Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/691407
illum Il-Ħadd 12 ta' Ġunju 2016 Sports 30 Danica Bonello Spiteri fl-aqwa tagħha L-ISTAĠUN tat- triathlon bħalissa jinsab fl-aqwa tiegħu kemm f 'Malta kif ukoll f 'livell internazzjonali, kif preċiżament tinsab l-atleta ewlenija Maltija Danica Bonello Spiteri, li għal darb'oħra reġgħet bdiet bl-impenji tagħha fuq livell internazzjonali u saħansitra bdew ġejjin ir-riżultati wkoll. Bonello Spiteri għat- tielet sena marret Spanja tikkompeti mal-klabb CTOA ta' Madrid, fejn hija l-mara ewlenija fit- tim tagħha fil-kategorija Elite. Kien hemm żewġ tlielaq tal-kampjonat nazzjonali ta' Spanja mifruxin fuq jumejn. L-ewwel tellieqa kienet fuq distanza ta' sprint triathlon, fejn kull tim ikollu bejn erba' sa sitt atleti li jibdew it-tellieqa flimkien, iżda jridu jispiċċaw mill-inqas erba' atleti tal-istess tim flimkien. Din it-tip ta' tellieqa tinvolvi ħafna 'team work' fejn Bonello Spiteri irnexxielha żżomm it-tim magħqud kemm jista' jkun sal-aħħar linja. It-tim CTOA spiċċa fis- seba' post fil-Kategorija Elite. L-għada t-triathlon kienet f 'forma ta' relay fuq distanza super sprint (300m għawm, 8km rota, 1.6km ġiri), fejn kull tim ikollu tliet atleti u kollha jridu jagħmlu d-distanza, wieħed wara l-ieħor f 'forma ta'relay. Bonello Spiteri kienet l-ewwel atleta li bdiet, u warajha kien hemm l-atleti Angela Tejedor u Patricia de la Llave, li reġgħu spiċċaw fis-seba' post fil-Kategorija Elite. Dan kien il-kampjonat nazzjonali ta' Spanja tar-relays. Il-Kampjonati Ewropej tat-triathlon (road) kienu ġimgħa wara t-tlielaq ta' Spanja, u seħħew f 'Lisbona, il-Portugal. Bonello Spiteri ngħaqdet mal- kumplament tat-tim nazzjonali Malti tat- triathlon, fejn ħadet sehem f 'żewġ tlielaq - l-isprint triathlon, u t-triathlon fuq distanza Standard (Olympic – 1.5km għawn, 40km rota, 10km ġiri). Fl-isprint triathlon, Bonello Spiteri ma kinitx kuntenta bil- wirja tagħha, u daħlet fir- raba' post, 16-il sekonda 'l bogħod mit-tielet post fil-kategorija age group 35-39 sena, kif ukoll fit- 12-il post overall. "Qatt ma ħassejt li ġejt f 'tiegħi kemm fuq ir-rota, kif ukoll fil-ġiri. Mhux soltu tiegħi jiġri hekk, iżda dawn affarijiet li jiġru. Fil-fatt, il-ħinijiet huma pjuttost medjokri meta nqis kif niġri s-soltu, u jiddispjaċini li ma ġibtx medalja oħra għal Malta," saħqet Bonello Spiteri f 'kummenti li għaddiet lil dan il-ġurnal. Iżda Bonello Spiteri mhijiex waħda li toqgħod tinkedt fuq tellieqa, u mal-ewwel bdiet tiffoka fuq it-tellieqa Standard li seħħet jumejn wara. "Kont naf li saqajja kienu ħa jkunu tajbin ħafna fl-istandard triathlon, u mal-ewwel ħriġt fl-għawma b'ritmu mgħaġġel. Fir-rota u l-ġirja bqajt għaddejja kif nagħmel is-soltu u kont naf li kont f 'pożizzjoni tajba. Kif qsamt il-linja finali u sirt naf li rbaħt il-kategorija tiegħi ('age group' 35-39 sena), kif ukoll fil-ħames pożizzjoni minn madwar 225 mara, fraħt ħafna. Medalja tad-deheb u titlu ta' Kampjonessa Ewropeja tpatti ferm għat-tellieqa ta' qabel. Fil-fatt, f 'din it- tellieqa, għaddejt lill-istess atleti li kienu għaddewni fit-tellieqa ta' jumejn ilu. Anki l-ħinijiet kienu ferm aħjar u juru aħjar il-forma li ninsab fiha bħalissa. Nixtieq bħal dejjem nirringrazzja lil dawk li qed jgħinuni f 'dan l-istaġun: People and Skin (Dr Joanna Delia), Malta Triathlon Federation u Flexischeme. Hemm ukoll atleti oħrajn li nitħarreġ magħhom regolari u filwaqt li nħobb ngħallem dwar it-triathlon, huma jgħinuni fit-taħriġ tiegħi." Fattur ieħor interessanti dwar Danica Bonello Spiteri hu li hija speċjalista fil-qasam tal-mediċina tal-isport u l-eżerċizzju. Bonello Spiteri taħdem Malta f 'dan il-qasam, iżda għandha wkoll irwol interessanti fl-Ingilterra. Fil-fatt hija t-tabiba tat- tim nazzjonali tan-nisa ta' taħt is-17-il sena. Bonello Spiteri kienet fil-fatt siefret barra minn Malta għal erba' snin sħaħ biex tispeċjalizza f 'dan il-qasam ta' mediċina, u tgħid li kienet fortunata ħafna li kif lestiet l-istħarriġ tagħha fl-Ingilterra u laħqet speċjalista kienet offruta ċertu xogħol mill-FA Ingliża, peress li tabib partikolari ma setax jattendi għal training camp. Hi mal-ewwel aċċettat u ftit wara ġiet offruta kuntratt biex taħdem ma' tim. "L-ewwel tim tan- nazzjonal Ingliż li ħdimt miegħu kienu dak ta' taħt is-17-il sena, u mill-ewwel laqatni l-mod professjonali ta' kif jaħdem l-istaff, kif ukoll l-atleti nfushom. Aċċettajt l-opportunità li naħdem ma' dan it-tim mal-ewwel, u issa ilni żewġ staġuni naħdem magħhom. Ix-xogħol jinvolvi li meta jkollhom training camps, tournaments jew xi kwalifikazzjoni tal-UEFA, jien inkun mat-tim mill-bidu sal- aħħar għal dak kollu li jista' jinqala'. It-tim, kemm l-atleti kif ukoll l-istaff draw li kull fejn immorru ħa nġib ir-rota miegħi. Inqum kmieni qabel nibdew ix-xogħol, jew waqt xi ħin ta' mistrieħ għall-atleti nara kif nagħmel biex nitħarreġ għat-triathlon. Mhuwiex faċli, peress li x-xogħol jinvolvi sigħat twal, mit-8am sal-10pm. Ġieli jinqalgħu problemi ta' saħħa anki bil-lejl allura trid tieħu ħsieb lil kulħadd. Ħafna drabi, kif inlesti l-ġurnata tax- xogħol, l-istaff jirrilassa u jgħid kelma flimkien, iżda jien ħafna drabi mmur dritt norqod, peress li l-għada nkun irrid inqum kmieni għat- taħriġ. L-istaff u l-atleti japprezzaw li avolja nkunu fuq xogħol, irrid nitħarreġ u saħansitra jieħdu interess u jsaqsuni kif inkun sejra fit-taħriġ tiegħi. Jien min-naħa l-oħra nħobb naqsam esperjenzi u informazzjoni bħala atleta mal-atleti tat-tim tal-futbol, u jidhru li japprezzaw dan u tgħinhom jikbru bħala atleti huma stess. Din is-sena, it-tim nazzjonali ta' taħt is- 17-il sena tal-Ingilterra kien involut fil-UEFA Tournament tal- Kampjonat Ewropew fil-Belarus, eżatt fit- tliet ġimgħat qabel il- kompetizzjonijiet tiegħi. Ma kinitx faċli għalija, iżda kont determinata li nibqa' nitħarreġ kif suppost. L-atleti tal-futbol kellhom ukoll jistudjaw għall-eżamijiet tal-A levels, allura fil-ħin tal- istudju tagħhom, kont nitħarreġ jien. Il-plejers kellhom jagħmlu xi eżamijiet waqt iż-żmien tat-tournament, u żgur ma kinitx faċli għalihom lanqas. Iżda fl-aħħar, irnexxielhom jirbħu medalja tal-bronż, meta spiċċaw fit-tielet post. Dan ifisser li f 'Settembru li ġej, ikkwalifikaw biex jilagħbu fit-Tazza tad- Dinja tal-Futbol tan-Nisa fil-Ġordan, biex saru l-ewwel tim tan-nisa li qatt irnexxielu jasal s'hawnhekk, u jien ninsab kburija ħafna bihom," temmet tgħid Danica Bonello Spiteri. Danica Bonello Spiteri tippoża bil- medalja tad-deheb li rebħet fil-kategorija tagħha f 'Lisbona, il-Portugal Ritratt: Cyprian Dalli