Illum previous editions

ILLUM 31 Jannar 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/634254

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 35

Il-Ħadd 31 ta' Jannar 2016 | illum 7 Aħbarijiet 'Qatel lilu nnifsu quddiem sala nies' minn Veronica Lynn Mizzi Meta nisimgħu b'xi każ ta' persuna li tkun neħħiet ħajjitha b'idejha, l-aktar meta din tkun ta' età żgħira, ħafna jkunu dawk il-persuni li jistaqsu, "imma kif jaslu jagħmlu hekk, meta għandhom ħajjithom quddiemhom?" Ir-raġunijiet għal din l-azzjoni kapaċi jkunu bosta, fejn ir-riċerka turi li 63% ta' dawk li jwettqu suwiċidju jkunu għaddejjin minn żmien ta' dipressjoni. Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-psikologu Nicholas Briffa dwar din il-problema li qed taħkem fuq bosta persuni fis- soċjetà, partikolarment fost iż-żgħażagħ. Fil-fatt, huwa xokkanti l-fatt li statistikament din hi l-aktar forma ta' mewt komuni fost iż-żgħażagħ Ewropej ta' bejn il-15 u d-29 sena. Il-psikologu tkellem dwar esperjenza personali xokkanti li seħħet waqt li kien qed jaħdem fi klinika f 'Ruma. Hemmhekk, kien hemm pazjent li kien jinsab taħt il-kura, li waqt li kien qed jistenna għall- appuntament tiegħu, kien neħħa ħajtu b'idejh b'mod vjolenti. "Dan sar f 'post pubbliku, u għalhekk jagħmel dan il-każ iktar xokkanti, għax kien qabeż mill-bini," spjega l-psikologu. Xi jwassal biex persuna tiddeċiedi li twaqqaf ħajjitha? Din il-gazzetta għaldaqstant staqsiet xi jwassal biex persuna tkun tasal tneħħi ħajjitha b'idejha, u għal dan, Nicholas Briffa semma' li jistgħu jkunu diversi r-raġunijiet li jwasslu għal dan, bl-iktar raġuni komuni tkun problemi ta' saħħa mentali. Briffa kompla jispjega kif, "id-dipressjoni hi l-iktar raġuni li twassal għas-suwiċidju, u fatturi oħra jistgħu jkunu meta persuna tkun qed issofri s-solitudni, jew inkella tkun qed tiġġieled ma' problema ta' abbuż tad-droga jew alkoħol. Raġunijiet oħra li jistgħu jkunu fatali huma l-problemi bl-identità, l-identità sesswali u d-disturbi tal-personalità." Statistika preċiża dwar dan is-suġġett huwa diffiċli ferm biex tinġabar minħabba l-istess serjetà tas-suġġett, u anke minħabba l-fatt, kif spjega l-psikologu, li l-maġġoranza ta' dawk li jiddeċiedu li jtemmu ħajjithom, jagħmlu dan b'mod sottili u diskret, fejn xi drabi jidher daqs li kieku dan kien biss inċident sfortunat. Biss biss, fis-sena 2012 kien hemm madwar 804,000 suwiċidju, bir- rata fl-Ewropa tkun iktar għolja, bl-ogħla tkun fost iż-żgħażagħ, irgiel mezz'eta u anzjani. Min hu l-iktar fir-riskju? Allura, min huwa l-iktar suxxettibbli li jagħmel dan il-pass, staqsiet din il- gazzetta lil Nicholas Briffa? Min-naħa tiegħu, huwa spjega kif hemm diversi fatturi li jirriflettu fuq dan. "Ir-rata ta' suwiċidju fost persuni li jkunu waħedhom u mhux miżżewġa, jiġifieri romol, separati u anke divorzjati hija d-doppju ta' dawk li huma miżżewġa," kompla jgħid Briffa. Dwar dan is-suġġett ferm delikat, il-psikologu jgħid li problema kbira huma ż-żgħażagħ u l-adolexxenti li huma f 'riskju ikbar tas- suwiċidju, partikolarment tfajliet żgħar. Nicholas jispjega kif, "dawn iż- żgħażagħ ikunu jinsabu għaddejjin minn fażi kemxejn diffiċli tal-ħajja fejn xi drabi jkunu qed jgħaddu u jesperjenzaw problemi simili jew ugwali għal dawk tal- adulti f 'ħajjithom. Dan minkejja li huma jkunu inqas ippreparati fil-ħajja, għandhom inqas ħiliet fejn jidħlu deċiżjonijiet, self-control emozzjonali, fost l-oħrajn, u dan waqt li adulti jgħaddu minn sitwazzjonijiet simili imma jkunu iktar kapaċi jilqgħu sitwazzjoni bħal din." Nicholas Briffa jitkellem ukoll dwar il-problemi fil-familja bħala fatturi li jikkontribwixxu għal fatt li adolexxent ikun suxxettibbli għas-suwiċidju. Għaldaqstant, itenni li, "huwa importanti ferm li nkunu ta' sapport għall- familji tagħna u naħdmu biex ikollna familji iktar b'saħħithom. B'dan il-mod, insaħħu l-istrutturi soċjali u nkunu ta' forċina għall- familja fejn b'familja iktar b'saħħitha, ikollna soċjetà iktar b'saħħitha." X'jista' jsir fis-soċjetà Maltija? Minħabba f 'hekk, il- mistoqsija tqum waħedha fejn nistaqsu, allura x'jeħtieġ li wieħed jagħmel biex jindirizza pjaga bħal din, u s-soċjetà Maltija kif tirreaġixxi għal dan kollu? Għal dan, Briffa saħaq li f 'Malta, ħafna nies iħossuhom skomdi jitkellmu fuq suġġetti ta' dan it-tip li huma ferm delikati, partikolarment meta l-vittmi jkunu ta' età żgħira. "Ħafna drabi, it-tort jingħata lill-vittmi, waqt li l-familja u l-ħbieb jibqgħu stigmatizzati. Huwa minħabba f 'hekk li ħafna nies ma jitkellmux dwar is-suwiċidju b'mod apert. Din hija problema kbira għaliex jekk tibqa' tinħeba problema bħalma huwa s-suwiċidju, nkunu qed nirriskjaw iktar problemi biex tiġi akkwistata l-informazzjoni, u għalhekk tibda tinstab diffikultà ikbar biex tingħata l-għajnuna mill-persuni biex jiġu preventati iktar telfiet ta' ħajjiet." Nicholas ikompli jispjega permezz tar-riċerka li meta problema bħal din tiġi diskussa b'mod kalm, fejn ma jkunx hemm ġudizzju u b'perspettiva li nistgħu nsolvu din il-problema, attwalment jonqos iċ-ċans ta' suwiċidju fost iż- żgħażagħ u l-adolexxenti. "Jeħtieġ li nindirizzaw din il-problema billi nedukaw iktar u nħeġġu d-diskussjoni dwar is- suwiċidju," ikompli jispjega Briffa waqt li jsemmi bosta entitajiet li jistgħu jgħinu sabiex tigi evitata l-pjaga tas-suwiċidju, bħal gruppi soċjali, għaqdiet sportivi u religjużi u anke l-grupp ta' ħbieb, li kollha kemm huma jistgħu jkunu parti mill- idea li kull bniedem għandu valur imprezzabbli u jwasslu l-idea tal-importanza tal- ħajja. Għaldaqstant, il-psikologu Nicholas Briffa appella, partikolarment lil dawk iż-żgħażagħ u adolexxenti sabiex javviċinaw lil persuni li jistgħu jgħinuhom jekk dawn jinsabu għaddejjin minn xi perjodu diffiċli f 'ħajjithom. Żied jgħid li, "hemm bżonn li nuru empatija u kompassjoni lil min ikun għaddej minn xi żmien iebes, u hemm bżonn li jekk naraw persuna viċin tagħna b'imġiba suspettuża, ma niddejqux nistaqsu b'mod apert bħal dan, għax din l-għajnuna taf tkun imprezzabbli." "L-aktar forma ta' mewt komuni fost iż-żgħażagħ Ewropej ta' bejn il-15 u d-29 sena"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 31 Jannar 2016