Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/624745
Il-Kannabis u l-Kunsill Imn'alla l-Għarb huwa raħal żgħir u li x'aktarx ftit nies 'il barra mill-ibħra territorjali Maltin semgħu bih. Dil- ġimgħa l-kunsill lokali ta' dan ir-raħal ħareġ b'waħda tassew interessanti: se jieħu azzjoni legali kontra mara li qalet li Frenċ tal-Għarb, li allegatament kien ifejjaq in-nies b'metodi mhux konvenzjonali, kien juża l-kannabis bħala ingredjent mediku. L-argument tal- kunsill lokali tal-Għarb, għall-inqas kif ikkwotat minn xi gazzetti lokali, huwa li Frenċ hu ikona mill-Għarb u bħala ikona m'għandux ikollu r-reputazzjoni tiegħu mtebbgħa. Wieħed jifhem li huwa normali li dak li jkun jista' jħossu urtat u offiż jekk ix- xbieha li tant jgħożż tiġi b'xi mod mittiefsa. Jista' jkun li n-nies tal-Għarb, imdorrijin sa minn twelidhom bis- santità ta' Frenċ, ħassewhom iddisturbati bl-allegazzjoni li dan kien ifejjaq bil-kannabis, ħaxixa li f 'Malta għadha illeċita. Imma biex l-entità amministrattiva uffiċjali ta' dan il-lokal tasal tieħu deċiżjoni li tirrikorri għal- liġi biex tesprimi d-disturb li ħasset bil-kummenti ta' waħda omm li qiegħda tikkampanja għall-ħelsien ta' binha mill- ħabs, bilfors ifisser li dal- kunsill m'għandux wisq sens ta' prioritajiet tal-ħajja. U allura iva, imn'alla li n-natura żejnet lil dan ir-raħal biċ-ċokon. Ġurdien ħelu Fl-1928 twieled wieħed mill-aktar ġrieden importanti tad-dinja, wieħed li minflok ibeżża' lin-nies u jġegħelhom iwerżqu u jitilqu jiġru, inissel tbissima, iqanqal is-simpatija u joħloq sens ta' ħlewwa: iswed b'widnejh kbar, liebes żarbun isfar u qalziet qasir aħmar. Dan il-ġurdien gustuż xegħel il-fantasija ta' diversi ġenerazzjonijiet u sar ikona, għalkemm ta' klassi differenti minn dik li wasslet lill-kunsill lokali tal-Għarb jikkunsidra li jieħu azzjoni legali. Il-fama ta' dan il-ġrejden għandha dimensjoni internazzjonali u llum, minkejja l-età venerabbli tiegħu, għadu jitqies bi prominenza u jgawdi rispett kbir. Tant hu importanti li xi sebgħin sena minn twelidu dan il-ġurdien inbidel f 'metafora tar-Repubblika ta' Malta. Għal xi raġuni jew oħra, minkejja l-ħlewwa tiegħu u l-għożża li biha ġie ttrattat matul ħajtu, dan il-ġurdien sar ukoll simbolu dispreġjattiv ta' dak li huwa dilettantesk jekk mhux ukoll trivjali u redikolu. Miniex se nerġa' naqbadha fuq id-dilettantiżmu (jiġifieri l-kuntrarju tal-eċċellenza u l-professjonalità) – għall-inqas mhux illum - imma l-aħħar ftit ġranet tas-sena li għaddiet tassew fakkruni f 'dan il- ġurdien. Ir-reazzjonijiet varji għall-kumment tiegħi dwar il-filmat famuż ta' dawk il- ħames minuti qrib it-tmiem ta' L-Istrina għallmuni diversi affarijiet. Pereżempju, lid- dilettant tgħidlux li hu hekk għax jeħodha b'kumpliment. Osservajt li f 'Malta jinkiteb ħafna aktar materjal milli jinqara u hawn ngħixu l-paradoss li ħafna jiktbu (f 'kull spazju b'xejn li jsibu) imma jsibuha bi tqila jaqraw. Tgħallimt ukoll li hemm differenza kbira bejn il-kuċett popolari tal-karità u r-rispett lejn dak li nqisuh differenti minna, lejn dak li nqisuh l-Ieħor; fejn tal-ewwel huwa ferm aktar faċli minn tat-tieni. Imma, anki biex naqilbu ftit il-folja, fl-aħħar ġranet tas-sena tqajmu numru ta' suġġetti li mqar għal ftit mumenti nessewna l-istaġun tal-festi u dak kollu li dan l-istaġun huwa magħruf għalih u talbuna naħsbu u nirriflettu. Per eżempju l-kontroversja dwar l-Istrina reġgħet, għal darba oħra, tellgħet fil-wiċċ mistoqsija dwar il-karità u kif din għandha ssir. Min jaħseb naqra sab opportunità biex jirrifletti dwar kif qegħdin jinbidlu valuri antiki; kif dawn qegħdin jingħatalhom ilbies ġdid. L-Istrina reġgħet waqgħet taħt il-ħarsa analitika u dan, jidhirli, huwa sinjal pożittiv, anki jekk uħud, għal raġunijiet varji, jiddejqu bil-punti interrogattivi li jitfaċċaw. Il-President tar-Repubblika tat diversi intervisti fi stazzjonijiet differenti u m'għandix dubju li d-diskussjoni li tqajmet dwar ir-rwol tal-president u kif dan jiġi esegwit se jkun qiegħed jiġi diskuss. Il-Video Imbagħad kien hemm il- filmat tal-indirizz li l-Prim Ministru għamel lill-poplu għat-tmiem tal-2015 u l-bidu tas-sena l-ġdida. Miniex se nidħol fil-mertu ta' kemm din il-produzzjoni setgħet qamet flus, hekk jew hekk kien hemm min għamel il-kalkoli u ħareġ b'ċifra. Lanqas ma jien se nipparaguna l-indirizz tal-Prim Ministru Malti mal-indirizzi ta' kapijiet ta' gvernijiet ta' pajjiżi oħrajn: il-paragun faċli ħafna jsir u ġie rrappurtat li d-diskors tal- Prim Ministru Malti ħa aktar mill-indirizzi tal-President Franċiż, tal-Kanċillier Ġermaniż u tal-Prim Ministru Britanniku f 'daqqa. Lanqas ma jien se nikkummenta jekk il-koppja li dehret f 'dan l-indirizz kinitx oriġinat mill- klassi tal-ħaddiema jew le, xtratx il-kċina u l-proprjetà tagħha issa jew qabel, u jekk il-messaġġ lill-poplu kienx eżerċizzju ta' propaganda. Dan għamluh analisti politiċi li, aktar iva milli le, segwew linja ta' partit jew ieħor. Xtaqt, iżda, ngħaddi kumment dwar l-estetika ta' dan il-filmat. Il-ftuħ spettakolari tiegħu bla dubju għolla l-aspettattiva tal-ispettaturi. Min ipproduċa l-filmat ippretenda wisq li l-Prim Ministru – li xogħlu huwa fl-arena politika u fil-kurituri tal-poter amministrattiv u mhux fuq il- palk – ikun attur tajjeb, tajjeb biżżejjed li jnessina li din kienet mini reċta li minnha kellu joħroġ il-messaġġ tiegħu. Ngħiduha kif inhi, iż-żewġ persunaġġi li dehru mal-Prim Ministru mhux li għenu wisq lanqas. Anki jekk ħafna drabi l-politiċi qegħdin jaħdmu parti billi jipproġettaw persona, speċjalment meta jafu li hemm il-kameras ippuntati lejhom, it-tentattiv ta' trasformazzjoni ta' Prim Ministru f 'attur jaf jagħti l-messaġġ lil min qed jara li fuq it-televixin hemm reċta u mhux ir-realtà li wieħed naturalment jistenna f 'okkażjoni bħalma hu l-indirizz tal-aħħar tas-sena. 18 illum | Il-Ħadd 10 ta' Jannar 2016 IKONI Immanuel mIFSuD Opinjoni "It-tentattiv ta' trasformazzjoni ta' Prim Ministru f 'attur, jaf jagħti l-messaġġ, li fuq it-televixin hemm reċta u mhux ir- realtà" Parti mill-famuż video fejn il-PM jitkellem ma' koppja ġol-kċina tagħhom "Biex l-entità amministrattiva uffiċjali ta' dan il-lokal tasal tieħu deċiżjoni li tirrikorri għal- liġi...bilfors ifisser li dal-kunsill m'għandux wisq sens ta' prioritajiet"