Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/624745
8 illum | Il-Ħadd 10 ta' Jannar 2016 Qorti Ivvintat li ġiet maħtufa minn Libjan, wara li raqdet miegħu Tfajla barranija li wara lejl ta' xorb u debuxxar, qamet f 'appartament mhux familjari, ġiet mogħtija sentenza sospiża wara li nstabet ħatja li kienet għamlet rapport falz lill- pulizija fejn allegat li kienet ġiet maħtufa u msawta minn raġel libjan. Quddiem il-maġistrat Gabriella Vella, nhar il- Ġimgħa l-ispettur Trevor Micallef spjega kif it-tfajla, li isimha ma jistax jiġi mxandar fuq ordni tal-Qorti, kienet ħarġet tixrob wara li kellha argument mal-għarus tagħha. Iżda meta qamet l-għada filgħodu u sabet ruħha msakkra ġewwa appartament mhux familjari, deherilha li kienet ġiet maħtufa u ċemplet lill-Pulizija. Dawn ikkuntattjaw lil sid il-kera li mar u fetaħ il-bieb tal-appartament, akkumpanjat mill-Pulizija. Iż-żagħżugħa rrapurtat li xi rġiel kienu għammdulha rasha u sawtuha, imbagħad tefgħuha ġo karozza u saqu 'l hemm biha b'kollox. Iżda b'fortuna kbira, jidher li il-kuntistabbli li kien qiegħed jieħu r-rapport ġewwa l-għassa għaraf liż-żagħżugħa bħala l-istess żagħżugħa li hu stess kien lemaħ il-lejl preċedenti, tittanta sesswalment lil żewġt irġiel Libjani fejn il-bajja ta' Spinola. Hi kienet evidentament taħt l-effett tal-alkoħol, iżda rrifjutat kull offerta t'għajnuna li kien għamillha l-pulizija. Wara ftit hu kien raha dieħla ġo karozza flimkien ma' wieħed minn dawn l-irġiel. L-ispettur Micallef qal li fuq il-mowbajl tal-Libjan arrestat, kienu nstabu diversi ritratti espliċiti tat-tfajla għarwiena, meħudin b'tali mod li ma kienx hemm dubju fuq il- kunsens tagħha. Kien jidher ċar, għalhekk li r-relazzjoni kienet konsenswali u meta qamet l-għada, l-imputata kienet eżaġerat l-istorja tagħha u żejnitu b'dettalji fittizji minħabba l-mistħija li ħasset, qal l-ispettur. It-tfajla ammettiet li kienet ivvintat l-allegazzjonijiet u wieġbet li kienet ħatja tal- akkużi. L-avukat tad-difiża, Francois Dalli, spjega li l-azzjonijiet tal-klijenta tiegħu kienu frott il-paniku li qabadha meta sabet ruħha msakkra ġewwa appartament li ma kinitx familjari magħha. M'aġixxietx b'malizzja, qal l-avukat, u talab lill-Qorti ma tkunx iebsa meta tiġi biex tagħti l-piena. Il-Maġistrat Gabriella Vella imponiet sentenza ta' xahar ħabs, sospiżi għal sena. Għannqitha u ħafritilha wara li allegatament samtitha fil-ħabs akTar kmieni din il- ġimgħa, ġewwa awla tal- Qorti, ħabsija Ingliża ta' 20 sena għannqet lil ħabsija oħra li kienet allegatament samtita bil-misħun jagħli waqt argument li seħħ fil- faċilità korrettiva ta' kordin. L-Ingliża Shannon Leigh Williams, li s-sena li għaddiet kienet qajmet kjass fil-Qorti wara li kienet ġiet mressqa taħt arrest, mixlija li serqet bagalja mill-ajruport nazzjonali ta' Malta, kienet talbet il-Pulizija sabiex jieħdu passi kontra Aisha Mohammed. Williams allegat li din tal-aħħar kienet waddbitilha misħun jagħli. Hekk kif issejjaħ il-każ nhar it-Tlieta, l-avukat Noel Bianco, li qiegħed jidher għal Williams, informa lill- maġistrat Aaron Bugeja li l-klijenta tiegħu xtaqet tirtira l-kwerela kontra s-sinjura Mohammed. Il-Maġistrat solennement spjega lil Williams li hekk kif il-kwerela tiġi rtirata, il-kawża kontra Mohammed kienet taqa' u ma' tistax terġa' tiġi 'rxuxtata'. "Le, naħfrilha u kollox sew," tenniet l-Ingliża. Meta tressqet fuq is-serqa tal-bagalja f 'Lulju li għadda, Williams kienet irrifjutat li twieġeb għall-akkużi, u ġiet immultata €200 fuq disprezz tal-Worti minħabba l-aġir tagħha ġewwa l-awla tal- maġistrat Carol Peralta. Fi żmien xahar, Williams kienet sabet ruħha għat- tieni darba l-Qorti, din id-darba mixlija li ħebbet għal gwardjana tal-ħabs waqt tfittxija intima. Il-Qorti kienet semgħet li fit-temp ta' dak ix-xahar hi kienet is-suġġett ta' mhux inqas minn 13-il rapport ta' mġiba ħażina. Ta' dan, kellha tqatta' 9 xhur il-ħabs u tħallas multa ta' €4,000. Iżda huwa mifhum li minn dak iż-żmien 'l hawn, Williams 'biddlet ħajjitha kompletament' u kienet beħsiebha titlaq minn Malta fil-futur qrib. F'ġest ta' rikonċiljazzjoni, huma u ħierġin mill-awla, iż- żewġ ħabsin taw tgħanniqa u bewsa lil xulxin. 22 persuna akkużati bi frodi minn kumpaniji tal-assikurazzjoni 22 persuna ġiet mixlija l-Qorti b'reati relatati ma' frodi fuq diversi kumpaniji tal-assikurazzjoni nhar l-Erbgħa li għadda. Mit-22 każ li ġew ippreżentati quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, 2 imputati wieġbu li kienu ħatja tal-akkużi, 4 wieġbu li mhumiex ħatja, wieħed ma nstabx, ieħor ma deherx u ġie mmultat, u 12-il każ ieħor ġie diferit għal data oħra minħabba l-possibilità li jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet. 8 kumpaniji tal-assikurazzjoni ġew milquta mill-allegat imbrolju: Atlas, Untours, Elmo, Gasan Mamo, Allcare, Citadel, Fogg (illum Argus) u Middlesea Insurance. Joseph Sultana, ta' 38 sena minn Ħal-Qormi ammetta li ffroda €1,100 mill-kumpanija Untours Ltd. Il-maġistrat Bugeja ordna li titħejja rapport fuq il-piena qabel ma jagħti s-sentenza. Il-Qorti semgħet li l-akkużat l-ieħor li kien qiegħed jammetti - raġel ta' 35 sena minn Ħal Tarxien – kien radd lura l-ammont misruq kollu. Rappreżentant tal-kumpanija Atlas Insurance Ltd ikkonferma li r-raġel, li ismu mhuwiex ser jixxandar minħabba li qiegħed jassisti l-pulizija f 'investigazzjonijiet relatati, kien radd it-€3,000 li kienu dovuti minnu, kollha kemm huma. Mistoqsi mill-Qorti x'kienu l-fatti ta' dan il-każ, rappreżentant ta' Gasan Mamo Insurance Ltd spjega kif fis-sena 2013, l-assikuratur kien irċieva claim fuq ħabta bejn żewġ vetturi. Tant kien hemm ħsarat li l-assikuratur kien iddikjara l-vetturi total loss. L-ebda pagament ma kien għadu tħallas minħabba li għadhom qed isiru investigazzjonijiet fuq il-każ. Wara li l-Qorti spjegat lill- imputat li kien jinsab mixli b' attentat ta' frodi u li għamel dikjarazzjonijiet mhux mis- sewwa, bil-għan li jagħmel qliegħ, dan wieġeb li kien ħati. Waqt it-trattazjonijiet fuq il-piena, il-prosekuzzjoni, immexxija mill-ispettur tal- pulizija Rennie Stivala nforma l-Qorti li r-raġel kien ikkopera bis-sħiħ mal-investigazzjonijet, iżda żied jgħid li wieħed irid iżomm f 'moħħu li dan kien involut fi tlieta mill-każijiet. Filwaqt li ma kienx għamel qligħ minnhom kollha, jibqa l-fatt li dan irripeta l-att kriminali, saħaq l-ispettur. Ma' dan, l-avukat Jason Grima li qiegħed jirrapreżenta l-Assoċjazzjoni tal-Assikuraturi Maltin żied li l-Qorti trid tikkunsidra l-ippjanar involut f 'dan id-delitt. L-avukat tad-difiża f 'dan il-każ, Joe Giglio, insista li għalkemm kien fetaħ diversi claims dubjużi, l-imputat kien radd lura l-ammonti li kien ħa u, fejn seta', waqqaf il-proċess tal-claim. Id-difiża talbet li jingħata sentenza sospiża u li jitpoġġa taħt ordni ta' interdizzjoni ġenerali perpetwu. F'dan il-każ ukoll, il-Qorti talbet li jitħejja rapport għall-fini ta' piena. L-avukat Giglio, flimkien mal-prosekuzzjoni talab li l-Qorti tordna li isem l-imputat ma jixxandarx minħabba l-possibilità li, iżjed 'il quddiem, l-imputat seta' jintalab jixhed kontra terza persuna. Il-Qorti laqgħet it- talba konġunta. L-avukati Lucio u Michael Sciriha, li qiegħdin jirrapreżentaw 5 mill-imputati, talbu diferimenti fil-każijiet kontra l-klijenti tagħhom minħabba li xtaqu jroddu lura l-flus meħuda b'qerq, li allura kien inaqqas il-piena. Apparti dan, talbu li l-ammont li allegatament ġie ffrodat jiġi stabbilit, bil-għan li jintlaħaq ftehim bejn l-imputati u l-allegati vittmi. Il-Qorti ordnat li fis-seduta li jmiss l-avukati għandhom jippreżentaw il-konklużjonijiet ta' dawn in-negozjati. L-avukati Abigail Critien, Stefan Zrinzo Azzopardi, Arthur Azzopardi u Carina Testa huma fost l-avukati li qiegħdin jirrapreżentaw l-imputati individwalment. Ritratt mill-Arkivji