Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/734028
illum Il-Ħadd 2 ta' Ottubru 2016 Sports 32 Hannah Pace tkompli tikkonferma l-qawwa tagħha FRISKA mis-suċċess tagħha fil-Kampjonati tad-Dinja tal-Ironman 70.3 ġewwa l-Awstralja fejn kisbet it-tielet post fil-grupp tal-età tagħha, f 'dawn l-aħħar ġimgħat, Hannah Pace żiedet żewġ unuri oħra ma' dawk li rebħet matul din is-sena. Pace li ħadet sehem fis- Serje tal-Isprint Triathlon, organizzata mill-Birkirkara St Joseph Sports Club, rebħet it-titlu tal- Kampjonat Nazzjonali tal- Isprint Triathlon kif ukoll is-Serje. It-tlielaq saru fi triq il-Kosta, fis-Salina. Is-Serje tal-Isprint Triathlon kienet komposta minn erba' tlielaq miżmuma fuq distanza ta' 750 metru għawm, 20 kilometru fuq ir-rota u ġirja ta' ħames kilometri. It-tielet tellieqa tas- Serje kienet magħżula mill-Federazzjoni tat- Triathlon ta'Malta bħala l-Kampjonati Nazzjonali tal-Isprint Triathlon. Kif wieħed kien jistenna, il-Kampjonati Nazzjonali kienu se jkunu battalja interessanti għat-titlu bejn l-istess Pace, Michelle Vella Wood, rebbieħa tal- Kampjonat tas-sena 2015, iċ-champion nazzjonali Danica Bonello Spiteri, u l-atleta Margaret Seguna sabiex jieħdu wieħed mit- tliet postijiet fuq il-podju. L-għawma ta' 750 metru ġo baħar kalm rat lil Pace toħrog mill-ilma fil-ħames post fil-klassifka ġenerali u l-ewwel mara, f 'ħin ta' għaxar minuti u tletin sekonda, li kien l-aħjar ħin tagħha fuq iż-żewg tlielaq preċedenti. Fit-taqsima tar-rota, Pace u Bonello Spiteri, żammew posthom fuq quddiem b'taqtigħa mimlija strateġija u tattika sabiex jippruvaw jikkreaw distakk bejniethom. L-esperjenza ta' Bonello Spiteri u s-saħħa ta' Pace kienu jidhru meta huma kienu qegħdin jaqbżu lil xulxin kontinwament matul il- korsa ta' 20 kilometru u kienet Bonello Spiteri li daħlet qabel Pace ġewwa ż-żona ta' transizzjoni sabiex tibda l-ġirja ta' ħames kilometri. Il-battalja kompliet bis-saħħa fit-tielet dixxiplina tat-tellieqa permezz ta' ġirja ta' ħames kilometri madwar il-kosta spettakolari tas-Salina. Pace, li bdiet il-ġirja wara Bonello Spiteri, uriet determinazzjoni kbira, fejn hi ħarġet bis-saħħa kollha biex tilħaq lil Bonello Spiteri. Pace rnexxielha tegħleb lil Bonello Spiteri b'distakk ta' minuta u 49 sekonda. Fit-tielet post daħlet Michelle Vella Wood, li wriet titjib fuq il-ħinijiet tas-soltu. "Kienet battalja diffiċli u miġġielda sew ma' atletli ta' esperjenza kbira, kapaċità u determinazzjoni, atleti li bnew ħafna esperjenza fuq iċ-ċirkwit tat-Triathlon u dan irriżulta f 'taqtiegħa interessanti, kemm għalina l-atleti kif ukoll għall-ispettaturi li ġew isegwu din it-tellieqa," ikkummentat ma' din il-gazzetta, Hannah Pace ftit wara t-tellieqa. "Nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lill- isponsors tiegħi - Garmin Malta, Team Barry Malta International Challenge Marathon, Teamsport, CFragrances Perfumes, Go & Fun Energy Drink Malta, u ringrazzjament speċjali jmur lejn il- Federazzjoni tat-Triathlon ta' Malta għall-appoġġ tagħhom," temmet tgħid Hannah Pace. Intant, Hannah Pace, kompliet turi l-kapaċità tagħha billi rebħet l-aħħar tellieqa fis-serje, sabiex tispiċċa s-Serje tal-Isprint Triathlon 2016 mingħajr telfa. It-triatleta ewlenija Maltija, Hannah Pace Malta tikseb l-aqwa riżultat fl-istorja fil-Kampjonati Ewropej tad-Darts FL-AĦĦAR ġranet intlagħbu l-Kampjonati Ewropej tad-Darts f`Egmond Aan Zee, fl-Olanda bi 32 pajjiż jikkompetu għal numru ta' unuri fejn Malta rnexxielha tikseb l-aqwa riżultati fl-istorja ta' dawn il-Kampjonati. It-tim ikklassifika fl-10 post overall u l-plejer Norbert Attard rebaħ midalja tal- bronż fil-kompetizzjoni tas-singles. Fl-ewwel ġurnata tal- logħob, it-tim Malti li kkonsista minn Norbert Attard, Albert Scerri, Gordon Stanmore u Vincent Busuttil spiċċaw fil-quċċata tal-grupp b'punti massimi, rebħiet kontra l-Lussemburgu bl-iskor ta' 9-6; l-Iżlanda bl-iskor ta' 9-4 u l-Ġermanja bl-iskor ta' 9-4. Fil-fażi tal-aħħar 16, sfaw eliminati meta ġew megħluba bl- iskor ta' 9-4 kontra l-Iskozja li qabel il-kompetizzjoni kienu kkwotati bħala wieħed mit-timijiet favoriti għall- midalja tad-deheb. Din kienet l-ewwel darba li tim Malti rnexxielu jikkwalifika għall-fażi tan-knock-out fil-Kampjonati Ewropej jew Mondjali tad-Darts. Fit-tieni ġurnata, ntlagħbet il-kompetizzjoni tas-singles fejn Norbert Attard rebaħ l-ewwel midalja għal Malta f 'dawn il-Kampjonati bi prestazzjoni brillanti li nkludiet rebħiet kontra ċ-champions tad-dinja tal-2015, Scott Mitchell tar-Renju Unit bl-iskors ta' 4-3 u 4-1 kontra Darius Labanauskas tal-Litwanja li jinsab fin-numru wieħed fil-Klassifika tal-World Darts Federation (WDF). Attard ġie eliminat fis-semifinali kontra Richard Veenstra tal-Olanda li temm l-impenji tiegħu bil-midalja tad-deheb fis-singles u fid-doubles. Veenstra elimina lill-plejer l-ieħor Malti fi triqtu għat- titlu, Albert Scerri, fil-fażi tal-aħħar 32 f 'logħba li ġiet deċiża fil-leg finali. Busuttil u Stanmore sfaw eliminati minn Lars Helsinnghof tad-Danimarka u McKinstry tal-Irlanda tan-Nord kmieni fil-kompetizzjoni. Fi tmiem it-tieni ġurnata, Malta kienet qed tokkupa r-raba' post fil- klassifika overall. It-tielet ġurnata rat il-pari Maltin eliminati kmieni fil-kompetizzjoni tad- doppji fejn Attard u Scerri tilfu bl-iskor ta' 3-4 kontra Samouchos u Krontiris tal-Greċja fl-ewwel rawnd u Stanmore u Busuttil bl-iskor ta' 0-4 fil-fażi tal-aħħar 32 kontra O`Connor u Flood tal-Irlanda ta' Fuq li waslu sas-semifinali ta' din il- kompetizzjoni. Intant f 'kummenti li għadda lil din il-gazzetta, il-PRO tal-Malta Darts Association, Andrè Zammit, huwa qal hekk: "F' isem il-Malta Darts Association, nixtiequ nirringrazzjaw u nawguraw lit-tim nazzjonali Malti tad-Darts għar- riżultati pożittivi li kiseb li żgur se jkun qed jgħin lil dan l-isport ikompli jikber f pajjiżna." WDF Europe Cup 2016 – Unuri: • Irġiel overall –1. Olanda; 2. Ingilterra; 3. Svezja • Irġiel tim – Ingilterra • Irġiel singoli – Richard Veenstra (Olanda) • Irġiel pari – Richard Veenstra u Wesley Harms (Olanda) • Nisa overall – 1. Ingilterra; 2. Olanda; 3. Wales • Nisa tim – Ingilterra • Nisa singoli – Sharon Prins (Olanda) • Nisa pari – Rhian Edwards u Rhian Griffiths (Wales) Norbert Attard - rebbieħ tal-midalja tal-bronż fis-Singles waqt il-Kampjonati Ewropej tad-Darts