Illum previous editions

ILLUM 29 Novembru 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/608325

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 39

Il-Ħadd 29 ta' Novembru 2015 | illum 21 D in il-Ġimgħa filgħodu, inżilt l-Imġarr biex immur ix- xogħol Malta mal-vapur tas 6.45am. Però kien imtela', u għalhekk kelli nistenna l-vapur ta' wara. Qaluli li billi hemm ir-riħ mill- Majjistral forza 6, il-vapur qed idur wara Kemmuna. Fil-fatt, minn Malta, il-vapur wasal fis-7.30am, sakemm għabba, ħa kwarta u għalhekk tlaqna fit-7.45am. Wara xebgħa baħar fil-fliegu, wasalna fit-8.30am iċ-Ċirkewwa u qbadt triqti lejn l-isptar fejn wasalt fid-9.15am meta kont ippjanat li nkun hemm fis-7.45am. Ġurnata xogħol niġġieled mal-ħin għaliex kont tlift dik is-siegħa u nofs. Bir-riħ jonfoħ fl-isfond għaddast rasi għax- xogħol delikat tal-għajnejn. Moħħi l-ħin kollu jaħseb fuq it-temp, "Tgħid għadu jdur wara Kemmuna? Tgħid żdied ir-riħ? Tgħid se jkompli jaħdem il-vapur?" Fil-5.30pm, ċempilli ħabib tal-qalb, u qalli li r-riħ kien żdied, u l-vapur kien għadu jdur ma' Kemmuna, u se jagħmel l-aħħar vjaġġ għal dakinhar, fis-6.15pm minn Għawdex, u fis-7pm minn Malta. Skużajt ruħi mal- pazjenti u spjegajtilhom is-sitwazzjoni li kelli nitlaq. Dlonk soqt lejn iċ-Ċirkewwa, u fis-5.45pm kont fil-kju għall-vapur, u rajt il-vapur tas-6 jitlaq miċ-Ċirkewwa. Il- vapur li jmiss telaq fis-7pm, u wasalna Għawdex fis 7.45pm. Gurnata xitwija li fiha, biex għamilt xogħli, ħlejt Malta tliet sigħat filgħodu u sagħtejn oħra filgħaxija u dan, bil- karozza privata tiegħi. Aħseb u ara kemm ħela ħin dak il-ħaddiem Għawdxi li kellu juża t-trasport pubbliku. Ma niskantax jekk iddeċieda li ma jmurx għax-xogħol u jeħodha mill-vacation leave tiegħu! U dan l-aneddotu jġibni għall-punt. Din kienet ġurnata komuni xitwija. Ġurnata minn 4 sa ħames xhur fis-sena fejn il-maltemp huwa mistenni. Bħala żagħżugħ tagħmel xitwa jew tnejn jew aktar tikkumbatti, però fl-aħħar tiġi f 'sensik u tagħmel il- mistoqsija. Trid tibqa' għaddej b'ħajtek hekk, tikkumbatti biex tmur għax-xogħol? Taħli ħin prezzjuz minn ħajtek biex ikollok karriera, u taqla' x'tiekol u tgħajjex familja, jew titlaq il-gżira li tant hi għal qalbek biex tgħix Malta u jkollok karriera Malta u tevita t-taħbit tat-traġitt? Jew titlaq xogħlok u tieħu xogħol li jirrendi inqas u mhux ta' karriera, però ġo Għawdex u qrib il-familja? Din is-sitwazzjoni, ħafna Għawdxin jaffaċċjawha. Id-deċiżjoni jibqgħu jġorru l-konsegwenzi tagħha għomorhom. Ħafna żgħażagħ mhumiex lesti jitilfu karriera biex joqogħdu Għawdex, u għalhekk jissetiljaw Malta. Dawk li diġà għandhom familja Għawdex, jagħmlu minn kollox biex jinġabru Għawdex. Però Għawdex mhux dejjem joffri l-opportunitajiet li toffri Malta. Nafu minn statistika uffiċjali li f 'Għawdex, il-pagi huma inqas. Nafu li Għawdex ftit hemm mobbiltà fl-impjieg għax l-opportunitajiet huma inqas. Ħafna tipi ta' impjiegi speċjalment aktar ma jkunu speċjalizzati, ma ssibhomx ġo Għawdex. Naf ħafna żgħażagħ li biex isalvaw il-familja, jitilqu xogħol u karriera Malta, għal xogħol ta' kwalità inqas u li jirrendi inqas, però ġo Għawdex. Din id-deċiżjoni taf tittormentahom ħajjithom kollha. Dan it traġitt bejn Malta u Għawdex huwa l-unika kuntatt mal-bqija tad-dinja għal kull residenti ġo Għawdex. Bħala politiku, għandi dmir li ntejjeb il-ħajja ta' kull Għawdxi, u għalhekk, l-aċċessibbiltà hija prijorità. Titjib fl-aċċessibbiltà jwassal għal aktar opportunitajiet għar-residenti Għawdxin li jaffaċċjaw ħafna żvantaġġi ħajjithom kollha. L-għażla fl-edukazzjoni primarja u sekondarja hija limitata, waqt li dik terzjarja hija kważi ineżistenti. Bħala attivitajiet extra kurrikulari, huma limitatissimi għal dawk l-aktar komuni. Għalhekk, minn ċkunitna, l-opportunitajiet huma limitati, aħseb u ara xħin naslu għall-qasam tax- xogħol. Fl-opinjoni tiegħi, aktar ma teduka lil uliedek, inqas għandek ċans li wliedek jibqgħu joqogħdu Għawdex. U hekk, għadna lanqas bdejna nsemmu l-isfidi li għandna biex noqogħdu ġol-gżira t'Għawdex. B'dawn l-iżvantaġġi kollha, l-Għawdxi jibqa' ċittadin tat-tieni klassi. L-Għawdxi, matul is-snin ġie tallab tal- politiku biex jaqla' l-għajxien ta' kuljum. Mhux ta' b'xejn li wieħed minn kull tliet xogħolijiet f 'Għawdex hu mal-Gvern, waqt li ġo Malta l-proporzjon huwa ta' 1:4. Is-settur privat, mhux la kemm jikber, u dan minħabba l-problema tal-aċċessibbiltà. Liema investitur Malti jew barrani se jirriskja flusu fis- sitwazzjoni fejn it-traġitt ma tistax torbot fuqu, u jaħlilek ħafna ħin? Ix-xewqa tiegħi hi li l-Għawdxi jkollu l-istess opportunitajiet ta' edukazzjoni, xogħol u servizzi oħra. U għalhekk, titjib fl- aċċessibbiltà għal Għawdex hija prijorità biex intejbu l-opportunitajiet għar- residenti f 'Għawdex. Il-mina proposta u maqbula bejn iż-żewġ partiti ewlenin twassal għal titjib konsiderevoli fl-aċċessibbiltà u għalhekk, fl- opportunitajiet għalina u għal uliedna. Però Għawdex dejjem jibqa' gżira bil-karatteristiċi uniċi tiegħu, u bl-isfidi tiegħu. Il-mina mhix ħa telimina li Għawdex ma jibqax gżira però tnaqqas ħafna mill-insularità doppja li qed tillimita lil Għawdxi u lil Għawdex milli jikbru. Franco Mercieca huwa Membru Parlamentari f 'isem il-Partit Laburista Opinjoni Franco mercieca Aċċessibbiltà bejn Malta u Għawdex: Ir-riħ beda jonfoħ Ritratt: Gordon Barbara "Biex għamilt xogħli Malta, ħlejt tliet sigħat filgħodu u sagħtejn oħra filgħaxija, u dan bil-karozza privata tiegħi" "Naf ħafna żgħażagħ li biex isalvaw il- familja, jitilqu xogħol u karriera Malta għal xogħol ta' kwalità inqas u li jirrendi inqas, però ġo Għawdex"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 29 Novembru 2015