Illum previous editions

ILLUM 8 May 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/676914

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

minn Sharon Calleja F'DIK l-għodwa kiesħa ta' Diċembru, ir-riħa ta' kafè mħawwar kienet qiegħda tiffermenta fil-ħanut imdaqqas tal-kantuniera. L-ilħna ta' tpaċpiċ kontinwu ġej mill-mejda ta' maġenbha kien kważi beda jdejjaqha. Ħasset leħinhom jagħfas fuq il-vini ta' moħħha. Tgħid għax kienet eċitata? Jew forsi għax lanqas kienet taf kif kellha taqbad tgħidilha? Għalkemm kienet ċemplitilha malli daħlilha l-ħsieb, issa ħasset l-għaraq ixoqq għaliha hekk kif instemgħet il-qanpiena ċkejkna ta' fuq il-bieb tal- kafeterija fejn kienet intasbet bilqiegħda. Qalbha ħassitha tagħmel tikk. Tgħid kienet hi? Iżda malli rat koppja deħlin imqabbdin f 'xulxin, b'wiċċhom għad-dawl, jiċċaċċraw flimkien, ħassitha tieħu r-ruħ. "Għalxejn qiegħda tifraħ. La qaltlek li ġejja, xorta trid tiffaċċjaha," qalilha l-leħen tas-subkonxju, hekk kif daret tħares barra mit-tieqa lejn in-nies għaddejjin minn fuq il-bankina u l-karozzi għaddejjin mgħaġġla. Inħasdet. Ħasset id fuq spallitha li qatgħetha sebgħa pulzieri minn fuq is-siġġu komdu li kienet mixħuta fuqu. "X'nagħmillek?" staqsietha l-waitress bi tbissima falza fuq wiċċha. Għalkemm kienet għadha tibda l-ġurnata, kienet diġà xebgħet titbissem lill- klijenti li kienu jiġu kull filgħodu qabel ix-xogħol. L-iżjed li kien jinbiegħ f'dal-ħanut, kien il-kafè akkumpanjat mill-inbid ta' dawk l-erba' klijenti regolari li kienu jħobbu jlegilgu l-qatra kull filgħaxija. Kienet iddejqet f'dan ix-xogħol u kull filgħodu kienet tisma' leħen ommha jidwi f'moħħha. "Mur l-iskola binti, studja, tgħallem ħalli jkollok xogħol tajjeb." Iżda qatt ma kienet tatha widen u spiċċat tatha raġun meta kien tard wisq. "Għamlilna tnejn espresso," qaltilha Louisa li kienet għadha kif daħlet, liebsa kowt mill- ifjen. Ir-riħa ta' fwieħa mliet il-ħanut. Kien hemm xi rġiel bilqiegħda li bdew iħarsulha b'interess partikolari. Louisa kellha figura perfetta, xagħarha magħmul donnu għadha kemm ħarġet mingħand il-parrukkier u l-irtokk fuq wiċċha kien jagħtiha dehra sofistikata. Alicia ħassitha mħarbta u seħtet il-mument li kienet telqet mid-dar bla ma rranġat naqra xuxitha u qabdet libset ta' kafkaf. "X'għandek bżonn?" staqsietha Louisa xħin kienu t-tnejn bilqiegħda quddiem xulxin. "Għandi bżonn favur." Alicia ħasset għoqda fi griżmejha. "Eħe? U?" "Inti taf li Teddie, r-raġel tiegħi beda jaħdem fil-fabbrika l-kbira li kont għidtlek. Saru parti minn dittà importanti u se jagħmlu riċeviment kbir..." Il-wejtress ġabitilhom il-kafè. Louisa ressqet xufftejha qrib il-kikkra, nefħet b'mod delikat ħalli jibred u ħadet belgħa. "Libsa xtrajt. Imma ġizirana, brazzuletta u msielet m'għandix. Xtaqt li nkun nidher tajba." Leħinha donnu nkiser. Kemm kienet tobgħod tiġi bżonn in- nies! Imma stħat tkun tidher inqas minn ħaddiehor. Kienet taf li Louisa, għall-kuntrarju tagħhom kienet tat-tajjeb, bint wieħed mill-ogħla imprendituri f'Malta. "Jaqaw tridni nsellfek xi ħaga minn tiegħi?" Għajnejn Alicia xegħlu. Għamlitilha iva b'rasha, xi ftit mistħija. "Għal daqshekk? Ejja għandi llejla." "Grazzi! Grazzi ħafna!" Wasal il-jum tant mistenni. Alicia ħassitha qiegħda tgħix f'ħolma. Kienet waħda mill- isbaħ nisa li kien hemm fir- riċeviment. Għalkemm il-libsa li kienet xtrat kienet sempliċi, il-ġizirana b'pendent ta' djamant abjad li kellha madwar għonqha kien impekkabbli. L-imsielet u l-brazzuletta pariġġ ma kienux jagħmlu għajb! In-nisa l-oħra tgħidx kemm għaddewlha kumplimenti. Għall-ewwel darba f'ħajjitha ħassitha ċ-ċentru tal-attenzjoni! Hi u Teddie kienu żifnu mhux ftit u tgħidx kemm ħadu gost. Teddie ma setgħax jaqla' għajnejh minn fuqha. "Imnalla sellfitek dawn il-ġojjelli," qalilha hekk kif dawwarha tnejn wara xulxin u għal ftit ma ħassithiex titlef il- bilanċ. L-inbid kien telgħa għal rasha. "M'hawnx isbaħ minnek," qalilha. Kien propju eżatt malli telqu 'l barra li ħasset id-dinja tinqaleb ta' taħt fuq. Għamlet idha ma' għonqha biex tħoss id-djamant. Ma kienx għadu hemm! Għonqha kien vojt! Minn dak il-ħin sa xħin waslu d-dar kien qam paniku sħiħ. Għalxejn hi u Teddie marru lura jfittxu d-djamant. Għalxejn imxew eżatt fuq il-passi li kienu għamlu aktar kmieni. Il-ġiżrana ma nstabet imkien. Tgħidx kemm bkiet xħin waslu d-dar! Kif kienet ser tgħid lil Louisa li kienet tilfitilha d-djamant? L-għada filghodu ċemplitilha bi skuza li ma kinitx tiflaħ. Minflok, marret iddur il-ħwienet tad-deheb u wara li kwazi qalgħet saqajha u qatgħet qalbha, għajnejha waqgħu fuq ġizirana identika għal dik li kienet sellfitha ħabibitha. "Nista' nħallsek bin-nifs?" staqsiet lil tal-ħanut xħin rat il-prezz. Kienet tiswa' madwar ħames mitt elf ewro. Tal-ħanut kien se jkun pront jgħidilha le iżda xħin ra għajnejha jleqqu fid-dmugħ u kien jaf x'mara kienet, aċċetta kontra qalbu. Alicia telqet tiġri 'l barra biha, ferħana li kienet ser tagħtihielha lura. Kellha ssib żewg xogħlijiet, bdiet taħdem minn dlam sa' dlam. Biegħet xi oġġetti mid-dar, neħħiet il-karozza u għamlet f'moħħha li tħallas dak l-imbierek djamant li kienet tilfet dakinhar tal-festin. Għadda ż-żmien. Wara li gerrbu sentejn, Alicia erħitilha għand tad-deheb u b'qalbha f'idha tatu l-aħħar pagament. Ħasset id-dmugħ iġelben minn għajnejha hekk kif rifset l-għatba tiegħu għall-aħħar darba. Kienet batiet. Kien hemm mumenti meta kienet kwazi qatgħet qalbha. Iżda llum ħassitha tieħu nifs twil ta' serħan! Id-djamant kien imħallas kollu! Baqgħet sejra għand il-ħanut tal-kafè tal-kantuniera fejn kienet iltaqgħet ma' Louisa daqs xi sentejn ilu. Riedet tiċċelebra l-fatt li kienet ħielsa. Poġġiet bilqegħda u ordnat tazza meraq tal-larinġ. Ħaġa tal-għaġeb, semgħet il-qanpiena ċ-ċkejkna tal-bieb iddoqq u f'ħin bla waqt, oħroġ il-għaġeb, lemħet lil Louisa dieħla fil-ħanut akkumpanjata minn raġel ġdid. "Alicia?" staqsietha Louisa hekk kif waqfet tħares lejha. "Louisa! Lanqas irrid nemmen li qed narak hawn!" "Kif inti?" "Għaddejt minn żmien xi ftit ikrah." "U għalfejn?" "Louisa, issa nħoss li nista' ngħidlek. Għax....għax dakinhar li kont selliftni d-djamant..." "Djamant? U ejja Alicia, ejja nkunu realistiċi. Dak ma kienx djamant imma imitazzjoni." Alicia ħasset fawra tielgħa għal rasha u rat il-ħanut idur biha. "X'inhu? Jiġifieri....?" staqsietha. "Tgħidlix li ħsibtu djamant ta' veru?" weġbitha Louisa bi tbissima. Il-Ħadd 08 ta' Mejju 2016 | illum Rakkont 23 Id-djamant

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 8 May 2016