Illum previous editions

illum 23 November 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/421392

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 39

6 illum | Il-Ħadd 23 ta' Novembru 2014 L-iskart mill-ikel fuq l-aġenda nazzjonali "GĦALLEWWEL darba għandna Gvern li poġġa l-iskart li ġej mill-ikel fuq l-aġenda nazzjonali." Dan qalu l-Ministru għall- Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta kien qed jindirizza l-konferenza nazzjonali dwar l-iskart mill-ikel 'A Strategy for the Prevention and Reduction of Food Waste'. Brincat qal li wieħed irid iżomm f 'moħħu li l-ħela tal-ikel tista' tibda propju minn dak l-istadju fejn l-ikel ikun prodott u proċessat u mhux biss fl-istadju tal- konsum. "Madwar id-dinja, madwar terz tal-ikel prodott għall-konsum mill-bniedem jintilef jew jinħela, filwaqt li fl-Unjoni Ewropea nnifisha jiġi ġġenerat madwar 90 miljun tunellata ta' skart mill-ikel kull sena." Il-Ministru tenna li dan ma jfisser xejn ħlief ħela ta' riżorsi bħall-ilma, l-enerġija, l-fertilizzanti u anki l-art, kif ukoll impatt negattiv fuq it-tibdil fil-klima minħabba żieda fl-impronta tal-karbonju globali li hija stmata li tilħaq id-doppju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li kienet tipproduċi l-Istati Uniti sa ftit tas-snin ilu. "F'dinja fejn il-faqar soċjali u reali jkompli tiela' 'l fuq minkejja kull tkabbir ekonomiku, wieħed jinnota li sfortunatament l-iskart mill-ikel ixekkel u jimblokka kull attentat għat-tnaqqis tal- faqar innifsu, kif ukoll sabiex tittejjeb is-sigurtà globali fl-ikel" qal Brincat. Żied li għadd ta' għaqdiet globali inkluż l-Organizzazzjoni tal- Ikel u l-Agrikultura tal-Ġnus Magħquda nnifisha qed juru tħassib serju dwar dan. Meta tkellem dwar il-Food Waste Working Group li ġie mwaqqaf fl- aħħar ta' Ġunju li għadda, il-Ministru Brincat qal li mir-rapport ħareġ ċar li kulħadd irid jagħti sehmu biex din il-kampanja kontra l-ħela tal-ikel tagħti r-riżultati mixtieqa. "Mill- familji nfushom għal lukandi u stabbilimenti tal-akkomodazzjoni, r-restoranti, s-snack bars u take away kiosks, dawk li bħala fornituri jipprovdu l-ikel u x-xorb, il-confectioners, min imexxi l-kantins flimkien mat-tuck shops fl-iskejjel". Qal ukoll li ma' dawn wieħed irid iżid ukoll kull tip ta' outside catering mill-funzjonijiet pubbliċi bħat-tiġijiet, il-catering tal- linji tal-ajru kif ukoll l-ikel fl-isptarijiet u d-djar tal- anzjani. Il-Ministru Brincat qal li meta wieħed iqis kollox toħroġ ċara l-ħtieġa ta' kampanja intensiva ta' edukazzjoni u informazzjoni li trid tkun immirata b'mod differenti għal faxex differenti tas-soċjetà. "Daqstant ieħor hemm bżonn li jitħaffef il-proċess biex tiġi introdotta sistema separata għall-ġbir tal-iskart mill-ikel tal-familji Maltin u Għawdxin". Żied jgħid "Jeħtieġ li jiġi inkoraġġit aktar il- composting tal-iskart meqjus biodegradabbli. Filwaqt li l-istess kif hemm kampanja nazzjonali li tipprovdi għat- tnaqqis tal-iskart inġenerali, daqstant ieħor pajjiżna għandu bżonn urġenti tal- introduzzjoni ta' Food Waste Prevention Programme ħalli din il-ħela tiġi minimizzata kemm jista' jkun". Il-Ministru saħaq li ċ-ċittadini jeħtieġu wkoll li jiġu aġġornati dwar kemm in-nefqa attwali tal-kunsilli lokali rispettivi tagħhom qed tiġi milquta direttament, kemm-il darba s-sistemi ta' immaniġġjar tal-iskart fil-lokalitajiet ma tkunx qed issir bil-galbu meħtieġ. Malta tisħaq favur status quo dwar ir-regola tal-inqas dazju "MALTA temmen li r-regolamenti li qed jiġu proposti aktar milli se jiftħu s-swieq ta' pajjiżi terzi f 'dak li huwa akkwist pubbliku, se jkunu qed jipperikolaw ir-relazzjonijiet bilaterali tal-Unjoni Ewropea mal- imsieħba kummerċjali ewlenin. Dawn ir-regolamenti jistgħu jwasslu għal ritaljazzjoni u aktar protezzjoniżmu kontra l-Unjoni Ewropea." Dan qalu l-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona f 'laqgħa oħra tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin dwar il-Kummerċ. Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea fejn qal li Malta tisħaq fuq il-pożizzjoni tagħha favur status quo dwar ir-regola tal-inqas dazju. "It-tibdiliet li saru f 'dan il- kompromess ma jindirizzawx l-implikazzjonijiet finanzjarji li ħa jġibu magħhom it- tibdiliet fuq l-applikazzjoni ta' din ir-regola. Jekk ħa nkomplu nisħqu għal tibdil fir-regola tal-inqas dazju, Malta ma tarax lok biex jitkomplew diskussjonijiet fuq dan is- suġġett," saħaq Cardona. Dwar ix-Xiri Pubbliku Cardona qal "Biex jinfetħu s-swieq ta' pajjiżi terzi f 'dak li huwa akkwist pubbliku, minflok ma tirrikorri għall- miżuri punittivi li ħafna drabi jiġbdu reazzjoni negattiva, l-Unjoni Ewropea teħtieġ li tinnegozja u tiddjaloga ma' pajjiżi terzi bħalma jiġri fit-trattati tal-Kummerċ tal- Unjoni Ewropea." Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-ftehim Transatlantiku ta' Kummerċ u Investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti, fejn filwaqt li rringrazzja lill-Presidenza għall-isforzi tagħha fit- tfassil tal-konklużjonijiet, irriafferma l-appoġġ ta' Malta lill-Kummissjoni f 'dawn in-negozjati diffiċli. Il-konklużjonijiet abbozzati mill-Presidenza jenfasizzaw l-aktar elementi importanti li jeħtieġ li jiġu indirizzati f 'dan l-istadju tan-negozjati, bħat-trasparenza, il- komunikazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-importanza ta' riżultat ambizzjuż. F'dawn il-laqgħat il- Ministru Cardona kellu wkoll l-okkażjoni jiltaqa' għal ewwel darba ma' Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall- Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Hemm bżonn li tiġi introdotta sistema separata għall-ġbir tal-iskart mill-ikel tal-familji Maltin u Għawdxin Il-Ministru Cardona ma' Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 23 November 2014