Illum previous editions

ILLUM 20 March 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/655578

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 35

I l-qasam tas-saħħa huwa qasam ħaj li dejjem jevolvi għaċ- ċirkostanzi tas- soċjetà tagħna. Huwa għalhekk li f 'dan is-settur mhux biss trid tippjana għal dawk li huma ċ-ċirkostanzi tal-lum, iżda jrid ikollok viżjoni għal dawk li se jkunu ċ-ċirkostanzi ta' għada. Tliet snin ilu, meta l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni u tela' fil-Gvern, dan is- settur kien fi żvantaġġ kbir. Għalhekk, l-ewwel prijorità tagħna kienet li nsolvu l-problemi li kienu ilhom snin jifnu lid-Dipartiment. Pilloli out of stock, pazjenti fil-kurituri u listi ta' stennija ma jispiċċaw qatt. Il-pilloli out of stock illum saret xi ħaġa tal-passat. Minn mijiet ta' pilloli out of stock ta' kull ġimgħa, illum għandna xejn jew ftit ħafna. Fl-2015 kellna 26 ġimgħa sħiħa fejn il-lista ta' pilloli out of stock kienu żero, anadament pożittiv li qiegħed jitkompla wkoll din is-sena. Il-problema ta' pazjenti fil-kurituri, hija problema li kienet ilha tinħass anke fi żmien l-Isptar San Luqa. Bħala kirurgu, flimkien ma' sħabi l-kirurgi konna tkellmina fuq dan meta kien qiegħed jinbena Mater Dei, iżda gvern Nazzjonalista baqa' għaddej bil-pjanijiet tiegħu u spiċċajna bi sptar iżgħar mill-Isptar San Luqa. Matul dawn l-aħħar sentejn, ħdimna biex din il-problema nsolvuha. Għalkemm ma stajniex nibnu aktar sulari fuq l-Emerġenza minħabba l-konkrit dgħajjef, ma qtajniex qalbna u tellajna binja sħiħa ġdida. F'din il-binja, diġà ftaħna żewġ swali u rranġajna wkoll sala oħra. B'hekk żidna l-kapaċità ta' Mater Dei b'87 sodda. Dan wassal biex matul din ix-xitwa, kellna b'85% inqas pazjenti fil-kurituri. Għadna ma wasalniex mija fil-mija, imma ninsabu f 'pożizzjoni tajba u se nibqgħu naħdmu sakemm l-ebda pazjent ma jkun fil- kuritur, għax għalina huwa sempliċiment inaċċettabli li persuna fi żmien vulnerabbli tkun f 'kuritur. F'dak li għandhom x'jaqsmu listi ta' stennija, ħdimna, qed naħdmu, u se nkomplu naħdmu. F'ċerti oqsma diġà wasalna bħall-MRI u katarretti fost l-oħrajn. Din il-ġimgħa stess tkellimt dwar kemm żdiedu t-testijiet tal-MRIs f 'pajjiżna. Fl-2010 kienu saru 7,000, filwaqt li s-sena li għaddiet saru 20,000. Dan waqt li ż-żmien ta' stennija niżel minn sentejn għal tliet xhur. L-istess l-ultrasounds, minn 22,000 fl-2010 għal 33,000 is-sena li għaddiet, u s-CT scans żdiedu minn 18,000 għal 31,000. Il-bone density huwa settur ieħor fejn naqqasna l-ħin ta' stennija b'mod radikali, fil-fatt għal dawk li huma testijiet ta' rutina minn sena u nofs, il-ħin ta' stennija issa huwa ta' xahrejn, filwaqt li għal testijiet urġenti, m'hemm l-ebda waiting list. F'dak li għandhom x'jaqsmu kataretti wkoll kellna problema, tant li ħafna pazjenti fil- maġġorparti tagħhom xjuħ, kienu qegħdin jagħmlu l-operazzjoni fil-privat bi spiża żejda mill-pensjoni tagħhom. Issa l-istennija, minn sena u nofs naqset għal erba' xhur. Din is-sena se nkunu qegħdin niffukkaw il-ħidma tagħna biex innaqsu l-listi ta' stennija fl-ortopedija. Meta lħaqt Segretarju Parlamentari kienet ċemplitli mara u qaltli li kienet ilha tistenna għal operazzjoni fl-irkoppa 11-il sena. Inaċċettabbli. Bħalha kien hemm ħafna oħrajn. Fl-aħħar erba' xhur, il-lista ta' stennija għall- operazzjonijiet tal-bdil tal- irkoppa u l-ġenbejn naqsu bi 28%. Dan billi żidna n-numru ta' operazzjonijiet li jsiru kull ġimgħa minn 14 għal 23. Ovvjament, dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr ir-riżorsi umani. Il-ħaddiema tagħna f 'kull livell huma l-magna li żżomm l-isptarijiet tagħna jaħdmu, u l-mutur li jżomm lilna għaddejjin bil-proġetti u l-pjanijiet tagħna. Matul din il-ġimgħa wkoll, għalqet sejħa għall-interess interna għal staff mediku biex jagħmlu l-operazzjonijiet fi tmiem il-ġimgħa. Dan minħabba li għandna sitwazzjoni quddiemna li filwaqt li għandna numru ta' nies jistennew għal operazzjoni, it-teatri tagħna fi tmiem il-ġimgħa, ħlief għall-operazzjonijiet ta' emerġenza, ma jintużawx. Qegħdin noffru l-possibbiltà lill-professjonsiti tagħna biex joffru s-servizzi tagħhom fi tmiem il-ġimgħa u għal dan, jitħallsu żejjed. B'hekk se nkomplu nnaqsu aktar il-listi ta' stennija. Dan minbarra wkoll ftehim mal-privat fejn qegħdin isiru operazzjonijiet fil-privat, iżda mħallsa kompletament mill-istat. Għandna għaddej proġett dwar dan mal-isptar St James f 'dak li għandu x'jaqsam ma' day surgeries, filwaqt li fil-jiem li ġejjin se jibda ftehim ieħor għall- operazzjonijiet maġġuri, fosthom tal-bdil tal-irkoppa u ġenbejn. Apparti li nkompli naħdmu fuq l-operazzjonijiet fl- ortopedija, din is-sena u ta' warajha se nkunu wkoll qegħdin niffukkaw il-ħidma tagħna biex jonqsu l-listi ta' stennija għall-appuntamenti fl-out patients. Iżda kif għidt fil-bidu, fis- saħħa ma tridx biss issolvi l-problemi li jinqalgħu, iżda anke taħseb u tippjana għat- tul. Diġà bdejna naħdmu fuq sptar għat-tfal u l-maternità. Sptar li fis-snin 70 u bidu tas-snin 80 pajjiża kellu fl- isptar Karen Grech, li iżda wara spiċċa taħt Gvernijiet Nazzjonalisti jintuża għal kollox u tilef l-iskop tiegħu. Bħala tabib li speċjalizzat propju fil-kura tat-tfal, naf kemm il-kura u l-mediċina għat-tfal hija differenti minn dak tal-adulti. Illum għandna sitwazzjoni fejn is-swali tal-maternità u tfal huma mifruxa fi blokkok differenti tal-isptar. Dan iċ-ċentru ġdid għat-tfal u maternità se jkun fil-binja l-ġdida li hemm bisiwt l-Emerġenza, li se ngħolluha għal seba' sulari oħra. Dan mhux se jkun l-uniku tibdil strutturali li se jsir f 'Mater Dei hekk kif fil- ġimgħat li ġejjin se jkun qiegħed jitlesta r-rapport dwar il-konkos f 'Mater Dei, u se jkollna nieħdu aktar deċiżjonijiet. Fil-pjan tagħna għas-saħħa m'aħniex se ninsew sptar li għal ħafna snin tħalla fi stat mhux denju għas-seklu tagħna - l-Isptar Monte Carmeli. Minn meta nbena dan l-isptar, ħlief għal tibdil kożmetiku, tħalla kif kien, jiġifieri sptar ta' żewġ sekli ilu. Aħna se nagħtu dehra ġdida lis-saħħa mentali f 'Malta, f 'dan ir-rigward ukoll se naħdmu id f 'id mal- privat. Mal-privat se nkunu qegħdin naħdmu wkoll mal-proġett tal-Vitals Global Healthcare, li hu investiment ta' €200 miljun li se jinvolvi l-Isptar San Luqa, Karen Grech u l-Isptar Ġenerali t'Għawdex. Din hija l-viżjoni tagħna għas-saħħa, fejn kull settur, kull faxxa ta' nies mhux biss tkun qed tingħata servizz tas-saħħa b'xejn, iżda li dan is-servizz ikun tal-ogħla livell u fil-ħin. illum | Il-Ħadd 20 ta' Marzu 2016 Qed innaqsu l-listi ta' stennija Opinjoni 14 CHRIS FEARNE "Żidna l-kapaċità ta' Mater Dei b'87 sodda. Dan wassal biex matul din ix-xitwa kellna b'85% inqas pazjenti fil- kurituri"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 20 March 2016