Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/652695
I r-rabta bejn il- Partit Nazzjonalista u Għawdex mhux biss hija waħda politika imma anke storika. Dan tixhdu l-istorja tal-135sena tal-Partit Nazzjonalista. L-ewwel kap u kandidat li kellu il-PN kien Fortunato Mizzi nisel Għawdex u wara segwih anke ibnu Enrico Mizzi. Dan wassal sabiex mill-bidu nett, Għawdex kien fiċ- ċentru tal-politika ta' dan il-partit. Mill-elezzjoni tal-1958 'l hawn, il-PN dejjem kellu maġġoranza u d-distakk bejn iż-żewġ partiti dejjem kien imdaqqas iżda f 'dawn l-aħħar snin rajna li l-PN jiddgħajjef sew f 'Għawdex. Diversi raġunijiet setgħu wasslu għal dan ir-riżultat, peró żgur li nista' nistqarr li l-poplu Għawdxi apprezza dak li għamel il-PN f 'Għawdex. L-istorja wkoll urietna, li l-poplu Għawdxi ħadem id f 'id mal-Partit Nazzjonalista u dejjem ta s-sehem tiegħu fil-ġlidiet nazzjonali bħall- Indipendenza u d-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Għawdex ta s-sehem tiegħu ukoll b'ħidma kontinwa min-numru ta' politiċi prominenti li taw kontribut mhux biss fuq livell reġjonali imma anke nazzjonali. Il-proġetti infrastrutturali u soċjali f 'Għawdex huma t-timbru ta' dan il-partit. Peró mhux biss, il-PN f 'Għawdex huwa dak il- partit li zamm il-Kunsill Ċiviku u ħoloq il-Ministeru għal Għawdex. Gvernijiet Laburisti, neħħew il-Kunsill Ċiviku u lill-Ministeru għal Għawdex neżżgħuh mid- dinjitá tiegħu. Għaliex naħseb li l-PN se jerġa' jkollu l-maġġoranza f 'Għawdex? Hemm żewġ fatturi ewlenin determinanti. L-ewwel fattur huwa li l-Gvern preżenti wiegħed ħafna lill-poplu Għawdxi, wettaqlu ftit, u issa qiegħed tard wisq biex iwettaq dak li wiegħed. L-Għawdxin li niltaqa' magħhom fuq il- vapur fit-triq tagħhom għal Malta biex jaqilgħu l-ħobża ta' kuljum jistaqsuni, 'Fejn hu x-xogħol għalina f 'Għawdex ?' Huwa importanti li ninnotaw li l-vjaġġi tal-vapur żdiedu fil-ħinijiet li l-ħaddiema jkunu qed jivvjaġġaw, u dan minħabba li n-numru ta' ħaddiema jaħdmu f 'Malta żdied. It-tieni fattur huwa li l-Ministeru għal Għawdex, f 'dawn l-aħħar tliet snin tilef l-istatus tiegħu minħabba li l-Gvern niżżlu fit-tieni diviżjoni billi neħħilu l-awtorità, il-kompetenzi li kellu u anke baxxa l-baġit allokat għalih. Il-Ministeru stess ma beżax għall-istatus tiegħu u rrenda lilu nnifsu aktar bħala każin politiku partiġġjan milli ministeru għall-poplu Għawdxi kollu, kif ħafna jiftakruh meta kien hemm il-Ministru Anton Tabone u l-Ministru Giovanna Debono. Is- sitwazzjoni preżenti li hemm fil-Kunsilli Lokali f 'Għawdex qed iħallu riżultati u impatt akbar minn dak tal-Ministeru. Dan il-Ministeru flok ħaddan u ħaddem politika reġjonali u pjan għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta' Għawdex, il-Ministeru welled u qed jindokra politika klijentelista li issa xebbgħet u dejqet lill-maġġoranza tal-poplu Għawdxi, anke lil dawk stess li kellhom jirrikorru għal din l-istess politika għax ma kellhomx triq dritta x'jaqbdu. Konsegwenza tal-politika klijentelista fl-operat tal- Ministeru, hemm indħil politiku kbir. L-isfidi ewlenin li l-PN għandu f 'Għawdex 1) Waħda mill-isfidi ewlenin tal-gżira ta' Għawdex hija t-tmexxija tiegħu. B'dispjaċir kbir ngħid li l-imsemmi Ministeru tilef l-iskop li għalih twaqqaf u għalhekk hemm bżonn ta' aktar responsabbilità u kontabbilità politika. Bħalma semmejt qabel, il- ħolqien ta' Kunsill Reġjonali elett dirett mill-poplu Għawdxi jista' jsir. Fost il- funzjonijiet tiegħu għandu jitfassal pjan ta' żvilupp reġjonali għal Għawdex u jara li dak il-pjan jitwettaq kif suppost mill-Ministeru stess. 2) Sfida oħra hija l-istrateġija, pjan u direzzjoni għal Għawdex. Kif inhi s-sitwazzjoni preżenti, l-investituri jew l-imprendituri ma jistgħux jitħajru biex jinvestu jew iwaqqfu intrapriża f 'Għawdex għax ma jafux Għawdex fejn hu sejjer. Dawn m'għandhomx gwida ċara liema setturi, il-Gvern qed jipprova jġib 'il quddiem. L-istess ħaġa tista' tingħad għall- istudenti Għawdxin. Illum l-istudenti huma mifxula u mitlufa liema linja ta' studju għandhom jieħdu jekk iridu jaħdmu f 'Għawdex. 3) Sfida oħra importanti hija l-istatus ta' Għawdex. Huwa importanti li Għawdex mhux biss ikollu status ta' reġjun imma importanti wkoll f 'liema livell ta' reġjun jinsab. Kien ikun ħafna aħjar li kieku Għawdex huwa reġjun fit-tieni livell tal-klassifika tar-reġjuni Ewropej milli fit-tielet livell tal-klassifika kif fil-fatt huwa fil-preżent. Hemm żewġ raġunijiet għal dan. L-ewwel raġuni hija li kważi l-għajnuna finanzjarja kollha li tingħata mill-Unjoni Ewropea taħt il-Politika ta' Koeżjoni tingħata lir-reġjuni fit-tieni livell. Fil-każ tagħna, din l-għajnuna tingħata lil Malta u Għawdex flimkien, qisu Għawdex mhux reġjun. X'inhi t-triq 'il quddiem ? Huwa fatt, li wieħed jista' jagħraf jew jinjora, li l-iżvilupp ta' Għawdex xorta waħda għadu lura ħafna minn dak ta' Malta. Peró, l-Għawdxin għadhom jemmnu ħafna li Għawdex, jekk jitmexxa tajjeb u jibni fuq is-sens ta' inizjattiva tal- Għawdxin, jista' jkun mutur ta' ħidma ekonomika u soċjali mill-aktar siewi. U jista' jirnexxi minkejja li l-gżira għandha l-iżvantaġġi taċ-ċokon u tad-distanzi li kulħadd jaf bihom. Niddejjaq inħares lura minflok 'il quddiem, peró mill-passat tal-Partit Nazzjonalista f 'Għawdex wieħed setgħa jara futur ta' politika għall-gżira ta' Għawdex u għall- poplu Għawdxi. Il-Partit Nazzjonalista illum qed jaħdem, jisma' u jifhem lill-Għawdxin biex fi żmien li ġej jipproponi l-aħjar triq lejn progress veru f 'Għawdex. Għawdex mhux se jimxi 'l quddiem sakemm ikollu gvern li se jibqa' jgħix gidba. Għawdex għandu bżonn politici li jifhmu lill-Għawdxin u li jaħsbu għall-gżira ta' Għawdex. Illum il-ġurnata aktar minn qatt qabel l-Għawdxin iridu Ministru sħiħ ta' Għawdex flimkien ma' Kunsill Reġjonali għall-Għawdxin. Ryan Mercieca huwa kandidat tal-PN fuq Għawdex illum | Il-Ħadd 13 ta' Marzu 2016 RYAN MERCIECA Il-Partit Nazzjonalista u Għawdex Opinjoni 14 "Il-Ministeru welled u qed jindokra politika klijentelista li issa xebbgħet u dejqet lill-maġġoranza tal-poplu Għawdxi"