Illum previous editions

ILLUM 29 Novembru 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/608325

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 39

20 illum | Il-Ħadd 29 ta' Novembru 2015 N ixtieq nagħmel mod ġdid ta' politika. Kull mexxej politiku ġdid, Malti jew Barrani dejjem hekk jgħid fl-ewwel diskorsi tiegħu. Iżda ftit wara, kulħadd jifhem li dan hu biss diskors jekk mhux diskors fil-vojt! Fil-verità jew fis-sustanza, il-politika tibqa' l-istess, kultant jinbidlu l-forom, imma bejn ir-retorika tal-politiku u l-fatti, jibqa' oċean jikkumbatti. Il-mewġa ta' theddid, terrur u terroriżmu li qed nesperjenzaw illum mhux xi fenomenu tal-preżent. Ilna għaddejjin bih. Kulħadd jitkellem dwar il-paċi u l-istabbiltà iżda sadattant ħadd għadu ma sab soluzzjoni għal dawn it-traġedji umani, li qed iseħħu l-aktar għax min għandu l-awtorità u r-responsabbiltà li jieħu d-deċiżjonijiet mhux qed jaqbad il-barri minn qrunu! Tisma' lil Barack Obama jew lil Hollande jitkellmu, taħsibhom il-qaddisin tas- seklu imma f 'diskorshom toħroġ l-ipokrezija tar-retorika versu l-impenn biex twettaq. F'dinja globalizzata fejn issa qed nitkellmu iktar dwar l-interess tal-Umanità milli l-interess Nazzjonali, il-pajjizi żviluppati bis-saħħa ekonomika u militari tagħhom jibqgħu jfittxu dak li jaqbel lilhom l-ewwel u qabel kollox. L-Amerika trid tiddetta lir-Russja kif għandha ġġib ruħha u din trid tiddetta lit- Turkija x'għandha tagħmel. Il-pajjiżi Afrikani li stagħnew bil-ġid naturali, jiġu jaqgħu u jqumu mill-ġirien tagħhom u ta' fuq ma jinteressahomx x'jagħmlu t'isfel. X'jiġri fl-Iraq, fis-Sirja, fil-Libja, fis-Somalja jew fl-Eritrea mhux se jħalli lill-politiċi tal- Ġordan, tal-Għarabja Sawdija jew tal-Emirati Għarab Magħquda ma jorqdux bil-lejl! L-antagoniżmu bejn il-Lhud u l-Palestinjani ma żvintax, lanqas dak bejn il-Korea ta' Fuq u t'Isfel jew bejn l-Indjani u l-Pakistani. Illum ukoll trid mikroskopju biex forsi ssib roqgħa fuq wiċċ id-dinja fejn m'hemmx sinjali jew sintomi ta' kriżijiet, gwerer u terroriżmu. Ma ħallejniex reġjun li mhux mifni b'xi forma ta' terrur! Dan iseħħ meta għandna strutturi li suppost jaraw li dan ma jseħħx. X'qed jagħmlu konkretament il- Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda? U l-istituzzjonijiet internazzjonali l-oħrajn, ħlief li jpaċpċu dwar il-ħtieġa tal-Paċi u Sigurtà imbagħad tagħsar u ma ssib xejn. Kemm se ndumu nitkellmu dwar id-drittijiet umani imbagħad inħallu dawn l-attroċitajiet u r-rovini tal-umanità? Fl-Ewropa mhux inqas mill-kumplament tad- dinja, waqqafna unjoni biex suppost tgħaqqad, iżda spiċċajna li minflok insaħħu l-għaqda, nitkellmu biex ma ninfirdux. Xorta baqgħet tinxtamm ir-riħa ta' min hu l-aqwa jħawwel. Deher ċar meta ġejna biex nitrattaw l-immigrazzjoni. Sakemm ma messitx lilna rreżistejna l-kunsiderazzjoni għal soluzzjoni. Aħna l-Maltin u magħna t-Taljani, sibna widnejn torox meta wrejna kif il-Mediterran jinsab taħt theddida u l-baħar li jifridna mill-Afrika, spicca ċimiterju ta' vittmi innoċenti. Stembħet l-Ewropa meta l-immigranti tfaċċaw fuq l-għatba tal- pajjiżi l-kbar. Iżda anke hawn, spiċċajna nipprietkaw l-integrazzjoni imbagħad rajna kif għamilna biex nagħlqu l-fruntieri u nsaħħu l-kontrolli. Bħal fil-kwistjoni tal- immigranti, ġralna fit- terroriżmu. Meta konna naħsbu li l-missjoni tal-Al Qaeda mhix ħobż għal snienna, għax ma kinitx wara biebna, ma xammejniex li l-ISIS daħlet fil-qalba tal- Ewropa u issa stenbaħna biex naraw fuq min se nduru biex niddefendu ruħna. Dan hu l-mod ġdid kif nagħmlu l-politika? Quddiem dan ix-xenarju reali, Malta trid u ma tridx ikollha timxi fuq il-passi tal-Unjoni Ewropea bil- konsegwenzi kollha li sitwazzjoni bħal din iġġib magħha. Kellna fostna min ried iħawwad l-imħuħ għax m'aħniex imħawdin biżżejjed! Waqt li l-prijorità kellha tkun kif se nħarsu s-sigurtà ta' pajjiżna bl- aħjar mezzi disponibbli spiċċajna nitkellmu dwar l-interpretazzjoni tan- newtralità fil-kostituzzjoni tagħna. Qisu d-definizzjoni tan-newtralità se taghmel xi differenza għat-terroristi! Kellna l-ogħla istituzzjoni tal- pajjiż taħli ħin prezzjuż biex deputat jgħajjar lil deputat ieħor, issir apoloġija, jingħata ruling mill-ispeaker li ma qablux miegħu ż-żewġ naħat, tgħaddi mozzjoni emendata, u ħlief Debono Grech tiela' u Marlene Farrugia nieżla ma smajniex! U bhal kieku dawn il- kummiedji ma kinux biżżejjed, kien hawn min ried jiżra' l-biża' fost in-nies. Bil-kemm ma riedux jgħidu li waslet l-aħħar tad-dinja u se tibda t-tielet gwerra dinjija għax dak li qal il-Papa bdew iħalltuh ma' x'bassar Nostradamus! Qalu li Sirjani nqabdu l-Italja b'passaporti foloz u kienu gejjin f 'Malta waqt li wrew filmati tal-bandiera Maltija ma' bnadar ta' pajjiżi oħra li ġew deskritti li dawn jiffurmaw il-koalizzjoni tax- xjaten kontra l-ISIS. Qisu kien hemm xi konnessjoni bejniethom! X'ma qalux u x'ma wrewx fuq is-siti socjali biex titħarbat l-aspettattiva li kien hemm kemm għall- Valletta Summit kif ukoll għaċ-CHOGM? Fi żminijiet li għaddejjin minnhom, żgur li mhix din il-politika għan-nies. Qabel xejn, il-Parlament għandu jkun strumentali biex quddiem sfidi li jkollu l-pajjiż, u li ġejjin minn barra, jkun magħqud. Fuq dan il-livell, m'għandu qatt jidħol l-interess partiġġjan. X'ried jgħid biha l-Kap tal-Oppożizzjoni li l-ewwel ma qabilx mas- sospensjoni tax-Schengen imbagħad qal li lest li jaqbel jekk jingħata spjegazzjoni? Dan x'logħob hu? Għalfejn saret kampanja orkestrata biex toħloq biża' fost il-poplu bil-għan li l-Gvern jidher f 'dell ikrah? Dan hu l-mod ġdid ta' politika? Manuel Micallef huwa opinjonista Opinjoni manuel micallef Mod ġdid ta' politika "Tisma' lil Obama jew lil Hollande jitkellmu, taħsibhom il- qaddisin tas- seklu imma f 'diskorshom toħroġ l-ipokrezija tar-retorika"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 29 Novembru 2015