Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/652695
Il-Ħadd 13 ta' Marzu 2016 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Il-poplu qed jixba' I l-każ tal-kumpanija ta' Konrad Mizzi fil- Panama issa dieħel fit-tielet ġimgħa tiegħu u minkejja li ż-żewġ partiti qed jaħsbu li l-poplu huwa impressjonat b'dak li qed jiġri fix-xena politika, fil-verità mhux. La huwa impressjonat bil- Gvern u l-ispjegazzjonijiet tal-Ministru Mizzi, la huwa impressjonat bil-PN u l-ħafna omeliji ta' ndafa u onestà u speċjalment mhux impressjonat bil-fatt li sentejn qabel l-elezzjoni, diġà qed naraw il-billboards telgħin u l-partiti jlestu l-munizzjon biex jibdew il-battalji pre-elettorali tagħhom. Fil-fatt, fil-ferneżija biex jiggranfaw ma' kull vot, u biex f 'din it-tellieqa lejn il-qiegħ jaraw min se jkun għad fadallu ftit ħajja, iż-żewġ partiti qed jinsew sezzjoni li qed tikber tal- poplu li qed issir diżulluża bil-politika Maltija. Qatt daqs illum mhu qed jinħass sens ta' qtigħ il- qalb li wieħed miż-żewġ partiti l-kbar jista' jagħmel differenza. Il-Gvern Laburista, ma jistax ikun qed jiċċelebra t-tielet sena minn rebħa storika, agħar minn hekk. Il-punt kollu li ħadd fil- Gvern donnu ma jrid jifhem huwa, li l-każ ta' Konrad Mizzi jmur lil hinn minn illegalità jew korruzzjoni, u jmur lil hinn minn fatti konkreti li jippuntaw lejn nar ta' korruzzjoni. Il-punt kollu huwa li b'dan il-każ, intefa' dell ikrah ħafna ta' dubju fuq Ministru, li sa ftit ilu kien meqjus bħala xi ħadd li jwettaq u li qed imexxi s-setturi tal-enerġija u tas-saħħa b'mod tajjeb ħafna. Kull spjegazzjoni tal- Ministru Mizzi issa, anke jekk mill-aktar ġenwina u veritiera, tkun nofsha inutli. Għax il-perċezzjoni li f 'dan il-każ hemm xi ħaġa tinten ġiet iffurmata, u kif suppost jaf kull min imur jitlob għall-vot, fil-politika, il- perċezzjoni hija importanti jekk trid issalva ġildek. Ħa nfakkru fi kliem tad- deheb li donnu kien hemm min nesa'. "Ma sibt ebda evidenza ta' korruzzjoni imma sibna ħafna koinċidenzi li jġegħluk taħseb. Kien hemm id- duħħan, imma mhux in- nar." Dan kien kliem l-Awditur Ġenerali waqt laqgħa tal- Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi f 'Novembru tal-2010. Il-każ kien dak li jirrelata mal-Power Station tal-BWSC, każ li tefa' dell ikrah ħafna fuq il-Gvern Nazzjonalista u li kien parti mir-raġuni għalfejn l-istess partit kien xkupat 'il barra mill-Gvern bl-aktar mod goff. Il-punt kollu huwa li anke jekk ma nstabx in-nar, anke jekk l-ebda Ministru ma kien arrestat u anke jekk l-ebda eks-Ministru Nazzjonalista ta' żmien il-Gvern ta' Gonzi ma jġorr iċ-ċertifikat definittiv ta' korrott, il-poplu hawn barra hekk kien qed jara lill-istess Gvern. Is-suspett kien biżżejjed biex il-poplu qal lin-Nazzjonalisti biex jitilqu u jagħmlu l-ispazju. Il-fatt li dan il-Gvern, li qed jikseb tant suċċessi ekonomiċi u li qed iwettaq tant bidliet pożittivi fil- pajjiż, ma jistax jifhem li dak li kien jgħodd ilbieraħ, għadu jgħodd illum, huwa inkredibbli. Min ma kienx jimpressjona ruħu taħt il-PN bl-argument li għax korruzzjoni mhux pruvata, mela kollox nadif tazza, mhux qed jimpressjona ruħu illum lanqas. Il-poplu qed jixba' issa. U l-politiċi li fit-torri tal- avorju tagħhom mhux qed jindunaw b'dan, mhuma xejn jekk mhux maqtugħin mir-realtà. Dawk in-nies ġenwini u ta' rieda tajba, illum qed jistaqsu jekk għadx fadal tama. Jekk għadx fadal alternattiva vijabbli għaż-żewġ partiti. Ħafna min-nies li ma jiddendlux rashom 'l isfel għall-partit tagħhom qed jistaqsu kif jista' jkun li l-politka ddeġenerat daqshekk f 'pajjiżna, fejn minflok tellieqa għal min se joħloq l-aktar xogħol u jagħmel l-aktar ġid spiċċajna f 'tellieqa ta' min miż-żewġ partiti huwa jew kien l-aktar maħmuġ. L-istħarriġ ippublikat illum fuq il-MaltaToday juri kif minkejja dan il-każ, Muscat u l-PL għadhom minn fuq, anke jekk b'inqas distakk minn qabel. Li mhu se jgħid ebda stħarriġ iżda, huwa li fil-fatt iż- żewġ partiti bħalissa huma tellifin. Ħadd m'għandu jikkonsla. Minflok, kull min qiegħed fil-Gvern, jew jaspira li jkun, għandu jibda jaħdem biex jirrestawra l-faċċata mġarrfa tal- politika Maltija. Editur: Albert Gauci Cunningham 19