Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/734028
Il-Ħadd 2 ta' Ottubru 2016 | illum Vetturi 23 Ingranat Il-marda tas-sens komun META tipprova tispjega xi tip ta' delizzju tal-karozzi lil xi ħadd li m'għandu l-ebda interess fil-vetturi, rari jirnexxielek tagħmel sens. Iktar u iktar meta tipprova tikkonvinċi lil dak li jkun li d-delizzju tiegħek fih xi tip ta' loġika jew raġunar. Iktar ma wieħed jipprova jispjega u jiġġustifika d-delizzju, iktar dak li qed jisma' jkompli jikkonvinċi ruħu kemm dak li qed tagħmel ma jagħmilx sens. U ironikament, is-sens komun u l-loġika huma propju dawk l-affarijiet li joqtlu l-passjoni lejn il-vetturi li jkun hemm f 'ħafna minna. Żgur li wieħed ma jkunx dilettant tal-karozzi għal raġunijiet finanzjarji. Ħafna huma dawk li jsaqsu lid- dilettant il-mistoqsija tant komuni li ġeneralment tant tiffrustra lil dawk dilettanti. "Imma 'worth it' dan li qed tagħmel?" Bħallikieku wieħed jarma jew jirrestawra karozza għal xi skop finanzjarju! Minkejja l-fatt li ċertu karozzi klassiċi qegħdin iġibu prezzijiet għoljin, dan żgur ma jkoprix il-flus li jkunu ntefqu fuqha matul iż-żmien. Jekk wieħed jgħodd il-flus li jkun nefaq f 'materjal u 'parts', flimkien mas-sigħat twal li jkun qatta' fuq l-internet ifittex il-'parts' u ġo xi garaxx, lejl wara l-ieħor iżarma, jobrox, inaddaf u jillostra kull vit u skorfina li teżisti ukoll tkun bdejt tagħmel it-telf, aħseb u ara jekk tinkludi x-xogħol il-kbir mekkaniku, tat-tellar, żebgħa u tapizzerija. Jekk ma tkunx kapaċi tagħmel dan ix-xogħol, tista' tipprepara diversi eluf ta' ewro u jekk tagħmlu inti, ipprepara li tiddedika xhur jekk mhux snin sħaħ ta' xogħol wara l-ħin u nhar ta' Sibtijiet u Ħdud. Jekk tagħmel biċċa xogħol sew, qatt mhu se ġġib flusek kollha lura, u anke jekk jirnexxielek issib lil xi ħadd li jiskapriċċak, il-qligħ mhux se jkopri l-keded. Il-verità hi li inti biss tista' taprezza x-xogħol kollu li tkun ħadt. Jekk xi ħadd jemmen li dilettant jagħmel dak ix-xogħol kollu għal xi tip ta' prattiċità jew kumdità, għandu żball oħxon ieħor. Karozzi moderni komuni għandhom l-aċċessorji kollha li ftit iħallu spazju għal iktar kumdità. Il- karozza tad-dilettant ħafna drabi tħalli lil sidha jiġġieled mal-isteering meta jipprova jipparkja, imut bis-sħana mingħajr arja kundizzjonata, mingħajr il-possibbiltà li jisma' ftit mużika suret in- nies, 'clutch' iebes, 'seats' simili għas-siġġijiet li jkollok fil-kamra tal-pranzu u rikba li tofri sensazzjoni xejn pjaċevoli fl-irkiekel ta' dahrek. Però għal xi raġuni jew oħra, sid din il-karozza xorta jkun ħerqan biex isuq din il-karozza nhar ta' Ħadd meta t-temp jippermetti. Għal dawk li jemmnu li minħabba s-sempliċita ta' ċertu karozzi eqdem, il- possibbiltà ta' ħsarat se tkun inqas, nerġa' ngħidilhom li sejrin żball. Il-karozzi tad-dilettant ġieli jkunu temprimentali u delikati iktar minn mara fl-aħħar ġranet tat-tqala tagħha. Sid dawn il-karozzi jaf li hemm possibbiltà kbira li jirritorna lejn id-dar irmunkat filwaqt li dejjem se jkun hemm xi taqtir taż-żejt, xi ħsejjes ġodda jew il-bżonn ta' xi aġġustamenti qabel kull triq. Dan jista' jkun minħabba l-età tal-vettura u minħabba l-modifikazzjonijiet li jkunu saru. Jista' jkun ukoll li ċertu karozzi ikoniċi mindu kienu ġodda kienu temprimentali. Ir-raġuni ħafna drabi tkun li dawn il-karozzi kellhom teknoloġija pjuttost innovativa u esperimentali għal żmienhom li ssagrifikat il-prattiċità għall-ġiri, saħħa, pika mar-rivali, sodezza fid- dawriet jew disinn bi ġmiel orgażmiku. Il-verità hi li anke il- kumpaniji li mmanifatturaw karozzi ikoniċi, ħafna drabi rreġistraw telf minn dawn il-karozzi minkejja l-prezz għoli li kellhom minħabba l-flus li jkunu intefqu fuq żvilupp ta' teknoloġija u nuqqas ta' bejgħ. Forsi dawk li mhumiex dilettanti tal-karozzi bħalissa qegħdin iħokku rashom u jippruvaw jifhmu xi jkun għaddej minn moħħ id-dilettant tal-karozzi. X'inhu l-iskop li tonfoq ammont ta' flus li mhux se tirkupra, skumdità, nuqqas ta' prattiċità u possibbilità ħafna ikbar li jkollok problema? Ir-risposta żgur ma tistax tiġi mis-sens komun. Is-sens komun huwa dak li joqtol l-arti, il-ħolm u l-aspirazzjonijiet. Is-sens komun huwa effett li jibda jiżdied ftit ftit aktar ma tikber u timponih is-soċjetà ta' madwarna. Huwa s-sens komun li jġiegħel lil-ġenituri jwaqqfu lil uliedhom jibnu xi kreazzjoni radikali bil- blokok tal-'Lego' u jinsistu li jimxu mal-istruzzjonijiet li jkun hemm fuq il-kaxxa. Meta nkunu żgħażagħ, uħud minna jibdew jonfqu l-flus fuq l-ewwel karozza li jkollhom bl- unika ħaġa li tiggwidahom tkun il-passjoni u mhux l-ekonomija, il-konsum jew il-prattikalità. Minkejja l-pariri li jagħtu l-adulti, iż-żgħażagħ jemmnu li b'xi mod, il-karozza li jridu mhix ser tifnihom bl-inkwiet u l-ħela ta' fuel. Meta nibdew nikbru u jiżdiedu r-responsabbiltajiet, jibda jidħol is-sens komun. Dak li kellu Land Rover antik immodifikat jixtri Nissan Qashqai, dawk li kellhom Mazda RX7 u xi Escort Mk1, illum għandhom xi Toyota Vitz jew simili. Fortunatament, xi nies jerġgħu jitiflu s-sens komun meta jaqbżu l-erbgħin u jerġgħu jixtru karozza li tqanqlilhom is-sensi. Fenomenu magħruf bħala l-'midlife crisis'. Id-dilettant huwa dak li jirrifjuta s-sens komun u minflok jagħżel dak li jġiegħel lil qalbu tħabbat iżjed u dak li jimlieħ bl- adrenalina. Huma mumenti żgħar fost ħin twil ta' frustrazzjoni li jimlewna bil-ħajja. Dik l-ewwel dehra tal-karozza meta niftħu l-bieb tal-garaxx u nikxfu l-gverta, dik in-naqra riħa ta' petrol, dak il-ħoss ta' magna bil-karburaturi jew b'xi turbo, dak il-ferħ meta l-karozza wara diversi attentati, tkun qabdet u dak il-ħoss ivenven meta ngħaddu minn xi mina. Dawn l-emozzjonijiet huma dak li jfakkarna li aħna ngħixu u mhux neżistu. In-nuqqas ta' sens komun huwa dak li jispira kull delizzju. X'sens hemm li wieħed jiġri wara ballun? X'sens hemm li wieħed jagħmel sigħat ipitter pittura meta jista' jieħu ritratt f 'sekonda? X'sens hemm li wieħed jagħmel sigħat bil- qasba f 'idu biex forsi jaqbad ħuta meta jista' jixtri pakkett 'fish fingers' mill-ħanut? Li kieku kulħadd jagħmel dak li hu loġiku u sens komun, għandna dinja ħafna iktar monotona milli diġà għandna. Madankollu, is-sens komun donnu rebaħli għal ftit għaliex din se tkun l-aħħar biċċa kitba mingħandi alissa minħabba impenji oħra li għandi ta' xogħol u studju. Nittama li ma jkunx 'il bogħod wisq iż-żmien meta nerġa' nibda nikteb fuq dan is-suġġett li tant jagħtini sotisfazzjon. Moħħkom hemm fit-triq! L-ILLUM tixtieq tirringrazzja lil Andrew Pisani u lill-eluf ta' qarrejja li kienu qed jaqraw 'Ingranat' kemm fuq il-gazzetta stampata u fuq is-sit illum. com.mt Andrew Pisani