Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/676914
minn Veronica Lynn Mizzi TAMMETTI jew le, u trid jew ma tridx, fil-lejla tas-semifinali u tal-finali (dejjem jekk Malta tgħaddi) tal-Eurovision, kulħadd se jkun quddiem it-televixin jew quddiem xi big screen isegwi l-ispettaklu. Jekk mhux kollu, tal-inqas meta tkun qed tkanta Malta, ħalli ma nħossuniex daqslikieku ngħixu f 'xi dinja oħra meta l-għada, nibdew nisimgħu kummenti bħal, 'Kemm ħarġitilha tajjeb!, 'Rajtha kemm taf tkanta?', jew inkella l-klassika, 'Hemm x'kienet liebsa?' Il-kanzunetta Maltija 'Walk on Water', diġà hija t-tielet l-iktar kanzunetta li għandha views fuq YouTube, billi sakemm dan l-artiklu ħareġ għall-pubblikazzjoni, kellha ftit inqas minn 4 miljuni. Għalkemm in-numru ta' views ma jkunux qed ibassru r-rebbieħa, xorta waħda jagħtu idea ta' liema huma dawk il-kanzunetti li l-aktar qed jinstemgħu min-nies, u huma popolari f 'dik l-edizzjoni. Fil-fatt, fost id-diski li l-aktar kellhom views s'issa, wieħed isib dawk li ilhom jissemmew bħala l-favoriti, bħal Franza, l-Awstralja, minbarra Malta. L-istess jista' jingħad għall- kumpaniji tal-imħatri u l-bookmakers li jpoġġu l-pajjiżi f 'lista ta' kif jaħsbu li se jmorru, u min jilgħab il-flus u jaqta' kapaċi jagħmel somma ġmielha. Dawn mhumiex xi studji xjentifiċi ta' kif se tkun qed tmur diska finalment, iżda jgħinu sabiex tingħata stampa ċara ta' dawk li l-pajjiżi li wieħed forsi għandu joqgħod iktar attent biex jismagħhom dakinhar tal-ispettaklu. Dwar ir-rappreżentanta Maltija u ċ-ċans reali li Ira tilħaq il-quċċata tas-suċċess f 'dan il-festival, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' tliet persuni li l-Eurovision, mhux sempliċiment jarawh, imma f 'dawn iż-żminijiet, jekk ma jkunux qegħdin isegwuh direttament mill-arena, ikunu qed jiktbu dwaru, u jsegwu sal-inqas konferenza tal- aħbarijiet. Il-preżentatur Peter Carbonaro, li ta' kull sena jwassal programmi u kollegamenti diretti mill- post li jkun qed jospita l-festival, tkellem ma' din il-gazzetta dwar it-tamiet u l-fiduċja li għandu li minbarra li l-kantanta Maltija tgħaddi għas-semifinali, din tmur tajjeb ukoll fil-finali. Carbonaro, li jinsab l-Iżvezja sabiex isegwi dak kollu li qed jiġri, qal li meta tkun hemmhekk, l-atmosfera u l-opinjonijiet ivarjaw minn dawk li nisimgħu hawn Malta. Qal ukoll kif inhu fiduċjuż ħafna li minbarra li tgħaddi għas-serata finali, Ira Losco takkwista post mal-ewwel sitta fil-finali. Peter Carbonaro, li il-u jattendi għas-serati live għal dawn l-aħħar 10 snin, kien verament pożittiv fi kliemu dwar id-diska u l-kantanta, hekk kif sostna li t-tim Malti huwa preparat ħafna u ntbagħtet l-iktar kantanta b'esperjenza li stajna nibgħatu. Dwar id- diska fiha nnifisha, Carbonaro qal li, "l-livell u t-tip ta' kanzunetta huma għoljin u għandha l-potenzjal li tmur tajjeb ħafna. Anke l-fatt li d-diska nkitbet minn nies li jifhmu ħafna fil-Eurovision u jafu xi jridu jisimgħu n-nies, tgħin ħafna wkoll." Kompla jsostni li d-delegazzjoni Maltija, marret l-Iżvezja biex tirbaħ u wera t-tamiet tiegħu fis-suċċess tad-diska meta qal li, "qatt ma kellna diska tajba daqs ta' din is-sena biex nirbħu." Dwar il-kantanta li se tkun qed tirrapreżentana, Carbonaro insista li, "b'Ira Losco għandna l-vantaġġ li għandna kantanta ta' esperjenza u li taf x'għandha tagħmel fuq il-palk u kif tmur mal-ġurnalisti, u dawn l-affarijiet jagħmlu d-differenza." Minkejja dan, il-preżentatur u personalità sinonimu mal-Eurovision Deo Grech ma kienx daqshekk pożittiv fil-kritika tiegħu, u qal li kien hemm ħafna opinjonijiet kuntrastanti għax meta tara l-odds, tara li Malta ħadet post stabbli fil-ħames post, b'ċans li tiċċaqlaq u titla' fir-raba' wieħed, iżda skont diversi opinjonijiet ta' ġurnalisti barranin, id-diska Maltija ma kinetx mal-favoriti, tant li ma tantx semmewha. Dwar il- possibbiltà li d-diska 'Walk on Water' tkun fil-quċċata, Grech ammetta li jixtieq ħafna li kieku dan iseħħ, iżda qal li "realistikament, għadu diffiċli." Deo Grech, li ilu jmur jara s-serati direttament fl-areni Ewropej sa mill-2005, qal li mill-ewwel prova stenna li jkun hemm iktar ħajja fuq il-palk anke bħala kuluri, "għaliex rajna ħafna kuluri skuri, li iktar stħajjiltha għandha tema ta' xi 'into the woods', milli 'walk on water.' Minkejja dan, qal ukoll li dawk ta' nhar it-Tlieta li għadda kienu biss l-ewwel provi u għadu wisq kmieni sabiex wieħed jitkellem għaliex l-affarijiet jinbidlu ferm. Dan waqt li "vokalment ħarġet tajjeb ħafna u dik personalment naħseb li hija l-aktar ħaġa importanti." Minkejja li Deo Grech u Peter Carbonaro ma qablux dwar il-mod ta' kif intlaqgħet id-diska internazzjonalment, it-tnejn qablu li l-ewwel semifinali, li Malta se tkun qed tkanta fiha fl-aħħar post, hija l-iktar waħda diffiċli mit-tnejn li huma, bl-iktar kanzunetti kwotati jkunu fiha. Tant hu hekk, li Peter Carbonaro sostna li, "hija iktar faċli li mmorru tajjeb fil-finali (jekk ngħaddu) milli fis-semifinali, għaliex il-kompetizzjoni hi ferm iktar qawwija." Min-naħa tiegħu, il-PRO tas-sit tal-Eurovision u x-xena mużikali lokali escflashmalta, Marc Calleja Bayliss, meta tkellem ma' din il-gazzetta sostna li b'mod ġenerali, 'Walk on Water' ġiet milqugħa tajjeb mis-segwaċi barranin, tant hu hekk li qiegħda tikkompeti tajjeb mal-favoriti nett. Meta mistoqsija dwar liem huma dawk il-kanzunetti li jafu jkunu ta' għadma iebsa għal Ira Losco sabiex tegħleb, it-tliet osservaturi tal-Eurovision qablu f 'dawk il-pajjiżi li semmew, li kienu l-Awstralja, Franza u r-Russja, primarjament. Finalment, filwaqt li t-tlieta awguraw li Malta tmur tajjeb, Calleja Bayliss temm jgħid li, "nemmen li din il-kanzunetta b'mod partikolari, għandha ċans tajjeb tikkompeti għar- rebħ, b'dinamika b'saħħitha, u ħafna xogħol minn tim professjonali għall-aħħar li għen f 'ħafna aspeti, inkluż il-promozzjoni. illum | Il-Ħadd 08 ta' Mejju 2016 Aħbarijiet 6 Il-Maltin fiduċjużi Id-deni tal-Eurovision jilħaq il-quċċata din il-ġimgħa Peter Carbonaro Marc Calleja Bayliss Ritratt: Allen Venables Deo Grech