Illum previous editions

ILLUM 10 Jannar 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/624745

Contents of this Issue

Navigation

Page 31 of 35

32 illum Il-Ħadd 10 ta' Jannar 2016 Sports Louis van Gaal iħares 'il quddiem fit-tmexxija ta' Manchester United Kien hemm bosta spekulazzjonijiet fil- media li dawn kienu se jkunu l-aħħar jiem tal-kowċ Olandiż Louis van Gaal fit-tmexxija ta' Manchester United u l-partitissima tat-28 ta' Diċembru li għadda kontra Chelsea kienet se tkun l-aħħar att għalih. Dan wara sensiela ta' riżultati negattivi li xejn ma kienu mistennija mill- amministrazzjoni u mill- partitarji tar-Red Devils, speċjalment wara numru ta' akkwisti tajbin li għamlu matul is-sajf li għadda. Iżda, kollox qed jindika li bil-maqlub tax-xewqa ta' numru ta' partitarji ta' Manchester United, Louis van Gaal, se jibqa' fit- tmexxija ta' Manchester United bħala kowċ. Hekk per eżempju qabel il-konfront imsemmi kontra Chelsea, huwa daħal f 'Old Trafford b'dembu taħt il-blat, bil- futur tiegħu bħala manager tar-Red Devils f 'riskju kbir u mqiegħed taħt mannara. Dan hekk kif huwa kien qed ifittex li jevita l-ħames telfa konsekuttiva għar-Red Devils għall-ewwel darba f 'xejn inqas minn 79 sena. Madankollu, għalkemm ir-rebħa ma waslitx, u dan kien is-seba' draw għal Manchester United matul dan l-istaġun u s-sitt wieħed f 'Old Trafford, jidher li Louis van Gaal qawwa qalbu bil-mod kif il-plejers tiegħu rrispondew għal din il- logħba, fejn kollox ma' kollox, jekk kien hemm tim li kellu joħroġ rebbieħ minn din il-logħba, dan kien propju dak ta' Manchester United. Huwa minnu li wara t-telfa ta' 2-0 kontra Stoke City, il- kowċ Olandiż kien semma' l-possibiltà li huwa seta' jirriżenja, madankollu huwa saħaq li bħalma bosta drabi jiġri fil-media, il-kummenti tiegħu ttieħdu barra mill-kuntest. Intant, f 'kummenti li għadda lill-media fil-jiem li għaddew, Louis van Gaal saħaq li kienet ix-xewqa ta' diversi setturi tal-media kif ukoll ta' bosta partitarji tar-Red Devils li huwa jitlef postu minn kowċ ta' Manchester United. Madankollu, dawn iktar qawwewh biex ikompli jagħti l-massimu tiegħu bħala kowċ, għall-akbar ġid ta' Manchester United. Huwa kompla li jixtieq li fi żmien it-trasferimenti ta' Jannar, it-tim minn Old Trafford jakkwista xi plejers oħra, iżda dan ma kienx jiddependi għal kollox minnu, iżda mill- amministrazzjoni ċentrali ta' Manchester United, immexxija miċ-chairman Ed Woodward. L-esperjenza wiesa' li jippossjedi Louis van Gaal bħala kowċ fejn rebaħ bosta unuru fuq livell internazzjonali tista' tgħinu u tixprunah biex ixejjen kull tip ta' kritika li ssir fil-konfront tiegħu u tabilħaqq jibqa' miexi fid-direzzjoni li jkun miexi fiha u li huwa jemmen li din tkun l-aħjar waħda għat-tim tiegħu. Per eżempju, fil-konfront kontra Chelsea, li temm mingħajr gowls, huwa għażel li ma jibdiex mal-ewwel 11 lil Wayne Rooney, waqt li beda lil Anthony Martial fuq il-linja leminija, liema pożizzjoni mhijiex dik li mdorrijin naraw lil dan il- plejer jilgħab fiha. Meta ppressat mill-media, jekk din li għaddejjin minnha Manchester United tistax titqies bħala kriżi, il-kowċ Olandiż afferma li huwa minnu li r-Red Devils jinsabu għaddejjin minn perjodu ikrah, iżda mhuwiex ġust li wieħed iwaħħal kollox fih billi jgħid li r-riżultati mhumiex ġejjin pożittivi għar-Red Devils tort tiegħu biss. Fil-fatt huwa kompla li tneħħi l-logħba kontra Chelsea, sfortunatament il-plejers tiegħu ma tawx il- massimu tagħhom f 'ħafna mil-logħbiet li kienu involuti fihom, kemm mill-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra, kif ukoll fil-UEFA Champions League. Huwa kompla, li huwa minnu li bħala kowċ, ir-responsabiltà massima u aħħarija tat-tim taqa' fuqu, iżda huwa minnu wkoll li t-tim huwa kompost minn bosta dipartimenti, li meta t-tim ikun fil-glorja għandhon jingħataw it-tifħir dovut, iżda daqstant ieħor meta tim ikun qed jaffaċċja żmien mhux daqstant feliċi, għandha tintefa' r-responsabbiltà fuqhom ukoll. Huwa sostna li bl-akbar umiltà ma setax jiftakar meta qatt kien hemm xi tim mill-ħafna li huwa mexxa tul il-karriera glorjuża tiegħu li kien sofra erba' telfiet konsekuttivi. Huwa kompla li jemmen bis-sħiħ li Manchester United se jirnexxielhom jiksbu post rispettabli fi tmiem l-istaġun, jiġifieri post fl-Ewropa, waqt li m'eskludiex il-fatt li r-Red Devils, jistgħu jkunu hemm ukoll fit-tiġrija finali għar-rebħ tal-Kampjonat. Huwa fakkar lill-media li l-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra fadallu ħafna biex jintemm u t-tiġrija tkun dejjem sal-barkun. Jidher li l-kowċ Olandiż ma tantx bena rapporti tajbin mal- media fl-Ingilterra, fejn fil-ġimgħat li għaddew huwa telaq 'il barra minn konferenza stampa li kien qed jindirizza, wara biss sitt minuti. Dan hekk kif f 'din l-imsemmija konferenza stampa, huwa kien qed jistenna apoloġija mill- media preżenti rigward il-fatt li huma bħal donnhom kienu diġà għamluha fatta li hu kien se jirriżenja jew inkella jitneħħa mill-kariga ta' kowċ ta' Manchester United. Iżda, jidher li issa huwa sikket lil dawn il-kritiċi b'mod immedjat, billi sar magħruf li Louis van Gaal se jkompli jmexxi l-bastiment ta' Mancheser United. Xi ħaġa li tkompli tgħin lill-kowċ Olandiż biex ikompli jagħmel dan, huwa l-fatt li fi kliemu huwa għandu l-appoġġ totali u l-fiduċja assoluta tal- amministrazzjoni kollha ta' Manchester United immexxija miċ-chairman, Ed Woodward - xi ħaġa li huwa sostna li mhux dejjem kellu f 'kull klabb li huwa mexxa fis-snin li għaddew. Il-futur ħadd ma jafu, iżda l-partitarji ta' Manchester United, kuntenti jew le, se jkomplu jaraw lill-kowċ Olandiż, Louis van Gaal, imexxi lit-tim tagħhom, bit-tama li r-riżultati jitjiebu, biex jerġgħu jaraw lit-tim tagħhom lura fil-glorja.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 10 Jannar 2016