Illum previous editions

ILLUM 2 October 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/734028

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

illum | Il-Ħadd 2 ta' Ottubru 2016 20 Opinjoni K mieni fil-ħajja, fost in- numru ta' okkażjonijiet li jirreġistraw mument ta' importanza kbira, hemm żewġ okkażjonijiet li nqisuhom deċiżivi fil-ħajja ta' bniedem. Waħda minnhom hija għeluq is-sena ta' tarbija. B'xorti tajba ħafna, il- quċċija, it-tradizzjoni li tiċċelebra l-ewwel għeluq snin tarbija, dan l-aħħar donnha li reġgħet ħadet il-ħajja. Dakinhar jinġabru l-qraba tat-tarbija u f 'burdata ta' festa u flimkien jipprovaw jantiċipaw din il-ħlejqa x'se ssir la tikber. It-tarbija tkun għadha ma telqitx timxi iżda tkun drat sew titkaxkar 'l hemm u 'l hawn. Kulħadd ikun anzjuż iħares lejn it-tarbija titkaxkar lejn l-oġġetti skjerati lil hinn u taħtaf dak l-oġett li jissimbolizza l-impjieg jew il- professjoni li għad ikollha. Fl-immaġinazzjoni siekta tagħna, dak it-tkaxkir lejn l-oġġetti huwa l-ewwel mixja lejn il-futur, lejn il-ħajja ta' għada li jasal f 'daqqa mingħajr ma tintebaħ biż-żmien li jġorru. Imbagħad hemm okkażjoni oħra ta' importanza kbira: il-mument meta tarbija, ftit xhur wara l-quċċija, titlaq timxi waħidha mingħajr ma żżomm ma' mkien jew ma' xi ħadd. L-ewwel passi fuq par saqajn mhux sodi, huma l-mument meta l-bniedem jintebaħ bil-ħtieġa tiegħu li jkun liberu, li jkun huwa nnifsu, individwu partikolari li jista' jiffunzjona relattivament waħdu. Mhux ta' b'xejn li l-espressjoni Maltija li tiddeskrivi dal-mument hija "jitlaq jimxi": jitlaq, imur, isir indipendenti. Kienu dawn il-ħsibijiet li feġġew f 'moħħi din il-ġimgħa waqt il-filmat ta' numru ta' fkieren ċkejkna huma u jissaraw mar-ramel fi triqithom lejn l-ilma. Wara ġimgħat ta' stennija, dil-ġimgħa seħħ il-mument deċiżiv ta' dawn il-ħlejqiet li, kollox ma' kollox, huma pjuttost ħlejqiet imsejkna, b'ħajja li tippreżentalhom diversi sfidi iebsa. Fid-dlam ċappa, fis-skiet samm tal-lejl, sittin fekruna ċkejkna mxew, lebbtu, lejn il-baħar, posthom proprja; imxew lejn il-futur tagħhom, lejn ħajjithom. Fil-fatt, it-twelid tal-fkieren huwa l-oppost tat-twelid tal-bnedmin, li joħorġu mill-ilma biex isiru annimali terrestri minflok ma jitilqu mill-art ħa jersqu lejn l-ilma, imma hemm dan ix-xebh fid-deċiżjoni istintiva tal-ġirja lejn il-futur, lejn il-ħajja, il-mixja lejn. L-istess bħall-mixja tat-tfal lejn l-iskola. Għax anki din il-mixja timmarka mument importanti fil-ħajja ta' persuna. Ħafna minna jiftakru kemm raw tfal oħrajn jibku, jekk ma kinux huma stess li bkew malli resqu lejn dan il-bini li fejn kellhom iqattgħu snin sħaħ jitgħallmu. Mixja oħra li fl-aħħar mill-aħħar hija wkoll simbolu tal- mixja 'l barra mill-fosdqa, 'il bogħod mid-dar, minn djul l-omm. Sfortunatament, ħafna minna dejjem ħarisna lejn l-iskola bħala l-bank mnejn tiġbed, jew aħjar fejn jiddepożitawlek in-numri, is-somom, il-forom tal-verbi, il- konjugazzjonijiet strambi tal-verbi irregolari, is-sistemi mhux dejjem ġusti ta' premji u penitenzi, eċċetra. Iżda l-mixja lejn l-iskola, anki jekk, kif kienet l-esperjenza ta' ħafna minna, il-bini kien antik, ikrah jekk mhux ukoll deprimenti, hija mixja itwal u akbar minn hekk. Hija l-mixja li xi darba tinbidel f 'rikba ta' vann jew karozza tal-linja, sakemm mhux ukoll ta' rikba fil-karozza lejn il-bini tal-università. Biex imbagħad, forsi, għad terġa' timxi l-istess mixja lejn l-istess skola, did-darba żżomm id ibnek jew bintek u tara l-istess proċess ta' mixi li xi darba tkun imxejt int. Fil-ġenn tat-tip ta' ħajja klawstrofobika li ngħixu, speċjalment fuq gżira li issa se timtela bit- torrijiet għax hemm min jargumenta li għandu dritt li jimla l-ispazju bil-konkrit, ma nafux, jew insejna, is-sinifikat tal-mixi. Il-mixi sar isir fuq erba' roti, imwaħħlin fi sriebet ma jaqtgħux, fi kwalunkwe ħin tal- ġurnata, sriebet li jibdluna f 'magni li xogħolhom hu li jilmentaw, li jgergru, li jindannaw. Inkella, il-mixi sar isir għax hekk jgħidu t-tobba biex inżommu saħħitna, l-istess kif jgħidu l-esperti fuq il-programmi tar-radju u t-televixin biex inżommu l-figura. Il-mixi, fi kliem ieħor, sar isir għax hekk qalulna, mingħajr sinifikat u ħsieb, mingħajr l-ansjetà tat-tiftix u forsi l-gost tal-iskoperta, mingħajr l-idea ta' żvilupp. Toqgħod taħseb, it-tkaxkira lejn ġabra ta' oġġetti dakinhar tal-quċċija, il-mixja kollha skossi u waqgħat dakinhar li 'tlaqna nimxu waħidna', il-mixja ta' filgħodu (u fi żmieni ta' wara nofsinhar) lejn l-iskola, kellhom sinifikat li jisboq bil-kbir il-mixi tal-lum libsin it-tracksuit bil-mużika għaddejja f 'widnejna. IMMANUEL MIFSUD "Fil-ġenn tat-tip ta' ħajja klawstrofobika li ngħixu, speċjalment fuq gżira li issa se timtela bit-torrijiet għax hemm min jargumenta li għandu dritt li jimla l-ispazju bil-konkrit, ma nafux, jew insejna, is-sinifikat tal-mixi" Mixi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 2 October 2016