Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/509502
Il-Ħadd 10 ta' Mejju 2015 | illum 21 Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt J idher li r-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa qajjem fil-pajjiż spirtu li konna naħsbu li ma jeżistix – fl-aħħar, wara deċenji ta' snin b'kuxjenza ambjentali ineżistenti, il-Maltin u Għawdxin qed iħarsu lil hinn mill-ħitan li fihom jistkennu mix- xemx, ix-xita u forsi wkoll mill- verità, u jaraw li l-ambjent mhux sempliċiment il-picnic ta' nhar ta' Ħadd, li mbagħad minjaf meta jitnaddaf l-imbarazz li jkun tħalla warajhom. Forsi ħaġa li dehret aktar ta' spiss kienet il-preżenza tal- eNGOs – organizzazzjonijiet non-governattivi li jiffukaw fuq kwistjonijiet ambjentali. Għalkemm dawn huma organizzazzjonijiet li, bħal kull NGO oħra għandhom xogħolhom xi jsir, qed jispiċċaw jaħdmu aktar fuq li bħal donnhom ifakkru lill-Gvern li l-ambjent mhux sempliċiment mod ieħor ta' kif tintrebaħ sezzjoni oħra tal-elettorat, ta' kif wieħed jista' jitħabbeb xi ftit aktar ma' min kważi qata' qalbu li xi darba jara xi politika ambjentali hawn Malta, imma huwa karba li ilha ġejja sa minn żmien meta kien hawn bżonn ħafna aktar tħassib ambjentali – żmien meta kampanja kien hawn ħafna aktar, karozzi ferm inqas, u bini ferm u ferm anqas. Inkwetanti li għandhom ikunu grupp nies, li bla interess partikolari jimmilitaw għal dak li hu ta' kulħadd – li jkunu huma li jidhru l-koroh biex imbagħad igawdu l-frott minnha l-politiċi – għax fl-aħħar mill- aħħar huma l-politiċi li qed jirrappreżentaw in-nies, u mhux huma. Huma l-politiċi li jridu jaraw kif isibu bilanċ bejn il-bini għal investimenti daqstant kbar, imma wkoll lejn dak l-ambjent li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jitnaqqar. Jista' jkun ukoll li forsi mhux nagħrfu li billi tpoġġi mal-istess mejda mal-kbar, ma jfissirx li trid tkun bħalhom – f 'pajjiż li bilkemm ileħħaq mad-daqs ta' belt f 'pajjiż ieħor, ma nistgħux nistennew li nkunu nistgħu nleħħqu f 'kollox fuq livell ta' kwantità – forsi aħjar jekk ntejbu l-kwalità ta' dak li diġà għandna. Kienu bosta, speċjalment kif jiġri f 'dawn il-każi, fuq il-media soċjali, li lmentaw kif hemm pjanijiet biex jinbnew tal-anqas żewġ universitajiet ġodda, iżda mbagħad l-Università ta' Malta għadha istituzzjoni li minkejja li tingħata passata żebgħa kull sena, l-istituzzjoni, l-korsijiet, u r-riżorsi għandhom bżonn xkatlar kbir. Nittamaw li issa ma ssirx każ ta' "dak li tħallas tieħu" fejn la l-Università ta' Malta hija waħda b'xejn, mela tibda' tingħata l-ġenb biex minflok jiġi ġġenerat dħul fil-privat. L-ambjent m'għandux isir ballun li nitfgħu f 'saqajn il- politiċi u meta jingħadda lilna nibgħatuh f 'saqajn l-eNGOs. L-ambjent mhux sempliċiment skuża għar-ribelljoni li ġġiegħlna nħossuna nduru kontra l-istatus quo. Il-kuxjenza ambjentali tibda mill-politiċi, imma trid tkompli mill-popolin li jirrispettaw dak li qed jiġġieldu għalih – għalxejn niġġieldu biex ma tinbeniex skola flok art selvaġġa jekk imbagħad din l-art titħalla mitluqa fi stat żdingat. Anzi, għadna ma nistgħux nifhmu li l-ambjent mhux kelma oħra għal miżbla – fejn jekk wieħed jgħaddi minn ħdejn kważi kull roqgħa ambjent salvaġġa hawn Malta jaħsbu għaddej quddiem xi showroom tal-għamara improvizzata – mimlija saqqijiet, fannijiet u anke xi pultruna – biex b'hekk ikollu anke ċ-ċans li jpoġġi biex jitpaxxa u jammira l-ispettaklu ta' xenarju li jista' jsib quddiemu. L-ambjent – karba li ilha ġejja żmien