Illum previous editions

ILLUM 13 Marzu 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/652695

Contents of this Issue

Navigation

Page 35 of 35

illum | Il-Ħadd 13 ta' Marzu 2016 Aħbarijiet L-edituri tat-Times jiċħdu li hemm indħil kummerċjali L-EDITURI ta' The Times of Malta, The Sunday Times u timesofmalta.com ċaħdu kategorikament li qatt kien hemm xi interferenza editorjali min-naħa kummerċjali tal-Allied Group fit-tmexxija ta' kuljum tal-istess gazzetta. L-edituri Steve Mallia, Ray Bugeja u Herman Grech, saħqu li, "L-edituri għandhom indipendenza totali fid-deċiżjonijiet tagħhom ta' kuljum f 'dak li għandu x'jaqsam mal-gazzetta. Qatt ma kien hemm xi deċiżjoni kummerċjali li affetwat deċiżjoni editorjali, aħseb u ara waħda politika." Il-grupp, Allied Newspapers Ltd. li huma l-pubblikaturi tal-gazzetti The Times fetħu inkjesta indipendenti wara li l-blogger Daphne Caruana galizia għamlet numru ta' allegazzjonijiet serji fil- konfront tal-istess gazzetta. Sakemm din l-inkejsta tintemm, id-direttur maniġerjali tal-grupp, Adrian Hillman se jkun qed jieħu l-leave u minfloku nħatar temporanjament Michael Rizzo. Caruana Galizia, fil- blogg tagħha tal-Ġimgħa irreferiet għaċ-chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-assi li għandu fil-British Virgin Islands u żiedet tgħid li, "Hemm ħafna iktar involut f 'din l-istorja u tinvolvi lill- Allied Newspapers Ltd., pubblikaturi tat-Times of Malta u The Sunday Times of Malta, li direttament tħalli impatt fuq il-kredibbiltà ta' dawn iż-żewġ gazzetti fiż- żmien ta' qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, b'tixħim f 'postijiet għolja." Il-blogger kompliet tgħid li Keith Schembri kien ilu jħallas lil Hillman għal snin sħaħ. Fl-istess waqt, qalet li Brian Tonna ta' Nexia BT, li kien waqqaf il-kumpaniji u t-trusts fil-Panama u New Zealand rispettivament għall-istess Schembri u Konrad Mizzi, "waqqaf ukoll kumpaniji separati għal Keith Schembri u Adrian Hillman xi snin ilu f 'ġuristizzjoni sigrieta (mhux il-Panama) fejn il- flus jinħaslu u jinħbew." Il-kumpanija sejħet għal din l-inkjesta indipendenti, iżda żiedet tgħid li dan ma jfissirx li l-kumpanija qed taċċetta li dawn l-allegazzjonijiet huma veritiera imma bħala miżura ta' 'good governance'. L-edituri komplew isostnu li bħal kull kumpanija, l-edituri jiddiskutu mal- management tal-kumpanija, inkluż mad-direttur maniġerjali. Madanakollu, il-management qatt ma impona deċiżjonijiet editorjali. Id-direttur maniġerjali ta' Allied Group, Adrian Hillman Il-PN iżomm lura dwar Reno Bugeja Ma jgħidx x'irwol jista' jkollu Bugeja fil-PBS jekk jerġa' jitla' fil-Gvern minn Albert Gauci Cunningham MINKEJJA l-kritika kontinwa u qawwija direzzjonata lejn il-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja, l-Partit Nazzjonalista ma jridx jgħid x'irwol ikollu Bugeja fil-PBS u jekk dan iżommx postu kemm-il darba l-partit jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Bugeja ilu fil-mira tal-PN għal xhur sħaħ. F'Diċembru li għadda, il-Kelliem tal-PN għad-Drittijiet taċ-ċittadin Clyde Puli kien saħansitra akkużah b'għemil gravi meta, skont hu, ipprova jaħbi l-istorja dwar l-atteġjament tal-MP Laburista Joe Debono Grech fil-Parlament. Dakinhar, Puli kien qal li t-tmexxija tal-aħbarijiet tal-PBS mhux kredibbli u li l-istess Bugeja qed ikun manipulat minn Kastilja. F'Mejju tas-sena l-oħra, il-Kelliem għall-Ġustizzja tal-PN, Jason Azzopardi kien qal li Bugeja kien niżel f 'livelli mill-aktar baxxi meta skontu, l-aħbarijiet tal-PBS, irraporta l-kontra ta' dak li fil-fatt kien ġara. L-istess Azzopardi kien ħeġġeġ lil dawk li huma ħbieb tiegħu fuq Facebook biex jaraw kif Reno, 'vilment' qaleb l-istess aħbar. Minkejja dan, il-PN ma weġibx direttament il- mistoqsijiet tal-ILLUM dwar l-irwol li jista' jkollu Bugeja kemm-il darba jirbaħ l-elezzjoni. Minflok, fir-risposta lil din il- gazzetta intqal li, "l-PN iħalli lill-poplu Malti u Għawdxi jiġġudika hu jekk it-tmexxija tal-PBS hijiex waħda xierqa jew le." L-ILLUM staqsiet lill- PN x'jista' jkun l-irwol ta' Bugeja, fid-dawl tal-kritika kontinwa direzzjonata lejh, fil-każ li l-PN jirbaħ l-elezzjoni li jmiss. Din il-gazzetta staqsiet ukoll jekk Partit Nazzjonalista fil-Gvern jarax il-possibilità li Bugeja jżomm il-kariga li għandu illum u jekk le, jekk jarax il-possibilità li jkollu rwol ieħor fil-PBS. Fl-aħħar nett, l-ILLUM staqsiet ukoll x'qed jistenna l-PN li jagħmel il-Gvern preżenti fil-konfront ta' Bugeja. Fir-risposta li ngħatajna, kuntrarjament għal sitwazzjonijiet passati, il- PN kien attent ħafna li ma jiftaħx il-kanuni direttament fuq Bugeja. Kelliem għall- partit spjega kif skont il-PN, "il-problema fil-PBS mhux biss dik ta' individwi, iżda ta' ndħil u direzzjoni ċara minn Kastilja." Il-PN ifakkar ukoll kif il-PBS, "diġà nstab ħati darbtejn ta' żbilanċ kontrih." Intant fir-risposta tiegħu, il-PN fakkar kif impenja ruħu fid-dokument 'Nibnu Fiduċja ġdida fil-Politika' li l-istazzjon nazzjonali għandu jkun tassew indipendenti u maqtugħ minn kull partit politiku. Din hija xi ħaġa, skont il- PN, li bħalissa ma teżistix. Minkejja li jidher li l-PN qed iżomm lura milli jgħid b'mod ċar x'ikun il-futur ta' Bugeja f 'każ li l-PN jirbaħ l-elezzjoni li jmiss, fir-risposta lill- ILLUM jgħid li "l-għażla tat-tmexxija tal-aħbarijiet u programmi kurrenti fil- PBS għandha taqa' fuq nies indipendenti, li ma jitħallew jiġu kkontrollati minn ebda partit." Is-sena l-oħra, Reno Bugeja kien għamel ilment lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin li fih akkuża lill-PN li qed jagħmel "kampanja sistematika kontrih." L-Istitut kien laqa' din it-talba u qal li l-PN kellu jfittex rimedji oħrajn qabel "isiru xi akkużi pubbliċi maħsuba biex jimminaw il- kredibbiltà ġurnalistika." Reno Bugeja fil-mira ta' kritika mill-PN għall-aħħar xhur

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 13 Marzu 2016