabb fil-Lega Pro. Tqis li s-'set up' kien ta' tim għadu tiela' mis- Serie D b'finanzi xejn straordinarji u iktar minn hekk kellna ħames punti penalizzazjoni, tant kemm kienet xi ħaġa kbira li spiċċajna kkumparati mar-Roma fis-Serie A fiż- żmien fejn konna l-uniċi żewġ timijiet għaddejjin b'sitt rebħiet wara xulxin. Li tilgħab f 'kampjonat daqshekk professjonali, tgħix il-ħajja ta' plejer kull sekonda, il-fixtures 'home' u 'away' u tilgħab quddiem 5,000, 10,000 u anke 13,000 ruħ, ġimgħa wara l-oħra kienet ta' appoġġ kbir għalija li qed nagħmel verament l-ewwel pass fil-futbol professjonali. Fil-grawnd, grazzi għall- ħidma kbira mat-tim u anke b'mod personali, inħossni li kbirt kemm tattikament, teknikament kif ukoll u speċjalment fiżikament. Nifhem ħafna iktar il-logħba tal- futbol u sirt iffissat ta' veru! Ma nistax ma nsemmix b'mod speċjali wkoll l-ispiritwalità, li nemmen li għenitni wkoll barra l-grawnd, fejn b'indipendenza assoluta titgħallem tfendi ghal rasek f 'kull ħin u ġurnata però fis-solitudni sibt ukoll lill-Mulej. Nieħu gost ngħid u niftaħar għaliex b'hekk nuri l- kuntentizza tiegħi li rnexxieli nsib paċi u ferħ mal-Mulej u fuq kollox hija l-Kelma li naqra li tmexxini biex naqsam l-avventura u t-twemmin tiegħi. Sibt ukoll familja spiritwali fit- tim fejn saħansitra konna norganizzaw bejnietna li niltaqgħu naqraw u niddiskutu l-Bibbja ġurnata qabel il-logħob. Fuq kollox nista' ngħid li din kienet esperjenza li verament saħħitni minn kull aspett u ma nixtieqx inħares lura fis-sens li nixtieq nużaha bħala l-ewwel tarġa fejn inkompli nikber u nissaħħaħ bħala uman biex intejjeb il-ħajja ta' barra l-grawnd li b'hekk awtomatikament titjieb il-prestazzjoni ġewwa l-grawnd li tirrifletti l-ħajja ta' kull plejer kif jitratta l-professjoni tiegħu," temm jgħid Zach Muscat. Keith Galea jibqa' l-ewwel fis-Sicily Triathlon Series IĊ-CHAMPION ta' Malta tad-duathlon u t-triathlon, Keith Galea, riċentament ħa sehem fit-tielet tellieqa tas-Sicily Triathlon Series li saret ġewwa Augusta fir-reġjun ta' Siracusa. Bħat-tlielaq li għaddew ħadu sehem atleti ta' ċertu kalibru fosthom l-atleti professjonali Ennio Salerno u Enrico Schiavino. Galea kellu għawma tajba ħafna fejn irreġistra l-aqwa ħin personali imma l-organizzaturi għamlu l-għawma itwal milli suppost u dan ħadem kontra Galea għax l-ewwel grupp tela' qabel Galea iktar kmieni mis-soltu. Galea ħareġ mill-ilma fis- seba' post u grazzi għall- prestazzjoni tajba ħafna fuq ir-rota, tela' fit-tielet post. Huwa għamel minn kollox biex inaqqas l-iżvantaġġ li kellu mal-lijders tat-tellieqa imma peress li kienu tnejn bdew jaħdmu flimkien u Galea sfortunatament ma sab lil ħadd mat-triq biex ikun jista' jaħdem miegħu. Galea beda l-ġirja flimkien ma' Schiavino li huwa r-rivali prinċipali għar-rebħ tas-serje. Galea għamel minn kollox biex jaqta' lil Schiavino imma l-effetti tal-isforzi li għamel fuq ir-rota beda jħosshom. Huwa pprova jaqtgħu fit- tlajja' imma l-attakki ma kinux effettivi. Schiavino, ħalla kollox għall-aħħar 500 metru biex spiċċa fit-tielet post b'Galea kellu jikkuntenta bir-raba' post imma xorta waħda għadu l-ewwel fil-klassifika ġenerali. Ikkuntattjat minn dan il-ġurnal wara t-tellieqa Galea qal li jinsab sodisfatt bil-prestazzjoni tiegħu speċjalment bl-għawma fejn irreġistra l-aqwa ħin personali imma l-għawma kienet twila kilometru flok 750 metru, u dan kien ta' żvantaġġ għalih għax peressli kienu għawwiema tajbin ħafna kellhom vantaġġ ikbar fuq Galea fejn is-soltu u dan ikkomprometta l-kumplament tat-tellieqa. Huwa għamel minn kollox biex inaqqas id-distakk fuq ir-rota imma l-fortuna ma kinitx favurih. Meta t-tlielaq ikunu 'drafting' u titlef ċertu ammont tal-ħin fl-għawma, huwa diffiċli biex tnaqqas id-distakk. Kieku d-distanzi kienu kif suppost kienet tkun storja differenti. Fl-aħħar nett, Keith Galea, xtaq jirringrazzja lill-kowċ tiegħu Dermot Galea, lill- kowċ tal- għawm tiegħu, Catalin Stan, lill-familja kollha tiegħu, lill-isponsors tiegħu Garmin Malta, BBB Cycling Malta, Jaycee Malta, Team Barry Malta International Challenge Marathon, Lucida Laundry, DGtri,com, Mochika Outdoor Life, Starbene 24/7, lill-klabb tiegħu Birkirkara St Joseph, lill- Malta Triathlon Federation, lill-Kumitat Olimpiku Malti u lil SportMalta tas-sapport kontinwu li huma jtuh. Keith Galea fuq il-podju fl-ewwel post fi Sqallija