Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/652695
minn Veronica Lynn Mizzi GĦAL dawn l-aħħar tliet snin, fil-qalba ta' Raħal Ġdid, bdiet tingħata edukazzjoni differenti fi skola li l-għan tagħha kien wieħed li jsalva dawk l-istudenti li qed jintilfu, u jagħtihom ċans jispiċċaw l-iskola. F'din l-iskola, jinġabru tfajliet u ġuvintur minn madwar Malta kollha, li jinsabu fl-aħħar sena tal- iskola sekondarja tagħhom, li iżda ddeċidew li ma jagħtux l-eżamijiet tal-O Levels. Meta żaret l-Alternative Creative Centre, l-ILLUM rat il-mod differenti ta' tagħlim li qed jiġi offrut f 'din l-iskola. L-ewwel ħaġa li tista' tinnota huwa l-fatt li l-istudenti m'għandhomx uniformijiet, jitħallew jużaw il-mobiles u huma hemm iktar sens ta' ħbiberija bejn l-għalliema u l-istess studenti. "Dan jgħin biex l-istudenti jħossuhom aktar komdi fl-ambjent tal-edukazzjoni tagħhom," spjegat waħda mill-għalliema fl-istess skola. Għalliema partikolari, li ilha f 'din l-iskola sa mill- bidu tagħha tliet snin ilu, u saħansitra kienet parti mill-proġett pilota qabel ma nfetħet l-iskola qalet li, "għall-ewwel kont se nibki għax ma kontx naf fejn bagħtuni, imma imbagħad, nara fejn wasalna llum, nara kemm hi storja totalment differenti." Din l-għalliema tgħid li għalkemm huma kważi kważi saru ħbieb mal- istudenti tagħhom, hemm sens ta' dixxiplina fejn it-tfal jiġu kkoreġuti meta jagħmlu xi ħaġa ħażina, iżda mhux bil-metodu tradizzjonali tal- copies u l-after school. Qalet li jirnexxielhom jilħqu dan il-bilanċ bis-saħħa tat-tim magħqud ta' għalliema, LSAs u staff li hemm fl-iskola. Is-surmast ta' din l-iskola, Robert Magro spjega kif l-edukazzjoni mhix xi ħaġa 'one size fits all', imma jeħtieġ li jsiru l-arranġamenti meħtieġa, u jkun hemm il-flessibbiltà biex taddatta l-edukazzjoni skont l-istudent. Fil-fatt, f 'din l-iskola hemm bosta suġġetti li jiġu mgħallma, minbarra dawk bażiċi bħall- Malti, Ingliż, Matematika u ICT. L-istudenti għandhom l-opportunità li jagħżlu l-qasam li l-iktar jinteressahom bħall- inġinerija, l-hairdressing, multimedia, sports, u saħansitra welding, plumbing, xogħol fid- dawl u fl-injam. "Għal xi żmien," spjega s-surmast, "kien hawn l-idea li x-xogħlijiet tal-id, u s-snajja nitkerrħulhom, imma issa kulħadd induna kemm dawn huma importanti, u kemm m'hawnx Maltin kapaċi jagħmlu dawn ix-xogħlijiet. Hawnhekk, niffukaw fuq dan għax huwa 'Vocational Creative Centre'." Robert Magro jkompli jispjega l-attivitajiet li jkollhom l-istudenti fejn tiġi inkoraġġuta l-idea ta' ħidma prattika, fejn anke jintbagħtu jagħmlu xi żmien ta' prattika f 'kumpaniji lokali li jkunu relatati mal-qasam li għażlu. Din is-sistema, tidher li qed tkun suċċess għaliex fi kliem l-istudenti stess, issa qed ikunu interessati f 'dak li qed isir l-iskola u qed jaraw id-differenza. Student partikolari stqarr kemm kienet esperjenza negattiva, l-iskola sekondarja għalih, meta kien jipprova jiskarta u ma jidħolx għal-lezzjonijiet għax kien iħoss li mhux jifhem xejn. Minkejja dan, hu kien konxju li l-iskola hi importanti għax qal kif kien inkwieta u jhewden x'kien se jagħmel wara l-iskola. Stqarr kif kien jistaqsi, "X'ġa nitfa' fis-CV biex insib xogħol?" Dan minħabba li l-istudenti, jekk ma jlestux is-snin tas- sekondarja, ma jingħatawx iċ-ċertifikat li dawn temmew is-snin tas-sekondarja. Dan iż-żagħżugħ qal li issa li daħal fil-programm ta' tagħlim alternattiv, l-istorja hi differenti għaliex fl-aħħar sab xi ħaġa li tinteressah u qed jimmira li wara li jtemm din is-sena jkompli bl-istudji fl-MCAST fil-qasam ta' vidjografija, ħaġa li lanqas biss kien joħlom li jagħmel qabel għaliex kien jemmen li hemm bżonn ta' ħafna kwalifiki li ma kienx kapaċi jagħmel. Fil-fatt, hu diġà beda jakkwista esperjenza imprezzabbli fil-qasam tiegħu billi sab xogħol relatat mal-qasam sabiex ikompli jitgħallem ukoll, anke barra mill-iskola. Studenta oħra, li sas-sena l-oħra kienet tattendi skola sekondarja tal-Gvern, qalet kif kienet tobgħod tqum filgħodu u taf li sejra għall- iskola, għaliex ma kinetx xi ħaġa interessanti għaliha. Spjegat kif kull okkażjoni li kien ikollha, kienet tipprova taħrab mil-lezzjonijiet u tiskarta l-klassijiet. Hi tispjega kif f 'din l-iskola, sabet xi ħaġa li verament tieħu gost tagħmel, u saret ħaġa interessanti li tmur l-iskola. Fil-fatt, matul din is-sena tgħallemt is- sengħa tal-editing, u saret l-aqwa waħda fil-klassi, fejn jipproduċu u jaħdmu diversi videos għall-iskola, mill-bidu sal-aħħar, u dan mingħajr l-ebda esperjenza ta' dan qabel. Is-surmast Magro, fisser kemm hu, flimkien mal- istaff jinsabu sodisfatti bir-riżultati li qed jinkisbu. Dan għaliex l-iskola setgħet tinnota tnaqqis kbir f 'dak li huwa assenteiżmu, li hi xi ħaġa li qabel kienet issir ħafna minn dawn l-istudenti. B'ċertu sodisfazzjon, is-surmast Magro jispjega li, "Għalina, ċerifikat ieħor pożittiv ta' kemm l-istudenti huma kuntenti hawnhekk huwa li anke fil-ġranet fejn normalment, l-attendenza tun baxxa, bħal fil-ġranet ta' qabel il-vaganzi tal-Milied, l-istudenti xorta ġew bi ħġarhom u l-attendenza kienet waħda tajba ħafna." Ir-riżultati ta' din l-iskola jitkellmu waħedhom, għaliex f 'dawn l-aħħar tliet snin li ilha topera din l-iskola, preċiżament għal dawk l-istudenti li ma xtaqux ikomplu bl-istudji tagħhom, bejn 65 u 70% tal-istudenti, jiddeċiedu li jkomplu jistudjaw wara s-sekondarja, ġeneralment fl-MCAST, l-ITS jew fil- Youth.Inc fi ħdan l-Aġenzija Żgħażagħ. Dan minbarra l-atteġġjament tal-istess studenti lejn l-iskola, li meta ġew offruti sistema ta' tagħlim alternattiv, dawn kienu kapaċi jaħdmu u anke jeċċellaw. Aħbarijiet 9 Is-suċċess tal-Alternative Learning Programme Tlieta minn kull erbgħa jkomplu bl-istudji Studenti waqt taħriġ fuq il-welding Studenti tal-multimedia jippreparaw filmati fuq it-taħriġ li ngħataw Il-Ħadd 13 ta' Marzu 2016 | illum