Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/630579
Meta xi ħadd ji ddeċiedi li ma jibqax juża karozza fit-triq, l-ewwel ħaġa li tiġih f 'moħħu hi x'ser jagħmel b'din il-karozza, u x'se jagħmel biex ma jibqax iħallas il-liċenzja annwali f 'dak iż-żmien li mhux qiegħda tintuża. Jekk bniedem ma jistax jew ma jridx ibiegħ din il-vettura, jibqalu żewġ għażliet. L-ewwel waħda hi li jiskrappja l-karozza, u tieni hija li jiggaraxja din il-vettura. Li tiskrappja tfisser li jiddikjara mal-awtoritajiet lokali li din il-karozza qatt mhu se terġa' tintuża u se tiġi meqruda. Din il-karozza trid tittieħed f 'wieħed minn madwar seba' postijiet approvati mill-MEPA biex ikissru l-karozzi u tingħata ċertifikat bid-data ta' meta l-karozza ġiet mogħtija lilhom. Wieħed għandu l-għażla f 'idejh liema minn dawn jagħżel. Jekk sid il- karozza mhux se jagħmel użu minn xi skema tal- iskrappjar, għandu dritt iżarma partijiet minn fuq din il-karozza għax fuq kollox, din hija ħwejġu. Apparti hekk, jekk il- partijiet li jaqla minn fuq il-karozza li ser jiskrappja, jintużaw fuq karozza oħra, ikun qiegħed jgħin l-ambjent u jnaqqas l-iskart bl-aħjar mod possibbli u kważi kważi, għandu jiġi ppremjat. Ikkonfermajt li Transport Malta m'għandhiex problema li sidien ta' karozza iżarmaw xi affarijiet minn fuq vettura qabel ma jarmuwha, però wieħed għandu jagħżel sew lil min se jagħżel biex jiddisponi mill-karozza tiegħu, għaliex mhux kollha jaċċettaw karozzi mhux kompluti. Ir-raġuni wara dan, għadni ma fhimtiex. Li tiggaraxxja vettura tfisser li din il-vettura tinżamm ġewwa l-proprjetà privata tiegħek u ma tistax tintuża fit-triq sakemm ma terġax tinforma lill- awtoritajiet. Il-proċedura, hija pjuttost sempliċi, wieħed jaqla' l-pjanċi bin- numri ta'din il-karozza u l-liċensja t-tonda li teħel mal 'windscreen', u jeħodhom flimkien mal-log book għand Transport Malta. Meta wieħed jiggaraxxja karozza, jista' jkun li jkun fadallu xi xhur tal-liċensja annwali imħallsa. Minn esperjenza personali, niftakar li fil-passat, dawn il-flus kienu jaqaw f 'bir tas- skieken u stajt tinsiehom. Illum, is-sistema inbidlet u sena hija maqsuma f 'erba' partijiet ta' tliet xhur. Jekk jien ikun fadalli ħames xhur liċensja imħallsa, jiena nista' nieħu l-ammont ta' tliet xhur lura. Jekk jien fadalli seba' xhur imħallsin, nista' nieħu ta' sitt xhur lura. Bażikament, tieħu lura l-flus ta' dawk il-kwarti tas-sena li ma jkunux bdew jiskadu. Għalkemm is-sistema setgħet kienet iktar preċiża u tikkalkula xahar, b'xahar, xorta nirrikonoxxi li dan kien pass fid-direzzjoni t-tajba. Tibdila oħra pożittiva hija li jekk iċ-ċertifikat tal-VRT ikun għadu validu meta tiġi biex terġa' toħroġ il-karozza fit-triq, m'għandekx għalfejn terġa' ttella' l-karozza għall-VRT. Almenu, tiffranka xi ħaġa tal flus u xi ftit skariġġ. Li għadhom ma nbidlux, huma l-ispejjeż żejda li hemm marbutin mad- deċiżjoni li tiggaraxxja. L-ewwel tibda billi tħallas €10 bħala 'administration fee' imbagħad €10 oħra jekk tiddeċidi li terġa' toħroġ il-karozza fit-triq wara xi żmien. L-ikbar assurdita però hi, li trid tħallas €70 oħra għal sett pjanċi ġodda. L-ewwel ħaġa li nistaqsi hija għaliex dawn il-pjanċi huma daqshekk għoljin meta f 'pajjizi oħra Ewropej, tista tagħmel sett b'madwar €20. Forsi għax hawn monopolju u trid tmur bilfors għand TM? It-tieni ħaġa li nistaqsi hi, għaliex il- pjanċi l-qodma jiġu distrutti anke jekk ikunu għadhom kważi ġodda? Possibli ma jistawx jinżammu ġo envelopp u jitpoġġew ġo kexxun fl-uffiċċji ta' TM sakemm terġa' tiġi bżonnhom? Xejn xejn ikunu qegħdin jipprattikaw dak li jipprietkaw rigward l-ambjent. Forsi wieħed jistaqsi għalxiex qiegħed nagħmel daqshekk għaġeb għal spiża ta €90. Għal ħafna nies, id- deċiżjoni li tiggaraxxja karozza tkun tfisser li l-karozza se tagħmel żmien twil ma tintużax. Però, ġieli ħsibtu li din is-sistema, jekk applikata sew, tista' tikkontribwixxi fit-tnaqqis tat-traffiku u titjib fl- ambjent? Għal ħafna nies, l-użu tal-karozza jibqa' pjuttost l-istess matul is- sena kollha, però jeżistu diversi sitwazzjonijiet fejn sewwieqa jalteraw l-użu skont iż-żmien tas-sena. Eżempji li jiġu f 'moħħi huma nies li fl-istaġuni sħan jużaw mutur, u karozza fix-xitwa, dawk li jqattgħu nofs is-sena barra minn Malta, dawk li jkollhom post ieħor villeġġjatura u dawk li x-xogħol tagħhom ivarja skont l-istaġuni biex insemmi xi ftit. Jista' jkun li koppja għandhom bżonn żewġ karozzi fix-xitwa, però jiddubbaw b'waħda fis-sajf, jew bil-kontra. Ikkunsidraw li kieku persuna tkun tista' tiggaraxxja vettura għal xi żmien kull sena mingħajr dawn l-ispejjeż. Immaġinaw li kieku l-proċess biex tiggaraxxja jkun jista' jsir online u tagħti u tiġbor kollox mill-eqreb fergħa tal-posta, għassa, aġent tal- assikurazjoni jew Kunsill Lokali u tiffranka l-kedda li tmur il-Furjana u taħli xi nofstanhar. Li kieku, bniedem ikun jista' jagħmel ftit kuraġġ u jesperimenta. Koppja tista' tipprova għal ftit ġimgħat jew xhur tagħddi b'karozza waħda. Fix-xhur meta t-temp ikun sabiħ, wieħed jista' jipprova mezzi oħra tat-trasport u jerġa' juża l-karozza meta jaqleb it-temp. Żewġ persuni li jgħixu fl-istess raħal u jaħdmu fl-istess post jistgħu jippruvaw iwasslu lil xulxin lejn ix-xogħol u jalteraw kull xhar. Għalliem li jgħix viċin tal-iskola fejn jgħallem, jista' jħalli l-karozza fil-garaxx u jilliċenzjaha biss meta jkollu bżonnha fil-vaganzi. Persuna li għandha ħsara fil-vettura tagħha li tista' tieħu diversi ġimgħat jew xhur biex tissewwa, jista' jnaqqas ftit mill-ispejjes u jiggarraxjaha sakemm tissewwa. Ovvjament, dawk kollha li għandhom bżonn jużaw il-karozza matul is- sena kollha jistgħu jibqgħu għaddejjin kif kienu qabel mingħajr ebda tibdil. Bis-sistema tal-llum, is-sidien tal-vetturi m'għandhomx għażla ħlief li jħallsu l-liċenzja għal sena sħiħa u sussegwentement, jużaw din il-karozza kemm jista' jkun matul is-sena kollha biex b'xi mod jieħdu l-valur tal-flus li jkunu ħallsu lura. Dan is-suġġeriment ma jiswa xejn biex jiġi implimentat, ħlief tneħħija ta' burokrazija żejda, rokna ġo kamra fl-uffiċċji ta' TM biex jinżammu l-pjanċi, u fuq kollox, ftit ħsieb u sens komun. Però s-sens komun f 'din il-gżira donnu huwa xi sustanza rari. Il-Ħadd 24 ta' Jannar 2016 | illum 23 Vetturi Ingranat Andrew Pisani Garaging, de-garaging u skrapp Il-liċenzja magħrufa bħala 'ta' mal-windscreen' Pjanċi tan-numri stampati mill-ġdid kull darba