Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/604905
6 illum | Il-Ħadd 22 ta' Novembru 2015 Aħbarijiet Appell qawwi favur Pulizija speċjalizzata għal Paceville Tkompli minn paġna 1 PhiliP Fenech, il-President tat-Taqsima Turiżmu u Divertiment tal-GRTU, sostna mal-illUM li pjan ta' kontinġenza ħolistiku u totali "qatt ma sar, anke jekk huwa importanti li jsir u konna proponejnieh lura fl-2012. S'issa it- tentattivi f 'dan is-sens kienu kollha sporadiċi." Fenech fakkar kif Paceville kienet żviluppata ftit, ftit mingħajr pjan serju u għalhekk dan il-pjan ta' kontinġenza, flimkien mar-rapport kollu li hu stess kellu parti importanti fih, kellu jibda jkun implimentat ħafna qabel. "Kieku wara dik id-diskussjoni u r-rispons li kellna lura fl-2012, minn diversi persuni u 'stakeholders' bdejna nimplimentaw il-proposti, li għadhom rilevanti ħafna illum, kieku s'issa konna nkunu diġà għamilna passi kbar 'il quddiem." Aktar qawwija kienet il-kritika mis-sorsi tagħna qrib il-Korp tal-Pulizija li meta mistoqsija dwar pjan ta' kontinġenza wieġbu retorikament "pjan ta' kontinġenza? Xi pjan hu dan? Biex ikollok pjan ta' kontinġenza jeħtieġ li jkollok pulizija li huma mħarrġin sew u lesti biex jilqgħu għall-isfidi li jiffaċċjaw f 'Paceville. Bħalissa, filli jkollok pulizija stazzjonat il-Ħamrun u l-għada jistazzjonawh Paceville. Dak il-pjan ta' kontinġenza?" Dwar dan il-punt jaqblu wkoll is-Sindku ta' San Ġiljan Karl Gouder u Philip Fenech, b'dan tal-aħħar jgħid li fil-Kumitat ta' Sigurtà mwaqqaf mill- Gvern preżenti "qam il- punt dwar il-bżonn li jkun hemm pulizija speċjalizzata b'diversi modi, fosthom fil-kontroll tal-massa u billi tkun imħarrġa u atrezzata f 'każi vjolenti." Fenech saħaq diversi drabi dwar il-bżonn li l-membri tal-Korp li jkunu assenjati f 'Paceville ikunu atrezzati b'dak kollu li hemm bżonn f 'każ ta' xi attakk jew inċident. il-Kunsill lokali ilu jitlob li ssir għassa tal-Pulizija 10 snin Is-Sindku ta' San Ġiljan Karl Gouder, apparti li ikkonferma li ma jaf bl-ebda pjan ta' kontinġenza li qiegħed ikun implimentat, sostna diversi drabi li waħda mill- aktar soluzzjonijiet importanti hija li jkun hemm aktar Pulizija fiż-żona. "Jien niltaqa' magħhom u naf li qed jagħmlu xogħol tajjeb, imma l-pressjoni li hemm fuqhom hija kbira ħafna," qal Gouder li kompla jgħid ukoll kif ma jistax ikun li Paceville tibqa' moqdija minn l-għassa tal-Pulizija li tinsab f 'San Ġiljan. "Il- Kunsill ilu jipproponi li jkun hemm għassa ġdida fil- forma mobbli, kif jipproponi r-rapport," saħaq Gouder, li meta mistoqsi kemm ilu jagħmel din it-talba l-istess Kunsill wieġeb, "minn meta sirt Viċi Sindku, fl-2005 żgur, jiġifieri 10 snin." Ir-rapport imressaq mill- Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali jgħid hekk dwar għassa f 'Paceville: "Jista' jkun ta' ġid li f 'Paceville ikun hemm għassa jew 'substation' tal-Pulizija, li mqar tkun miftuħa fil-weekend." Proposti relatati mat- traffiku injorati Intant ma kinux biss il-proposti relatati mal- Pulizija li wara tliet snin u nofs għadhom ma kinux implimentati. Ir- rapport jissuġerixxi li "t-taxi stand għandha titmexxa f 'designated area. Preżentament, it-taxis qed ikunu viċin il-pjazza ta' Paceville u qed ikollhom jirriversjaw wara li jtellgħu n-nies. Dawn għandu jkollhom post għalihom u kull min ikollu bżonn is- servizz imur fid-designated area." Illum, tliet snin u nofs wara, is-sitwazzjoni u l-post minn fejn joperaw it-taxis għadu eżattament l-istess. Fir-rapport hemm ukoll propost hekk: "L-idea tal- Park and Ride hija waħda tajba però jrid isir iktar sforz u jingħataw iktar inċentivi sabiex in-nies jagħmlu iktar użu minn dan il-parkeġġ." Sal-lum għadhom ma ttieħdu ebda inċentivi simili u tul il-ġurnata kollha il- Park and Ride ta' Pembroke, l-eqreb wieħed li hemm għal Paceville, ikun prattikament vojt. Intant l-ILLUM tkellem ukoll maċ-Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b'Diżabilità (KNPD) Oliver Scicluna li kellu wkoll kliem iebes dwar l-aċċessibilità jew in-nuqqas tagħha f 'Paceville. "Fejn tidħol aċċessibilità għal persuni b'diżabbiltà kollox baqa' l-istess, jiġifieri diżastru totali." Fid- dawl ta' dan, Scicluna qal mal-ILLUM kif il- KNPD ipproponiet li bħala emenda fil-Liġi għall-Opportunitajiet Indaqs tkun imposta multa massima ta' €5,000 fuq kull stabbiliment li ma jkunx aċċessibbli. Din l-emenda, flimkien ma' oħrajn qed tkun diskussa fil-Parlament bħalissa. Latrina fantażma Anke sempliċiment latrina baqgħet ma saritx, fil-fatt fis-sezzjoni tal-proposti u suġġerimenti, il-bżonn ta' latrina tissemma darbtejn. Ir-rapport ifakkar kif b'konsegwenza ta' nuqqas ta' latrini pubbliċi "ħafna nies qed jispiċċaw iħammġu t-toroq u l-parapetti ta' residenzi privati." Meta kkuntattjat minn l-ILLUM is-Sindku Gouder ikkonferma dan in-nuqqas u qal li suppost lejn l-aħħar tas-sena, l-Gvern se joħroġ linji gwida ta' kif jistgħu jkunu mmaniġġjati. L-ambulanza li ma waslitx Ir-rapport 'Lejn iktar Sigurtà u Bon Ordni F'Paceville' jgħid li skont 'l-esperti', għandu jkun hemm servizz ta' ambulanza fil-weekend. Il-Millenium Chapel saħansitra pproponew li parti mill-kappella ssir post fejn min iweġġa' gravi jkun jista' jingħata l-għajnuna. Mal-ILLUM kemm is-Sindku ta' San Ġiljan u anke Philip Fenech mill-GRTU saħqu dwar il-bżonn li jkun hemm ambulanza fuq il-post, kif fil-fatt kien hemm għal numru ta' xhur. Jidher iżda li mill-2012 lil hawn din l-ambulanza għadha ma waslitx u s'issa Paceville għadu qed jistenna li jkollu din il-klinika mobbli u tabib magħha. "Kieku wara dik id- diskussjoni u r-rispons li kellna lura fl-2012, bdejna nimplimentaw il-proposti, kieku s'issa konna nkunu diġà għamilna passi kbar 'il quddiem" Proposti multi massimi ta' €5,000 għal stabbilimenti mhux aċċessibbli Mal-ILLUM il-Ministru Carmelo Abela qal li hemm bżonn ta' 'bouncers' aktar imħarrġa fuq każi ta' emerġenza li jistgħu jinqalgħu. "Se nkunu qed nisħqu fuq ħidma li tara eżerċizzju mill-Pulizija biex kull bouncer,ikun reġistrat u jingħata t-taħriġ li hemm bżonn mill-entitajiet kompetenti." Dwar ir-rapport tal-2012 Abela qal li bħalissa, qed jiltaqa' grupp biex jara kif jista' jimplimenta r-rapport li sar fl-2012. Dan il-grupp hu magħmul minn Sindki tal-Kunsilli Lokali taż-zona ta' Paceville, l-Awtorità tat- Turiżmu, il-GRTU, il-Pulizija u l-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta' Żoni Turistiċi. Il-Ministru Abela temm jgħid li l-Gvern qed jaħdem "biex fejn hemm liġijiet li mhux ċari, jiġu ċċarati, fejn hemm nuqqas ta' responsabbiltajiet preċiżi u ċari dawn jiġu kjarifikati u biex il-pieni jiħraxu ħalli jkunu ta' deterrent." 'Il-Gvern irid li kull bouncer ikun reġistrat'