Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/652695
G ħal dan l-aħħar kwart ta' seklu, fir-raħal zgħir tal-Għargħur ilu jinħadem dramm tal-Passjoni mhux tas-soltu li l-media ġieli ffilmjat b'suċċess. Bħal dan iż-żmien, il-mezzi tax-xandir jiffilmjaw għadd kbir ta' funzjonjiet u purċissjonijiet, ta' spiss sostnuti minn kummentarji mnebbħa minn testi bibbliċi u oħrajn soċjo- reliġjużi b'relevanza għal żmienna. Dak li jsir fil-Għargħur huwa uniku għax it-teatru tal-pjazza (jew taz-zuntier) jingħaqad mal-purċissjoni sserrep mat-triqat dojoq. Martin Gauci huwa isem marbut sew mat-teatru Malti f 'Ħal Għargħur. Jafuh l-iktar għax-xogħol teatrali marbut mal-purċissjoni tradizzjonali tal-Ġimgħa l-Kbira mifruxa mal-pjazza u t-toroq ta' raħal twelidu nhar Ħadd il- Palm. Gauci jmexxi l-grupp Dwal Ġodda (fejn isostni li jsib l-ispirazzjoni ewlenija tiegħu). Joħloq il-kitbiet soċjo-politiċi teatrali tiegħu bil-Malti. Martin Gauci isostni li t-testment tiegħu kitbu f 'xogħol teatrali ta' żewġ atti u nofs bl-isem ta' Spirtu tal-Melħ. Hu l-awtur ukoll tad-dramm Moħħ ir- Riħ, imnebbah mill-film The Notebook. Ħadem fuq diversi drammi oħra, fosthom dawk ta' Francis Ebejer, Joe Friggieri u Lino Grech. Barra minn hekk, mexxa traduzzjonijiet ta' xogħlijiet teatrali ta'awturi bħal Arthur Miller, Neil Simon, De Filippo, Pirandello, Alan Aykbourn u Molière, fost oħrajn. Bħala attur ħa sehem fi produzzjonijiet għall-palk u t-televiżjoni ma' diretturi bħal Mario Azzopardi, C.S. Aquilina, Albert Marshall u Joe Friggieri. Ilu mis-snin disgħin jagħti sehemu ma' martu Tereża fix-xandir bir- radju u t-televiżjoni, inkluż Campus FM. Bħalissa Tereża Gauci qed tieħu sehem fis-serje televiżiva popolari Becky ta' Eileen Montesin. Din ir-rubrika intervistat lil Martin Gauci. Għaliex teatru? Ma kinetx għażla daqshekk konxja. Iktar ma ġibditni lejha l-ħidma teatrali, iktar bdejt nagħraf is-seħer u l-meravilja tat-tbatija li din titlob minnek. U tibda tħossok ma taf xejn. U iktar tkun trid togħdos. U kull pass 'il quddiem hu 'bidu ġdid'...kif jgħid Ebejer f 'Il- Ħadd fuq il-Bejt. Kulħadd maqtugħ għat- teatru? Inħoss li l-istint għar-reċtar qiegħed f 'kulħadd, imma mhux fl-istess livell. Iżda kulħadd, jekk tabilħaqq ikun irid u b'ħafna taħriġ u tbatija, jista' joħroġ ħiltu f 'ħidma teatrali. Imma finalment, it-teatru hu t-triq lejn suċċess jew tbatija? Huwa wieħed mill-misteri li, iktar ma tgħixu, iktar jgħinek tagħraf kif tiskopri l-gost fit-tbatija. X'inhi l-ikbar falzità fil- figura tad-direttur? 'Arani u la tmissnix'. Li jitkabbar għax jaħseb li hu xi alla. Ma' dan, jidħol is-sens ta' 'diva' fl-atturi. Ma nafx kif jista' qatt xi ħadd waħdu joħloq ħidma kompleta. Meta jintilef is-sens tal- grupp, meta jibqa' jgħawwar is-sens ta' 'Jien', u ma tasalx għal 'Aħna Flimkien' (atturi+direttur+ djenza). X'jolqtok l-iktar fil-ħidma teatrali? Ħallini ngħidhielek bl- Ingliż. Iktar qed niskopri li Theatre for theatre's sake is not worth it that much. Għax it-teatru jista' jkisser lilek u lill-għeżież tiegħek, iġelldek, jaħarqek; iġelbnu ħafna għaraq u demm intortament u ġieli jħallilek togħma morra, meta tiftakar kemm enerġija tkun investejt fih. Imma dak li jgħaddi fl-isfond ta' ħidma teatrali, eh iva...dak ipoġġi l-ħidma teatrali fuq livell ogħla u jaf iħallilek sodisfazzjon li ma jitfissirx fil-qalb. Jekk xejn jonġrok ħalli tissokta tersaq lejn il-milja tiegħek innifsek. Għidt li tagħmlu teatru tat- triq. X'inhu teatru tat-triq? L-università tat-triq. Niggosta noqgħod fil-kwinti nosserva l-bniedem kif iġib ruħu fuq il-palk tal-ħajja. Għallimni ħafna. Għenni nħobb inkun 'anonimu' ħalli nissokta niskopri kobor il- bniedem. Imbagħad il-frott li joħroġ, bilfors ikun minn hemm għal hemm (bħala vjaġġ), ukoll jekk ikun ippreżentat ġewwa u mhux fil-beraħ. X'inhu l-aqwa parir li qatt ingħatajt? Jgħiduli li jien 'talking machine', mela l-iktar parir li jgħoddli hu, "Agħraf igdem ilsienek ħalli d-demm li joħroġ jaħdem hu, int u tqarben lil ħutek." Hekk ukoll għandek tħalli ħidmietek teatrali toħroġ ħsus qalbek bla ħtieġa ta' tlablib, ħafna drabi battal. Hemm ġejjieni għat-teatru Malti? Iva. Jekk ma jsaltnux l-allat foloz tal-medjokrità u l-kilba għall-popolarità u l-flus. Jeħtieġ nibqgħu ngħożżu iktar l-ilsien nazzjonali, u s-sens ta' volontarjat. Kemm hemm qlub kbar u anonimi li l-amorpropju tagħhom mhuwiex apprezzat. Dan ix-xenarju qed jidher spiss fil-media lokali, minkejja riżorsi limitati. Ġieli jkun hemm xogħol li jdaħħalni f 'qoxorti. Il-produzzjoni għal dis-sena, Ċuqlajta, fi ftit kliem. Dawn li ġejjin huma xi ftit ħsibijiet fuq il-produzzjoni. Ma tantx jgħaddilna minn rasna kemm in-Nazzarenu kien ċajtier. Ma rrid niskandalizza lil ħadd. Min jaf, aħna u nieħdu tbatijietu biċ-ċajt, jekk hux jurina wiċċu mbissem ħalli jgħinna nintrefgħu? L-għuda tas-salib bħal sikkina taqta' b'żewgt ixfar. Il-gost ta' produzzjoni teatrali (int u taħdimha/ tassistiha) jagħni l-isfida għall-qawma mil-letarġija li ġieli taħkimna. It-tmien kelma, fuq il-Golgota hi: "L-Għid it-Tajjeb tul is-sena kollha," ukoll jekk is-sema mċajpar. Jeħtieġ nemmnu li is-sewwa rebaħ, u dir-rebħa għad tidher fil-milja tagħha. F'dan jista' jagħti u jieħu sehem kulhadd, mhux bil- geddum, iżda bil-ferħa. Jekk le… Il-programm fil-Għargħur għal nhar il-Ħadd li ġej, Ħadd il-Palm: • L-Ewwel Att fil-5.00 pm qabel toħroġ il-purċissjoni • It-Tieni Att għall-ħabta tat-8.00 pm bil-vari fit-triq ta' quddiem il-Knisja. illum | Il-Ħadd 13 ta' Marzu 2016 Teatru tat-triq f 'Ħadd il-Palm Opinjoni 18 MEDIASPOT MINN MARIO AZZOPARDI Intervista mar-reġista Martin Gauci tal-Għargħur Xena mill-provi għad-dramm 'Ċuqlajta' f 'Ħadd il-Palm fil-Għargħur